31 ta' Diċembru 2006 • Nr 9

Arkivji




 

31 ta' Diċembru 2006
Idolu u stilla tal-pannu

“L-istilla ta’ Malta.” Hekk jissejjaħ mill-announcers qabel joħroġ fis-sala għal kull logħba li jkollu. U appena joħroġ isib tilqgħu sala sħiħa ta’ ammiraturi li b’ċapċip qawwi jħobbu jsegwu l-aktar plejer veloċi li qatt kien hawn fid-dinja ta’ l-isnuker.
Meta jilgħab ma jkunx hu u l-istikka biss mal-mejda. Miegħu dejjem ġarr il-bandiera bajda u ħamra ta’ pajjiżna li għal aktar minn 20 sena sħaħ tajjarha fuq l-ogħla pedestall possibbli ta’ l-isport internazzjonali. Bla dubju dan hu li jagħmel lil Tony Drago l-idolu tal-Maltin.
Lil Tony Tornado Drago jafu kulħadd. Żgur li ma kellux bżonn din l-intervista biex issiru tafuh. Imma bħala l-aħħar intervista tas-sena 2006 xtaqt nispiċċa b’xi ħadd ta’ fama mondjali, li anki jekk ħareġ miċ-ċokon ta’ Malta, ismu u l-personalità tiegħu huma magħrufin ħafna fid-dinja ta’ l-isport. Għalfejn fl-Ingilterra qalgħuhielu Tornado?
“Naħseb li dan il-laqam ivvintawh għax nilgħab veloċi u meta nkun qiegħed tajjeb kapaċi nirbaħ lil kulħadd. Fil-fatt meta nirbaħ lil xi ħadd f’ħin qasir dejjem ħadt il-prosit. Imma ma nistax għaliha meta jgħiduli li tlift għax għaġġilt. Meta jgħiduli hekk sirt nibqa’ għaddej u lil dak li jkun lanqas inkellmu. Dik kelma li issa dejqitni.”
Kont miftiehem miegħu l-Hilton il-Ħamis li għadda fl-10am. Wasalt kwarta tard u b’nofs daħka ħatafni: “Nobgħod nistenna jien. Meta niftiehem ħin dejjem kont puntwali. U normalment il-ġurnalisti jistennew lili. Jien jistennewni ġurnalisti tal-BBC u l-iSKY u kelli nispiċca nistenna lil Mark Attard.”
Nimxu flimkien u npoġġu fuq sufan għal aktar kwiet. Indunajt li kien qed jiċċajta. Għalkemm jien u Tony ħbieb sew, nafu ħafna mil-lat ta’ sport, imma ftit mill-ħajja personali.
“Jien easy going. Nipprova dejjem nimxi sew man-nies. Inħobb inżomm ruħi trankwill u relaxed għax l-isnuker hi logħba ta’ ħafna stress mentali. Inħobb ħafna l-kumpanija tal-ħbieb.”
Insaqsih kif beda. “Jiena tajt l-ewwel kolp tiegħi fil-każin tal-banda Anglo-Maltese. Minn hemm ħriġt u tgħallimt nilgħab sew. Kien għeni ħafna Carm Zerafa tal-Maltese Movement. Darba niftakar li kienu organizzaw tournament u għalih ġew l-Ingliżi.
Kien hemm wieħed minnhom li ħajjarni nitla’ l-Ingilterra nilgħab fil-kompetizzjonijiet ta’ l-amateurs. Kont mort tajjeb u rbaħt xi erbgħa tournaments minn ħamsa. Minn dak inhar ’l hawn ħajruni neqleb ukoll professjonali u bqajt għaddej sal-lum.”
Tony Drago twieled fit-22 ta’ Settembru 1965. Bħalissa jinsab jokkupa t-63 post tar-rankings mondjali. Ilu mis-sena 1985 jilgħab fuq bażi professjonali. Ta’ 20 sena beda jdur id-dinja u llum ta’ 41 sena, jistqarr li grazzi għall-isnuker dar kważi d-dinja kollha. Jammetti li jinsab Malta b’kumbinazzjoni.
“About time li ġejt ftit hawn. Kont ili ma nkun Malta minn ġimgħa wara li spiċċat il-Malta Cup li għaddiet. Dak kien żmien fejn kont ħafna down f’ħajti u ma ridt inkellem lil ħadd. Mumenti li fil-ħajja jolqtu lil kulħadd.”
Tisma’ lil Tony jitkellem tinduna li minkejja li hu persuna li jafu kulħadd u jistħoqqlu kull ġieh u rispett, mumenti bħal dawn jgħaddi minnhom kulmin jgħix f’din id-dinja. Insaqsih x’reazzjoni jkollu meta jisma’ li hu l-aqwa sportiv li qatt ħareġ minn Malta.
“Dik mhux għalija biex ngħidha. Inħalli n-nies jiġġudikawni. Probabbli li jgħidu hekk għax issa ili 22 sena nilgħab ma’ l-aqwa plejers fid-dinja. Dawn l-aħħar sena nofs kienu l-ewwel darba minn kemm ili li qlibt professjonali li ma kontx ma’ l-ewwel 20 fir-rankings mondjali. Għamilt 5 snin ma’ l-ewwel 16-il plejer fid-dinja u l-aħjar ranking li qatt wasalt kien sa l-10 post. Għalkemm jien ma rbaħtx ranking tournament, xorta rbaħt 5 tournaments ta’ l-ogħla livell. Fil-karriera professjonali trid tħares lejn il-konsistenza.”
Inkompli fuq il-mistoqsija ta’ qabel u ridt inkun naf xi jfisser li tkun plejer li jkollok fama mondjali bħal tiegħu.
“Hija xi ħaġa sabiħa. Jien għadni sa llum wara dan iż-żmien kollu mmur postijiet fl-Ingilterra u nsib nies iwaqqfuni għal ritratt jew għall-firma. Xi kultant vera ngħid li jdejquni imma konxju li niddejjaq aktar meta nikber u nintesa u ma jibda jiġi ħadd. Hemmhekk nibda ngħid li Tony Drago m’għadux jagħmel it-tajjeb li kien jagħmel darba.”
Ftit jafu li Tony Drago mniżżel fil-Guiness Book of Records għal ħames tipi ta’ rekords differenti. L-ewwel żewġ rekords huma rebħa ta’ 5-0, f’34 minuta u rebħa oħra ta’ 9-0, f’81 minuta. Għandu wkoll ir-rekord ta’ l-aktar frame mirbuħ malajr fi tliet minuti. Għamel ukoll century break ta’ 114 f’żewġ minuti u 12-il sekonda. U l-ikbar waħda hi meta għamel break ta’ 149. Konxju li l-massimu ta’ punti li wieħed jista’ jagħmel fil-logħba ta’ l-isnuker hu dak ta’ 147, insaqsih jekk ħax żball.
“Dak iż-żmien kien rekord mondjali ġdid. Għamiltu waqt it-taħriġ imma xorta mniżżel fil-Guiness Book of Records. Għamiltu bi free ball. Żewġ boċċi kannella, imbagħad il-boċċi ħomor kollha segwiti mill-boċċa s-sewda u l-kulur kollu.”
Insaqsih dwar il-kontroversja li qamet hawn Malta bejn l-assoċjazzjoni ta’ l-isnuker u l-plejers tagħha, fuq quddiem nett, Alex Borg.
“Nixtieq li smajthom u qrajthom jien dawn l-intervisti. Ma niħux pjaċir meta f’pajjiżna jkun hawn min jipprova jbaxxi l-logħba ta’ l-isnuker għax bla dubju ta’ xejn huwa l-aktar sport li bih għamilna suċċess bħala pajjiż. Dan ngħidu bl-akbar sinċerità. Ibda minn Pawlu Mifsud, Ġużi Grech, Alex Borg u issa anki Simon Zammit. Kollha għamlu isem kbir lil pajjiżna.
“Alex ħabib kbir tiegħi. Naf kemm hu raġel sinċier u jħobb il-logħba. Alex rebaħ European Championship ġimgħa wara li kien għadu kif miet missieru u proprju b’dik ir-rebħa kien qaleb professjonali. Fiha nnifisha hija rebħa kbira kemm għalih kif ukoll għall-poplu Malti kollu.
“Jien lil Alex nikkumparah ma’ flixkun inbid Franċiż mill-aqwa. Dawn l-aħħar tliet snin, Alex impressjonani bil-kbir. Jien tħarriġt ma’ l-aqwa plejers tad-dinja bħal Ronnie O’Sullivan u Stephen Hendry u meta nkun hawn Malta, nitħarreġ miegħu.
“Il-vera jtik x’tagħmel. Dawn l-aħħar erba’ snin Alex għamel avvanzi kbar u sfrutta t-talent tiegħu għall-perfezzjoni.”
U mingħajr ma jirreferi għalih bl-isem, Tony jikkummenta wkoll fuq l-intervista li ta lil din il-gazzetta Pippo Psaila u li fiha tkellem ukoll dwar Alex Borg.
“Jiddispjaċini li f’din il-gazzetta kien hawn min parla fil-vojt u fetaħ attakk qawwi fuq Alex. Il-persuna li qalet dak id-diskors ma tantx nafu u ma rridx inkun nafu. Kultant narah fuq it-televiżjoni.
Imma li titkellem b’dak il-mod fuq persuna bħal Alex Borg għalija trid tkun pastaż u antipatku. Żgur li qal dak id-diskors għax Alex tifel kwiet. Biex titkellem fuq l-isnuker trid tkun tifhem fl-isnuker.
“Qrajt anki li qal li William Chetcuti għamel aktar minn Tony Drago. Lanqas qed jinduna li b’diskors bħal dan meta jiġi kkumparat ma’ bniedem veteran bħali qed jitfa’ pressjoni żejda fuq tifel li għadu jibda fid-dinja ta’ l-isport?
“William ħabib personali tiegħi u huwa tifel taz-zokkor. Huwa ġenju fl-isparar. La jkun ta’ ġid għal Malta, j’Alla William Chetcuti jagħmel tmien darbiet daqs Tony Drago. Imma jien ili 22 sena konsistenti fuq bażi professjonali. William diġà rebaħ ħafna u żgur li jinsab fit-triq it-tajba biex jagħmel is-snin li għamilt jien ma’ l-aqwa tad-dinja. Imma jkun aħjar jekk iqabbluna ma’ xulxin 10 snin oħra.”
Insaqsih jekk iħossx li hu ġie apprezzat mill-Istat għal dak kollu li rnexxielu jagħmel għal Malta.
“Tony Drago ġie apprezzat għal dak li għamel għal Malta minn nies komuni. Minn nies tal-każini, mill-partitarji u ġurnalisti bħalek li kull meta tawkom iċ-ċans ħadtu ħsiebi. Dawk in-nies ta’ l-ingravata li jgħidu sitt kelmiet bl-Ingliż u waħda bil-Malti, għalija bullshitters. Ma’ Tony Drago qatt m’għamlu xejn. Dawk in-nies li suppost ħadu ħsieb Tony Drago ma ħadux ħsiebu. U lanqas ħadu ħsieb plejers bħal Pawlu Mifsud, Gużi Grech, Alex Borg u Simon Zammit. Aħna dejjem għamilna unur lill-pajjiż u qatt ma ħadu ħsibna. Hemm xi sport ieħor mhux tal-każini li jekk tkun tipprattikah u jkollok zijuk jew kuġinuk bi tliet kunjomijiet, jieħdu ħsiebek aktar. Jien ngħid bil-fatti u b’responsabbiltà li fejn wasal pajjiżna bl-isnuker għadu ma wasal l-ebda sport ieħor s’issa.”
Idoqq il-mobile tiegħu. Kien Joe Caruana Curran. X’kumbinazzjoni! Filwaqt li jkellmu, nixrob il-kafè li kien għadu kemm offrieli. Insaqsih fuq is-Sur Joe.
“Lis-Sur Joe nafu għax hu sar president tal-Belt fl-1985 u kienet l-istess sena li jien qlibt professjonali. Dan l-aħħar sitt snin sirna ħbieb tal-qalb u bil-kunfidenza kollha nsejjaħlu ħija l-kbir daqs kemm inħobbu. It-tnejn li aħna għamilna suċċess għall-Belt. Hu għamel aktar minni għax rebaħ aktar. Dejjem ħarist lejh bħala idolu tiegħi. Li għamel għan-nies tal-Belt ma jintesa qatt.
Xtaqt li sirt nafu meta kont żgħir għax kont inkun aktar rebbieħ u finanzjarjament ħafna aħjar għax moħħu tal-business. Wieħed mill-akbar persuni ta’ rispett li qatt iltqajt magħhom f’ħajti.”
U Justin Tellus? “Justin ħabib kbir ukoll. Sirna ħbieb meta kien jilgħab mal-Belt. Ġieli mort naqta’ xagħri għandu wkoll. Bħala plejer tal-futbol kulħadd jaf li teknikament mhux l-aqwa plejer ta’ Malta però għandu qalbu kbira u jagħti l-mija fil-mija tiegħu. Dik ħaġa li fiha nfisha żgur aqwa minni għax jien ġieli qtajt qalbi kmieni f’xi logħba.
“Kultant jaħraqni għax jien bniedem nervuż u hu kalm ħafna. Meta mmorru nieklu ġieli nlesti minn kollox u hu jkun għadu fl-istarter.”
Nerġgħu lura għall-isnuker u nsaqsih jekk John Higgins hux l-aktar plejer viċin tiegħu.
“Jien viċin ħafna ma’ plejers bħal John Higgins, Joe Swail, Ken Doherty u Jimmy White. Imma m’għandix wieħed partikolari. Forsi l-aktar wieħed li mmur tajjeb miegħu huwa Joe Swail.”
Il-mument tad-dieqa. Insaqsih kif laqtitu l-aħbar tal-mewt ta’ Paul Hunter.
“Il-mewt ta’ Paul Hunter kienet l-akbar traġedja li qatt iltqajt magħha. Konna ngħidulu David Beckham. Kien artist b’mara artista u tarbija. Kellu dar f’Yorkshire ma nafx kemm tiswa. Dik hija d-dinja. Hija ħasra u jiddispjaċini ħafna li ma stajtx immur il-funeral tiegħu għax kont impenjat bil-logħob fir-Russja. Kulħadd ħass in-nuqqas tiegħu. Fil-Personality of the Year ta’ l-Ingilterra rebaħ award li għalina ta’ l-isnuker kien unur kbir. Tlifna ġenju fuq il-mejda u ġentlom barra l-mejda.”
Minn tant partiti li lagħab fil-karriera żgur li hemm dawk li ma jintesew qatt.
“Għandi żewġ logħbiet pożittivi: waħda tliftha u waħda rbaħtha. Ma ninsa qatt meta fl-1986 ta’ 20 sena tlift 9-8 ma’ Steve Davies. Dak iż-żmien kien fl-aqwa tiegħu u kien jiddomina fuq kulħadd. U l-oħra kienet kontra Stephen Hendry, f’Wembley li kienet it-tieni dar tiegħu. Dak it-tournament kien rebħu xi sitt darbiet. Kont qed nitlef 4-3 u rbaħtlu 6-4. Għamiltlu tliet breaks wara xulxin ta’ 115-120-122. Kien hemm sala ta’ 4,000 ruħ. Kif għamilt ċert mir-rebħa ħsibtni li skurjajt gowl fil-futbol għal Malta fil-grawnd ta’ Wembley. Anki għax forsi Stephen huwa Skoċċiż u ma’ l-Ingliżi Skoċċiż ma tantx hu popolari.
“Għandi suspett li setgħu żammew aktar miegħi milli miegħu. Minn naħa l-oħra, logħba li ġġibli dwejjaq kbar kienet dik kontra John Parrot fil-finali hawn Malta. Kont 5-1 minn fuq u tlift 7-6. Kien wasal il-Milied u kont diġà ħsibt li se ngħid lill-poplu Malti li dan l-unur huwa rigal għalikom. F’daqqa waħda ma nafx x’laqatni.
Hawn Malta għandna vizzju nilagħbu finali u fiha jkun hemm żewġ pawsi. Kont 3-1 minn fuq u dħalna għall-brejk u 5-1 minn fuq u erġajna brejk ieħor. Parrot huwa plejer ta’ klassi mondjali. Ġie għalija u tefgħani taħt pressjoni biex finalment rebaħli. Li bqajna sejrin ċert li kont nirbaħ dik il-finali.”
Meta titkellem fuq Stephen Hendry ma tistax ma tinżax il-kappell quddiem wieħed mill-aqwa plejers li qatt ħarġu fl-istorja ta’ dan l-isport. Interessanti li wieħed ikun jaf l-opinjoni ta’ Tony fuq l-aqwa plejer li qatt ra f’ħajtu.
“Best Match Player huwa Steve Davies imma Best Break Builder huwa Stephen Hendry. Però dak ta’ talent naturali huwa Ronnie O’Sullivan. Ma’ Davies ma kontx nieħu pjaċir nilgħab għax ma kienx itik ċans. Kif ifalli, tista’ tgħid li ġej xi defence jew maskra.
Hendry, mill-banda l-oħra, jekk taqgħalu għid li tlift għax jibda jagħmel break ta’ 100 kull logħba. Minn naħa l-oħra, Ronnie tant kemm hu tajjeb li kultant ibeżżgħek. Għalija kieku Ronnie joqgħod aktar moħħu hemm, jirbaħ aktar milli qiegħed jagħmel. Ċert li jekk it-tlieta jkunu fl-aqwa tagħhom, Ronnie O’Sullivan huwa l-aqwa wieħed.”
Tony mhux beħsiebu jieqaf issa. Minbarra l-isnuker, bħalissa qed jilgħab anki l-pool u l-eight ball. U għall-futur qrib għandu proġett kbir f’moħħu.
“Ħa nipprova niftaħ skola ta’ l-isnuker aktar ’il quddiem. Ħa nippruvaw nikru xi clubs biex naraw kif immorru. Bla dubju huwa proġett li għandi f’moħħi. Nixtieq nagħti xi ħaġa lura mill-logħba ta’ l-isnuker liż-żgħażagħ Maltin li m’għandhomx opportunitajiet għax ħadd ma jagħti kashom.
Jekk jien u Alex Borg niddeċiedu nieqfu mil-logħba għada, l-isnuker f’pajjiżna jmut. Nixtieq li jekk hawn Malta jkollna plejer b’talent, jagħmel id-doppju ta’ dak li għamilt jien.”
Insaqsih x’jaħseb fuq it-tim tal-futbol ta’ Valletta.
“L-aħħar li mort kien ftit tal-jiem ilu u ma tantx ħadd pjaċir għax tlifna ma’ Marsaxlokk. Għandi rispett kbir lejn Gilbert Agius. Huwa plejer kbir u minkejja li kellu offerti minn timijiet oħra, xorta baqa’ leali lejn il-flokk ta’ Valletta FC. Huwa leġġenda għat-tim tagħna.”
Ridt naċċerta ruħi għadux iżomm mal-Juventus.
“Inti taħseb li għax inżilna Serie B, ma nibqax Juventin? Ili mal-Juventus minn mindu kelli sitt snin. 35 sena sħaħ Juventin u kburi.”
Ta’ l-aħħar insaqsih lil min iħoss li għandu jirringrazzja li llum wasal s’hawn.
“L-ewwel u qabel kulħadd lil ommi. Kienet hi li ma żammitnix meta ta’ 17-il sena ridt immur Londra waħdi u nibda l-karriera. Ma nistax ninsa lill-partitarji ġenwini kollha tiegħi, speċjalment ħbieb bħal Pullu Grech, Tony Axiaq, George Camilleri u lill-mibkijin Salvu ta’ Raħal Ġdid u Gejtu Deagbriele.
Ma ninsiex lil Fredu Borg, ħabib kbir tiegħi li kien plejer kbir u għal 14-il sena sħaħ rebaħ iċ-championship ta’ Malta. Lill-klabb Anglo-Maltese li kien itini dik l-opportunità li nittrenja dawk is-sigħat kollha fuq il-mejda. Lill-poplu Malti kollu ma nistax ninsih. Niltaqa’ miegħu fil-Malta Cup fl-aħħar ta’ Jannar.”
Inqum minn bil-qegħda u bil-mod il-mod nibda nimxi ’l barra mil-lukanda. Insellimlu u nagħmel appuntament miegħu għax-xahar id-dieħel. Inwiegħdu li se nerġa’ nkun preżenti u ntih l-appoġġ tiegħi fil-Malta Cup. Issa kellu affarijiet importanti oħra x’jagħmel qabel ma jidlam u jerġa’ jaqbad ajruplan ieħor...destinazzjoni Ingilterra.

mattard@mediatoday.com.mt



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt