Il-miġja ta’ l-Ewro fl-1 ta’ Jannar 2008 tista’ twassal biex fl-2007 naraw splużjoni oħra fil-prezz tal-proprjetà hekk kif ħafna mill-flus moħbija, li jlaħħqu għal madwar Lm250 miljun, jistgħu jsibu rwieħhom investiti f’iktar appartamenti u djar.
Fl-2007 kulmin għandu flus mhux dikjarati u jrid iżommhom moħbija mill-awtoritajiet irid jara x’se jagħmel biex jonfoqhom qabel ma tidħol l-Ewro.
Jekk ma jsir xejn uffiċjali biex dawn il-flus joħorġu fl-ekonomija b’mod leġittimu u kkontrollat jispiċċaw jintefqu f’affarijiet lussużi u proprjetà bħalma ġara fil-pajjiżi l-oħra Ewropej meta ddaħħlet l-Ewro.
Investiment qawwi fil-proprjetà jista’ jwassal biex il-prezzijiet jisplodu aktar ’l fuq bħalma kien qed jiġri f’dawn l-aħħar tliet snin, b’konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali xejn sbieħ.
L-ekonomista Edward Scicluna ftit tal-ġimgħat ilu wissa li l-flus żejda li hawn fl-idejn u li ġejjin minn evażjoni tat-taxxa qed iwasslu għall-għoli sfrenat fil-prezzijiet tal-proprjetà minħabba spekulazzjoni rampanti. Ir-riskju ta’ dan kollu hu li l-bużżieqa li qed tintnefaħ fis-suq tal-proprjetà tista’ tinfaqa’ f’wiċċ kulħadd hekk kif hawn ħafna iktar appartamenti u djar milli hawn bżonn.
Mill-pajjiżi ġodda ta’ l-UE Malta għandha l-ogħla ammont ta’ flus fl-idejn b’madwar Lm1,250 ras għal ras. Statistika uffiċjali turi li mill-1999 l-ammont ta’ flus fl-idejn kien qed jiżdied b’medja ta’ Lm17-il miljun fis-sena minkejja l-ekonomija kajmana li kellna. Din hi indikazzjoni li ħafna mill-flus fl-idejn kienu ġejjin minn evażjoni tat-taxxa.
Iżda s-sena li għaddiet, għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar seba’ snin, il-flus fl-idejn naqqsu b’madwar Lm10 miljuni li skond ma’ qal Scicluna lil MaltaToday ftit tal-ġimgħat ilu, hija indikazzjoni li madwar Lm30 miljun diġà sabu ruħhom investiti fil-proprjetà. Flus mhux dikjarati ma jistgħux jinbidlu fl-Ewro b’mod uffiċjali permezz tal-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra għax dawn huma obbligati bil-Liġi li jistaqsu minn fejn ikunu ġew il-flus.
Fl-2007 il-Gvern irid jara x’jagħmel biex il-flus li hemm taħt il-maduma joħorġu fil-beraħ u jevita li dawn ikunu investiti fil-proprjetà. Iżda s’issa la l-Gvern u lanqas il-Bank Ċentrali ma riedu jlissnu kelma waħda dwar x’soluzzjoni jistgħu joffru. Ħafna jemmnu li amnestija bħalma diġà kienet saret fil-każ ta’ min kellu flusu investiti barra minn Malta hija l-uniku triq li jista’ jieħu l-Gvern.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt