L-eks President Iraqi, Saddam Hussein lbieraħ filgħodu għalquh bl-istess ħabel li l-pulizija tiegħu kienu jgħallqu bih lil dawk li kienu jopponu r-reġim immexxi minnu għal 25 sena.
L-esekuzzjoni saret fil-bini li qabel kien jintuża mill-pulizija sigrieta ta’ Saddam fid-distrett ta’ Qadumiya f’Baghdad. L-Esekuzzjoni ħadet 25 minuta, bl-eks President jitħalla mdendel mal-forka għal 10 minuti. Saddam kien ċertifikat mejjet minn tabib maħtur mill-Qorti, li sostna li l-priġunier kellu mewta “kważi instantanea.”
Filmati li wara li xxandru mit-televiżjoni fl-Iraq ntwerew madwar id-dinja, wrew lil Saddam Hussein liebes l-istess libsa skura u qmis bajda maqfula sa għonqu li kien jilbes waqt is-smigħ tal-ġuri tiegħu. Deher jiddaħħal f’kamra skortat minn erba rġiel b’wiċċhom mgħammad u li wara kienu l-bojja tiegħu,
Deher imbeżża’
Saddam Hussein deher iħares imbeżża’ minn taħt il-għajn lejn in-nofs tal-kamra fejn kien hemm pedestall tal-ħadid imdawwar bi żbarri miżbugħa fl-aħmar.
B’idejh marbutin wara dahru Saddam Hussein irnexxielu jżomm wiċċ serju u ta’ sfida lejn min neħħieħ mill-poter u ikkundannah għall-mewt.
Filwaqt li deher jirrifjuta li jitlibbes barnuża, il-bojja mexxewh sa ħdejn il-forka fejn tpoġġietlu ċarruta sewda madwar għonqu biex wara tlibbisslu ħabel oħxon u tqil minn fuq rasu, sakemm issikawlu l-ingassa.
Il-filmat inqata’ ftit sekondi qabel ma nfetħu l-bibien tal-ħadid taħt saqajh, li skond xi xhieda minn fost sebgħa biss li kienu preżenti għall-esekuzzjoni, Saddam stira mal-ħabel u deher li kien mejjet fi ftit sekondi.
L-istess xhieda spjegaw li Saddam ċaqlaq ftit saqajh f’dak il-mument li stira mal-ħabel, u ma damx biex miet hekk kif la nstema’ jifga u lanqas ma beżaq.
Kienu l-04.00 ħin ta’ Malta meta l-aħbar dwar l-esekuzzjoni ta’ Saddam Hussein kienet konfermata mill-Gvern Iraqi, bl-aġenziji kollha ta’ l-aħbarijiet joħorġu jiġru bl-aħbar.
Waqt li fl-Iraq il-Prim Ministru Nuri Al-Maliki appella għal rikonċiljazzjoni fost il-poplu, il-komunità Musulmana Xiita ħarġet tiċċelebra l-mewt ta’ Saddam Hussein, waqt li l-Musulmani Sunni li kienu mħarsa mir-reġim ta’ Saddam Hussein, wiegħdu li jivvendikaw il-mewt tiegħu.
Fil-belt ta’ Kufa, karozza bomba splodiet qrib is-suq tal-ħaxix u qatlet madwar 30 ruħ, waqt li fl-ibliet ta’ Falluja u Tikrit kien hemm irvellijiet li ħallew bosta midruba.
Bush : “Kont rieqed”
Ir-reazzjonijiet għall-mewt ta’ Saddam Hussein madwar id-dinja kienu mħallta, hekk kif fost l-ewwel li tkellmu kien il-President George W. Bush li sostna li għalkemm kien rieqed fil-ħin li Saddam Hussein ngħata l-forka “saret ġustizzja.”
Fl-isfond ta’ skiet perfett ta’ Ahmadinejad mill-Iran, tkellmu b’kundanna kważi l-pajjiżi Għarab kollha. L-estremisti Hamas Palestinjani u l-Hezbollah fil-Libanu ħalfu vendetta kontra l-Istati Uniti.
L-Israel esprima sodisfazzjon għall-aħbar dwar l-esekuzzjoni ta’ l-eks dittatur Iraqi, waqt li b’sorpriża l-Gvern Franċiż ikkummenta biss li “ħa nota” ta’ l-aħbar, bil-bqija tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, fosthom Malta sostnew kundanna għall-esekuzzjoni.
Il-Vatikan kien fost l-ewwel li ħareġ kundanna qawwija għall-mewt ta’ Saddam Hussein, tant li s-Santa Sede sostniet li l-aħbar hi “waħda traġika.”
Il-kundanna minn Malta
Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo, ikkummenta ma’ din il-gazzetta li “Malta, bħall-imsieħba l-oħra fl-Unjoni Ewropea, hi kontra l-piena tal-mewt anki jekk din, fil-każ ta’ Saddam Hussein, kienet fil-konfront ta’ dittatur brutali li ma kellu l-ebda rispett għall-ħajja ta’ ħaddiehor”.
Frendo sostna wkoll li “l-Iraqqini kollha jeħtieġu jħarsu ‘l quddiem u jerġgħu jibnu pajjiżhom fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni. It-tpattija reċiproka ta’ grupp kontra l-ieħor twassal biss għall-qerda u ma tibni xejn.”
Guido de Marco, il-President Emeritus tar-Repubblika u eks President ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sostna kif indipendentement mir-responsabbiltajiet morali u legali ta’ Saddam Hussein, l-implikazzjonijiet politiċi ta’ l-esekuzzjoni tiegħu huma serji ħafna u mistennija jkollhom effett fuq l-Iraq kif ukoll fuq l-Istati Uniti.
“Indipendentement mill-mertu tal-ġustizzja dwar x’sar u kif sar, ir-responsabbiltà dwar għemil Saddam Hussein tmiss għall-Istorja, Madankollu l-eżekuzzjoni tiegħu hu żball kbir b’implikazzjonijiet politiċi serji ħafna,” temm jgħid Guido de Marco.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt