Il-Lvant Nofsani tant għadda minn taqlib u tensjoni tul dawn l-aħħar snin li r-reġjun sar qisu bomba tal-ħin li waslet biex tisplodi minn ħin għall-ieħor.
Iżda dan l-aħħar l-affarijiet ikkumplikaw irwieħhom aktar minħabba tliet ċirkostanzi partikolari: l-aġir ta’ l-Iran li wassal għas-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kontrieh, l-inkwiet ġdid fil-Libanu hekk kif il-Ħiżbollah bdiet tirkeb fuq is-saħħa li ħarġet biha mill-invażjoni ta’ l-Iżrael biex tipprova tiddistabbilizza l-Gvern tal-ġurnata li tqiesu wisq qrib l-Amerikani, kif ukoll it-taqlib intern fil-kamp Palestinjan li tela’ fil-wiċċ hekk kif fallew it-taħditiet għall-front ta’ għaqda nazzjonali bejn il-Fataħ u l-Ħamas biex spiċċajna bil-President Abbas isejjaħ għall-elezzjonijiet Presidenzjali u Leġislattivi ġodda fil-Palestina.
Hemm ħafna affarijiet li jistgħu jmorru żmerċ għall-pjani ta’ Abbas jekk l-elezzjonijiet jissejħu verament.
Jista’ jkun hemm bojkott tal-Ħamas li joħloq vakum ġdid ta’ poter fil-Palestina. Jista’ jkun hemm rebħa mill-ġdid tal-Ħamas jekk jiddeċiedu li joħorġu għall-elezzjoni leġislattivi.
U hemm il-possibiltà wkoll li anki jekk jagħmlu bojkott ta’ l-elezzjonijiet leġislattivi u jikkontestaw lill-Abbas għall-kariga presidenzjali, jaqilbuhielu.
L-agħar xenarju huwa jekk tinħoloq klima li twassal saħansitra għal gwerra ċivili bejn il-Palestinjani nfushom.
Fuq livell pożittiv kien hemm iċ-ċaqlieqa min-naħa tas-Sirja biex tiftaħ negozjati ta’ paċi ma’ Iżrael.
Għalkemm l-Amerikani jidhru li huma kontra din l-inizjattiva sakemm is-Sirjani ma jiddissassoċjawx irwieħhom mill-Ħizbollaħ u mill-influwenza tagħhom fil-Libanu, kif ukoll minħabba r-riskju li jinstabu ħatja ta’ involviment fil-qtil ta’ l-eks Prim Ministru Lebaniż Ħariri, fl-Iżrael innifsu jidher li l-inizjattiva ta’ Assad mis-Sirja ma waqgħetx kompletament fuq widnejn torox.
Is-servizz sigriet militari ta’ Iżrael wera l-fehma li s-Sirja hija serja meta qed titkellem dwar tiġdid tan-negozjati tal-paċi ma’ Iżrael, filwaqt li uffiċjali għoljin tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Iżraelit urew ukoll l-istess fehma.
Sadanittant il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Iżraelit Tzipi Livni qalet li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn negozjati u t-tfittxija għall-paċi fir-reġjun.
Nimrod Barkan, id-direttur taċ-Ċentru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għar-Riċerka tal-Politika ta’ Iżrael, saħansitra jemmen li s-Sirja tista’ tassoċja ruħha mal-blokk tal-Punent, fosthom l-Istati Uniti u r-Renju Unit.
Min-naħa tiegħu l-PM Iżraelit Olmert jidher li ħa pożizzjoni differenti fis-sens li qed ikun inflessibbli dwar din il-proposta, forsi biex iżomm mal-linja uffiċjali Amerikana.
Iżda l-fatt li nies għoljin fil-militar u fid-difiża Iżraelita qed juru flessibiltà ġdida joffri xaqq ta’ tama għall-ġejjieni.
Interessanti li wieħed jinnota li anki Senaturi Amerikani qed jidhru konvinti bil-linja ġdida Sirjana.
Wara li ltaqa’ mal-Mexxej Sirjan Assad, is-Senatur Arlen Specter qal li għalkemm Assad ma speċifikax x’kundizzjonijiet kellu f’moħħu biex jibdew in-negozjati mill-ġdid, deher li kien hemm impenn qawwi min-naħa tiegħu biex dan iseħħ.
Specter anki ddiskuta ma’ Assad kif is-Sirja tista’ tinfluwenza lill-Ħamas biex irattbu r-reżistenza tagħhom għall-għarfien ta’ Iżrael.
Meta tqis li sa ftit ilu kemm l-Iżrael kif ukoll is-Sirja kienu jużaw lingwaġġ ta’ gwerra ma’ xulxin, din il-klima ġdida bilfors titqies bħala pass ’il quddiem.
Il-fatt li l-militar u s-servizz sigriet Izraelit qed jitkellmu b’lingwaġġ differenti minn xulxin ma jfissirx bilfors konfużjoni jew nuqqas ta’ qbil. Iżda jista’ jkun biss parti minn logħba psikoloġika biex forsi ġġiegħel lill-Assad jikxef aktar fid-dieher il-karti tiegħu.
Il-ġurnal Iżraelit Haaretz din il-ġimgħa għadda osservazzjoni interessanti fejn staqsa l-mistoqsija: Jekk il-Prim Ministru ta’ Iżrael f’jum minnhom jgħid li jrid jirtira mill-biċċa l-kbira tax-Xatt tal-Punent u xahar wara jiddikjara li kien warrab dan il-pjan, kif jista’ il-pajjiż ġar tagħna tas-Sirja jifhem x’inhuma l-intenzjonijiet veri ta’ Iżrael? Dan kollu ma jneħħi xejn mill-inċertezza tas-sitwazzjoni.
Iżda ngħid għalija nippreferi nara lis-Sirja u l-Iżrael jilagħbu l-poker ma’ xulxin milli jilagħbu b’bomba tal-ħin.
Leo Brincat hu l-kelliem tal-Partit Laburista għall-Affarijiet Barranin
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt