31 ta' Diċembru 2006
Addio riforma fil-portijiet fl-2006
Julia Farrugia
Ir-riforma fil-portijiet imwiegħda mill-Gvern u li suppost daħlet fis-seħħ sal-lum se tibqa’ fuq l-ixkaffa sakemm jintlaħaq qbil bejn l-entitajiet kollha konċernati. Dan ikkonfermah Dr Marc Bonello, iċ-Chairman tal-Bord tan-negozjar għar-Riforma fil-Portijiet.
Dr Bonello kkonferma ma’ Illum li l-kontroproposti kif preżentati miż-żewġ unions tal-ħaddiema huma “ferm ’il bogħod mill-25 fil-mija roħs fit-tariffi kif imwiegħed mill-Gvern”.
Fl-istess ħin li hemm dawn id-diskrepanzi bejn il-Gvern u l-ħaddiema, Bonello jgħid li “ir-riforma fil-portijiet mistennija tidħol fis-seħħ fil-futur qrib.” Iżda mhux magħruf kemm hi fil-qrib din id-data.
Sadanittant, hekk kif għaddejjin dawn il-battibekki, fuq il-portijiet ikompli jinġema’ sħab iswed. Sorsi qrib dan il-mistier ikkonfermaw kif f’temp ta’ ġimagħtejn il-Freeport tilef xejn inqas minn Lm170,000.
Fuq medda ta’ ġimagħtejn kien hemm madwar ħames linji ta’ vapuri li verbalment urew l-interess biex jibdew jużaw is-servizzi tal-Port Ħieles. Madankollu l-ebda xogħol ġdid ma kien aċċettat minħabba li m’hemmx biżżejjed ħaddiema tax-xatt biex jagħmlu dan ix-xogħol.
L-istess sorsi kkonfermaw kif fil-bini tal-Freeport bejn il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa nqala’ diżgwid wara li żewġ vapuri li kienu jużaw il-Port Malti spiċċaw ma ħadux is-servizz kollu li xtaqu.
Il-vapuri milquta huma l-Mozart u n-Nabucco li bejniethom għandhom kapaċità li jġorru xejn anqas minn 14,000 container. Kmieni l-Ġimgħa filgħodu dawn iż-żewġ vapuri telqu minn mal-moll tal-Port Ħieles mingħajr ma laħqu għabbew 600 container oħra li kellhom jgħabbu. Dan il-fatt waħdu sewa lill-Freeport telf ta’ madwar Lm20,000.
Mitlub minn din il-gazzetta biex jikkonferma jew jiċħad din l-aħbar, il-Freeport ikkonferma li din l-istorja hi minnha.
Il-Port Ħieles isostni li “ir-raġuni prinċipali wara dan kienet in-nuqqas ta’ ħaddiema liċenzjati tal-Port disponibbli matul ix-shifts illi matulhom kienu qed jinħadmu l-vapuri.”
Il-Port Ħieles ikkonferma wkoll li “id-danni li sofra l-Freeport u l-klijenti tiegħu jammontaw għal eluf kbar ta’ liri.”
Is-sitwazzjoni qed tkompli tikkomplika ruħha hekk kif il-Freeport sa kkonferma ma’ din il-gazzetta li “in-nuqqas ta’ riżorsi qed jaffettwa negattivament il-produttività tal-Freeport u b’konsegwenza ta’ dan qed ikun aktar diffiċli biex jattira xogħol ġdid f’suq li kull ma jmur qed jsir dejjem iżjed kompetittiv.”
Il-Port Ħieles qed isostni li ilu iktar minn sentejn jinforma lill-Awtoritajiet konċernati, fosthom lill-Awtorità Marittima ta’ Malta, dwar dawn in-nuqqasijiet.
In-nuqqas ta’ ħaddiema hija waħda mill-problemi li trid issolvi r-riforma mwiegħda. Sa ftit tax-xhur ilu kien hemm qbil bejn il-union tal-ħaddiema u l-Freeport biex tintuża sistema ta’ lista ta’ ħaddiema każwali. Fuq din il-lista hemm madwar 50 ħaddiem li l-ftehim jistipula li dawn jintalbu jaħdmu x-xogħol mitlub f’każ li t-370 ħaddiem tax-xatt attwali ma jkunux biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda.
Din il-gazzetta staqsiet lil Dr Marc Bonello x’ġara minn din il-lista. Bonello enfasizza li “din il-lista ma tista’ qatt tidħol fis-seħħ jekk mhux bil-barka tar-Regolatur, f’dan il-każ l-Awtorità Marittima Maltija.” L-istess persuna sostniet ma’ Illum li “ma nħossux li din il-lista għandha tkun approvata qabel ikun hemm qbil fuq il-pakkett kollu tar-riforma.”
Bonello insista li “f’dan l-istadju ir-Regolatur qed iħares mhux biss lejn din il-lista bħala s-soluzzjoni tal-problemi attwali iżda wkoll possibiltajiet oħra fosthom li jiddaħħlu ħaddiema tal-port ġodda li jingħataw taħriġ għal ta’ l-apposta kif jitlob xogħol delikat bħal dan.”
Fl-istess ħin tinħass ċerta klima tqila bejn il-Port Ħieles u l-Awtorità Marittima Maltija. Meta kkonfrontat bl-argument ta’ kemm xogħol qed jintilef mill-Port Ħieles, Bonello qal hekk: “Nispera li m’hemmx xi ħadd fil-Freeport li għandu aġenda moħbija jew xi ħadd involut fid-diskussjonijiet li jrid jgħaġġel lill-Gvern dwar din ir-riforma. Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel. Nemmen li hemm bżonn li tittieħed azzjoni imma r-riforma tal-portijiet trid issir sa l-aħħar mingħajr aktar frejjeġ milli kellna s’issa.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt