31 ta' Diċembru 2006
Ġieħ ir-Repubblika skond Sander
Franica Pulis tintervista lill-attur u kummidjant Sander Agius
Chrysander Agius, attur u kummidjant, b’ħolma li twieldet mindu kellu erba’ snin. F’dawn l-aħħar tliet snin irnexxielu jagħmel din il-ħolma realtà permezz tat-tim Zoo u hu wieħed mill-ftit artisti Maltin li qed jirnexxielu jaħdem full-time. Bsart li Sander hu bniedem intelliġenti. Imma żgur ma kontx naqtgħu riservat, daqsxejn mistħi u anki deher xi ftit skomdu li ħa nintervistawh. Iktar kelli l-impressjoni li hu moħħ ir-riħ u ħsiebu biex jgħaddi siegħa żmien.
Ġie jiftħilna mill-ewwel u offrilna kafè b’ħarsa mimlija ngħas. Wara dawwarna ma’ l-uffiċċju tal-kumpanija biex naraw fejn hu l-aħjar post biex issir l-intervista u jittieħdu r-ritratti. Stajt ninduna mill-ewwel kemm hu kburi bil-post li għandhom li swiehom ħafna flus biex ġabuh fl-istat li qiegħed fih issa.
Iddeċidejna fuq il-kamra tal-mirja, poġġejna bilqiegħda u għaddejt minnufih għall-ewwel mistoqsija: xi jfissru għalih il-festi tal-Milied?
“Mhux li nagħti kas ħafna ta’ l-ispirtu tal-Milied. Nieħu gost nara ’l ħaddieħor jieħu gost: forsi dak hu spirtu tal-Milied ukoll.”
B’ħafna mossi b’idejh u bejn belgħa kafè u oħra tkellem dwar din is-sena li għadha kif spiċċat li jaraha pjuttost pożittiva. “Ġraw ħafna affarijiet differenti. L-esperjenza li waqqfuli programm fuq it-televixin... Kien hemm ħafna tibdil anki fil-kumpanija, tibdil fil-venues. Kollox ma’ kollox però kienet sena tajba.”
Għall-2007 qed jistenna tibdiliet akbar. “Ġejja l-elezzjoni. Għalhekk ikun hawn ħafna ċaqliq. Jien inħobb insegwi ħafna x’inhu għaddej. Ma nafx liema naħa ħa tmur. Fuq livell personali se niżżewweġ f’Lulju. Sa nofs is-sena rrid inlesti l-post li bdejt sena ilu. Qed nippjana li nieħu kors barra wkoll. Dik żgur trid issir.”
Sammartu bit-tielet mistoqsija: Semmili tliet persuni li tinnomina għal Ġieħ ir-Repubblika.
Deher konfuż u dam jaħsibha ftit speċjalment minħabba li kellu jsemmi persuni speċifiċi. Għidtlu li l-premju jista’ jkun sarkastiku wkoll. Ħasibha ftit ieħor u wieġeb, “Norman Lowell. Imma dak repubblika għalih irid ikollu. Jien fan kbir ta’ Norman Lowell… Però ma nafx kemm tibqa’ repubblika fil-każ tiegħu anqas.” Għal mument ħasadni. Għidt possibbli li Sander jaqbel ma’ bniedem daqshekk estremist? Imbagħad ftakart fl-imitazzjonijiet li jagħmel ta’ Lowell fuq il-palk u stajt nimmaġina għala hu daqshekk affaxxinat bil-karattru eċċentriku tiegħu.
B’mod pożittiv it-tieni premju jixtieq jagħtih lil Mario Galea tan-Nazzjonalisti, il-Whip. Hu “ġenwin, ma tantx hemm bullshit. Mhuwiex it-tip normali ta’ politku.”
It-tielet post ħaduh il-PBS. “Din iżda bħala monarkija mhux repubblika. Il-PBS li għandhom id-dritt jiddeċiedu x’jaraw in-nies id-dar.”
It-tweġiba ta’ l-aħħar kienet xi ftit jew wisq mistennija minħabba li xahar ilu l-PBS ħadet id-deċiżjoni li twaqqaf il-programm Skartoċċ b’raġunijiet li Sander ma jarax li jagħmlu sens.
Skond hu, qabel ma beda jintwera Skartoċċ, Zoo għamlu demo tal-programm bi Chiara u l-PBS m’aċċettatux għax sostniet li kien ta’ kwalità baxxa. Ġara iżda li meta qorbot l-iskeda ta’ Ottubru u l-PBS kellha faxxa vojta li riedet timlieha, reġgħet sejħet lil Zoo biex jipproduċu Skartoċċ. Tliet xhur reġgħu waqqfulhom il-programm bl-istess skuża li għadu ta’ kwalità baxxa.
“Jekk ma taċċettahx, ma taċċettahx dejjem,” isostni Sander.
Imbagħad il-PBS qaltilhom li r-ratings tal-programm kienu baxxi. Sander deher maħruq fuq il-biċċa għax dawn saru fl-ewwel ġimgħat tal-programm. Skond hu ma tistax tiġġudika programm fl-ewwel ġimgħat tiegħu, iktar u iktar meta ħinu hu bil-lejl.
Eżatt wara staqsa mistoqsija retorika: Jekk ir-ratings huma baxxi, kif irnexxielhom jaslu fil-lista ta’ l-ewwel 10 programmi favoriti tal-Maltin?
“Issa jew tal-PBS mhux kapaċi jieħdu deċiżjoni jew jeħduha tliet xhur wara meta tkun komda għalihom. Nixtieq inkun naf kif jiżnuha l-kwalità tal-programmi.”
Kompla jsostni li m’għandhomx standard wieħed. “Għall-argument jekk għamilt mossa oxxena fi programm u ma qtajthiex (ċensura), ma tagħmilx sens li taqtagħha fil-programm ta’ wara.”
Ġab ukoll l-eżempju ta’ Tony Zarb li kien għadu kif ġie minn cruise, li skond iż-Zoo kienet ‘paprata’. Ippreżentawlu sedil tal-toilet bħala premju għal li għamel u hu kien sportiv biżżejjed li jaċċettah. Mhux talli hekk, talli kompla magħhom billi anki ffirmalhom it-toilet paper. Il-PBS iddeċidew jiċċensuraw din il-biċċa għax ħassew li toffendi lil Zarb. “Offendejnieh meta hu stess aċċetta u kompla magħna?”
Allura kif jeħduha l-politiċi l-oħra li jaqbdu magħhom?
“Huma kompletament differenti. Jiddependi ħafna mill-individwu. Hemm George Pullicino, Justyn Caruana u Silvio Parnis. Dawk jafu jieħdu ċajta. Ħadd ma qalli ssemminix waqt l-ispettakli tagħna.” Imbagħad semma li Pullicino spiss imur jarahom u kemm-il darba ħa gost. Ġieli qalilhom ukoll li kellhom uħud mill-botti politiċi li rahom żejda jew kienu esaġerati.
“Imm’aħna qgħadna lura ħafna. In-nies kattivi wisq bil-mod ta’ kif jirreaġixxu. Jekk hemm Silvio Parnis jew Norman Lowell fl-udjenza u għaddejt kumment fuqhom, in-nies tħares lejhom b’tali mod li timbarazzahom.”
L-ironija hi li għalkemm Parnis kapaċi jieħu ċajta kien wieħed minn dawk li m’aċċettax imur fuq Skartoċċ. Miegħu ingħaqdu Rachel ta’ Tista’ Tkun Int, Eileen Montesin u George Pullicino, li qalilhom li ma setax imur minħabba x-xogħol. Kien hemm nies oħra wkoll li għall-ewwel ma aċċettawx imma x’ħin saru jafu li l-programm se jieqaf aċċettaw.
U l-iktar kummenti idjoti li qatt sema’ minn nies li jwaqqfuh fit-triq?
“L-agħar meta ma jifhmux x’aħna nagħmlu.” Persuna partikulari ma setgħetx tifhem għala kienu qegħdin jaqbdu mat-turisti. Skond hi kienu ħa jnaqqsu t-turiżmu jekk ikomplu sejrin hekk. Sa wasslet biex bagħtitilhom ittra bl-avukat.
Kien hemm ħafna wkoll li għamlu żmien jaħsbu li huma Nazzjonalisti kbar għax kienu ħadmu għal tliet snin fuq in-Net TV. Kienu jgħaddulhom kummenti bħal: ‘Rajt kemm ġbarna lbieraħ’. Imbagħad kummenti minn naħa l-oħra: ‘Issa la tispiċċaw mill-PBS ejjew
Super 1, ta’. Aħna neħdukom.’ “Kollox idur mal-Politka!”
L-istampa tiegħu dwar il-partiti politiċi?
“L-ewwelnett jien miniex persuna li għax ivvutajt Labour se nibqa’ nivvota hekk għomri. Ma naqbilx ma’ dawn in-nies. Ma nemminx li tista’ tkun dejjem ma’ l-istess partit.
“In-Nazzjonalisti kull darba li kienu fil-Gvern għamlu tibdiliet kbar li kellna bżonnhom. L-unika problema hi kif jgħaddu l-informazzjoni lin-nies. Ikun hemm ħafna loopholes.
L-MLP, meta kienu fil-Gvern, kont għadni żgħir. Nammira ħafna wħud minnhom. Għandhom mod ta’ kif jippriedkaw. Iżda hemm differenza bejn li tgħid affarijiet sbieħ u tagħmel affarijiet sbieħ. Għandi kurżità x’se jagħmlu differenti jekk ikunu huma fil-Gvern.”
L-Alternattiva, skond hu, jgħidu ħafna ideat tajbin, ġodda u li jagħmlu sens. “Però fl-elezzjoni taħsibha tivvutax lilhom. Forsi hi idea banali. Imma taħsibha tarmix il-vot tiegħek fuqhom minħabba li diffiċli jitilgħu fil-Gvern.” Ikompli fuq ton sarkastiku: “Imisshom jagħmlu ġbir ta’ fondi wkoll imsieken!”
Jikkritika liż-żewġ partiti politiċi ewlenin li jieħdu l-affarijiet wisq bis-serjetà. Semma l-attakki kontinwi li jkun hemm għaddejjin bejniethom fil-gazzetti lokali li barra minn Malta hu fuq skala ħafna iżgħar. Kompla jgħid, “Lilna pjaċir jagħmlulna għax jagħtuna l-linji.”
U kieku kellu r-riedni tal-poter għall-ġimgħa x’kien ibiddel?
“Mhux ir-riedni jkolli, imma li nipnotizza n-nies!” Sander iħoss li hawn wisq telqa fil-pajjiż u jikkunsidrah anki wieħed għażżien.
Imbagħad żied, “Nifilħu nagħtu aktar poter lill-Oppożizzjoni biex l-affarijiet isiru aħjar. Li tipprova tirranġa t-turiżmu iżda ma nafx mnejn nibda. Fil-każ inħalli f’idejn Francis.” Jitbissem u jkompli, “Imma dik hi… jekk wieħed falla u l-Oppożizzjoni għandha s-soluzzjoni, għalfejn għandha tistenna sakemm titla’ fil-Gvern biex twettaqha?”
Fuq nota iktar personali staqsejtu jekk tal-ħwienet jeħduhx bis-serjetà meta jmur jixtri.
“Fil-ħwienet ma tantx nuri li qiegħed hemm. Naħtaf l-ewwel ħaġa li nsib u nitlaq ’il barra. Il-Belt il-qatla tiegħi. L-agħar meta bejjiegħ minnhom jagħrfek u l-ieħor le. Joqogħdu jiddiskutuk qisek mhux hemm. Tibda tħossok qisek pakkett ħalib qed jiddiskutu fuqu.”
U l-aħħar suġġeriment li jagħti lill-ġuvintur jekk jixtiequ jgħabbu tfajla: “Kull tfajla għandha storja għaliha. Trid tistudja l-każ. Jekk tfajla tagħti kas ta’ l-apparenza mhux se tiġbor xi żmattat. Jekk trid tagħmel date trid tagħmel iktar sforz. Jiddependi ħafna mill-persuna. Jekk tkun cool u jiġik kollox tajjeb, m’hemmx għalfejn tagħmel sforz anzi jiġu fuqek huma… Jien le! Dan l-effort kelli nagħmlu.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt