31 ta' Diċembru 2006 • Nr 9

Arkivji




 

31 ta' Diċembru 2006
Anno magico

Donnu biex ipatti għal xi nuqqas, jew kif ngħidu biex jiġbor ġiehu, il-Ministru Zammit Dimech issa se jagħtina rigal ta’ lejl maġiku mhux għax se ssir xi wirja ta’ maġija imma għax l-attività se taħbat mal-festa tas-Slaten Maġi.
Għamel qalb wara t-tweġiba li kellu mill-pubbliku għall-Iljieli Mdawwla. Iżda ta’ min infakkru wkoll li din il-lejla kulturali fil-Belt Valletta se tiġi wkoll fis-sena maġika! Tibda minn għada.
Matul is-sena li ġejja l-Prim Ministru se jiftaħ Kastilja beraħ. Mhux biex iżuruha n-nies imma biex ikun jista’ jispara l-kanuni tal-proġetti u l-inizjattivi li se jagħmel, u li mhux bilfors, il-gvern itemmhom matul is-sena. Kuljum se jibda jkollna bumbardament ta’ l-aħbar it-tajba. Ħażin mhu se jkollna xejn u fejn jissemma jkun dovut għall-fatt li jew għax oriġina minn forzi li m’għandniex kontroll fuqhom jew għax ħarġu minn fomm Alfred Sant li l-aġenda tiegħu hija li jmaqdar lill-Gvern left, right and centre!
Skond il-Prim Ministru l-iebes għadda u issa kulħadd se jgawdi l-frott, min imissu l-bambinella u min jieħu l-banana!
Bħala Prim Ministru Lawrence Gonzi se jibqa’ jċarrat ħalqu bit-tbissima karatteristika tiegħu. Imma bħala Kap tal-PN irid joqgħod attent li ma jigdimx ilsienu bejn snienu.
Min jaf tal-media kif se jkunu b’ilsienhom barra ma jistgħux ilaħħqu mal-qtugħ taż-żigarelli u l-konferenzi ta’ l-aħbarijiet? Dawn it-12-il xahar li ġejjin se naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna l-mirakli li jseħħu ta’ kuljum f’rankatura waħda.
L-ekonomija issa se tirpilja waħda sew jekk ma nintmessux minn xi tsunami ekonomiku globali fil-prezz taż-żejt. Il-prezzijiet se jibqgħu stabbli u l-ħajja mhux se togħla aktar. L-eżerċizzju tal-prezzijiet biż-żewġ muniti mhux se jgħolli l-prezzijiet u se nerġgħu niġu f’sitwazzjoni fejn ix-xogħol jiġri wara l-ħaddiem u mhux bil-kontra.
Min jaf kemm se jiddaħħlu jaħdmu nies fis-settur pubbliku, fl-Armata, fil-Pulizija, fiċ-Ċivil, ma’ l-awtoritajiet jew ir-regolaturi u kemm se ssir pressjoni fuq il-privat biex jagħtu l-impjiegi lil min m’għandux. Se jkollna iktar roundabouts bil-fjuri u l-funtani u t-toroq se jkunu fost l-aqwa b’kilometri ta’ tarmak jiksu l-arterji prinċipali kif ukoll it-toroq fl-oqsma residenzjali.
SmartCity tibda tidher tiela’ ġebla ġebla u l-Mater Dei jilqa’ l-ewwel pazjenti flimkien mal-mijiet ta’ impjegati ġodda. L-arja ta’ kuntentizza tkompli tiżdied b’kunċerti kbar minn artisti ta’ fama mondjali u jerġgħu jfiġġu t-turisti li jħallu lira sew. Il-proġetti industrijali ma jibqgħux fuq ir-rapporti ta’ fisibiltà li tagħmel il-Malta Enterprise.
Il-Prim Ministru ma jkollux għalfejn isiefer għax il-mexxejja Ewropej jibdew izuruna wieħed wara l-ieħor. Malta se tkun Ġenna ta’ l-Art. X’ma nitbissmux! Din is-sena niddedikawha lil David Copperfield għall-atti maġiċi li se nesperjenzaw. U dan kollu se jsir mingħajr ma naħsbu għall-elezzjoni ġenerali… tridx tmur?
L-uġigħ ta’ ras jibqa’ wieħed: jekk dil-manna kollha mhux se tinħass fil-bwiet tan-nies inkunu qisna għażaqna fl-ilma. Billi noqogħdu nikkwotaw l-istatistika u nqabblu ma’ pajjiżi oħra u niftaħru kemm aħna l-aqwa fid-dinja ma jkun ifisser xejn jekk il-familji ma jħossux li qed jgħixu aħjar fil-veru sens tal-kelma.
Bħala Kap tal-PN Lawrence Gonzi jrid ifittex ilesti d-Dar Ċentrali għax inkella l-makna propagandistika tinqabad fuq sieq waħda. Biex jevita l-paniku ta’ l-aħħar, il-ġbir tal-fondi jrid isir minn wara l-kwinti u mhux fi programmi televiżivi.
Irid ifassal strateġija ġdida kif se jikkonvinċi lill-elettorat biex dan jinsa ż-żmien kemm ilu fil-gvern il-PN u jiftakar li hu għadu frisk u jinħtieġ iktar żmien f’Kastilja biex juri verament xi jsarraf.
Irid jagħraf jagħlaq il-kapitlu tal-fazzjonijiet fi ħdan il-partit b’mod speċjali biex juri lill-kunsilliera li kulħadd huwa warajh u m’hemmx kriżijiet interni għax anki l-imsaren fiż-żaqq igorru!
Irid juża wkoll il-bakketta maġika biex jisparixxu mix-xena dawk l-eks Nazzjonalisti li ddeċidew li jiffurmaw partit għalihom b’detriment għall-PN. Irid ukoll ilesti kandidatura li tiggarantixxi “lealtà inkundizzjonata” lejn it-tmexxija tal-partit. B’hekk ikollu għażla aħjar biex jifforma kabinett sod kemm-il darba jerġa’ jirbaħ.
Irid imbagħad jaħseb ukoll x’se jagħmel jekk jitlef l-elezzjoni. Se joffri r-riżenja u jkollu kunsilliera biżżejjed li ma jaċċettawhiex? Kif se jikkonvinċi lin-Nazzjonalisti li ċ-ċiklu politiku minnu nnifsu jiddestinak fl-oppożizzjoni kultant żmien? Mhux lakemm jitbissem quddiem dan ix-xenarju. Jitbissem jekk l-anno magico jġibilu żewġ.
Fl-istess ilma qiegħed Alfred Sant. Bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni jista’ jitbissem ukoll. Xogħlu jagħmlu sew tant li kultant jagħti l-impressjoni, mhux għax irid, li donnu maqtugħ fil-politika biex ikun dejjem jew kważi dejjem fl-oppożizzjoni. Il-kritika tiegħu rfinat maż-żmien, tinfed u titwemmen. L-uniku difett huwa li jmaqdar kollox u biex tibqa’ titwemmen ma tistax tara kollox dlam ċappa.
Is-seħer tal-maġija tiegħu ġablu s-suċċess 10 snin ilu imma issa l-udjenza nbidlet u jrid jaħseb differenti kif jolqot il-musmar fuq rasu. Jekk il-Gvern jagħmel kollox ħażin ikun ifisser ukoll li l-Oppożizzjoni hija dgħajfa. L-Oppożizzjoni għandha tieħu l-mertu wkoll meta l-Parlament jgħaddi liġijiet bis-sens anki jekk tivvota kontra.
Jekk il-Gvern jitħallielu spazju biex jirrombla u jkun arroganti jfisser li għandna Oppożizzjoni dgħajfa. Oppożizzjoni b’saħħitha ma tħallix li jsiru ċerti ħniżrijiet anki jekk il-poter tagħha hu limitat.
Matul din is-sena l-Oppożizzjoni trid tidher li m’għadhiex oppożizzjoni imma alternattiva denja għall-gvern li jixraq lil dan il-pajjiż. Trid tidher li lesta tieħu postha fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra. Trid turi li l-ġid tieħu gost bih, jiġi minfejn jiġi imma hi tista’ tagħmel iktar u aħjar. Alfred Sant irid jidher li meta jbiddel pożizzjoni jagħmilha għall-ġid mhux b’konvenjenza, lil hinn mill-interess partiġjan u mhux għax jinqabad fi sqaq. L-Oppożizzjoni mhux qegħda hemm biex tagħmel il-bsaten fir-roti imma biex turi kif ir-roti jistgħu jduru aħjar jekk tbiddlilhom it-tajers jew ir-rimmijiet.
Din is-sena, Alfred Sant, bħala kap tal-Partit Laburista għandu iktar x’jaqdef. Jaf li mhux se tkun sena ta’ cool and relax. Irid juri li hu l-mexxej tal-partit bil-kwalitajiet tiegħu ta’ tmexxija. Mhux se jaħdmu r-riċetti maġiċi biex il-partit jingħaqad kollu warajh.
Mhux denn tiegħu li jkun proġettat bħala l-mexxej li qiegħed hemm għax m’hemmx ieħor kapaċi daqsu jew għax fassal strateġija interna li kollox jiddependi minnu billi akkwista lealtà inkondizzjonata mill-membri li jiffurmaw l-istrutturi eżekuttivi u min dawk li f’idejhom għandhom il-media tal-Partit.

Irid jiddistingwi ruħu fis-sens li jrid juri li għandu appoġġ sinċier bħala mexxej għax jekk hemm min jaħseb li biex jitwarrab mix-xena jkun aħjar li jitlef l-elezzjoni, kif jista’ jkabbar l-appoġġ tiegħu mill-elettorat biex ikun il-Prim Ministru li jmiss?
Irid iħabbel moħħu wkoll għal dak li jista’ jiġri fil-Partit kemm-il darba jitlef l-elezzjoni. Alfred Sant mhux maqtugħ bħal ta’ qablu: bħal Mintoff li witta t-triq lil Karmenu Mifsud Bonnici jew bħal Karmenu li pprova jwitti t-triq għal George Vella.
Alfred Sant, f’każ li jitlef, jista’ jasal biex iħabbar ir-riżenja tiegħu u din id-darba jaf li jkun diffiċli għalih li jirtiraha! Fil-Partit hemm min hu lest biex jeħodlu postu u jista’ wkoll li jinqala’ xi ħadd minn taħt ir-riħ bħal xi Joseph Muscat. Imma matul din is-sena mhux dan li jgħaddi minn moħħ Alfred Sant.
Moħħu biss fir-rebħa, tiġi meta tiġi l-elezzjoni u dan biex iktar minn kull ħaġ’oħra jħallas lura d-dejn li għandu mal-Laburisti!
Is-sena l-ġdida se tkun sena maġika tassew. Sena ta’ taqlib. Sena ta’ bidla. Sena eċċezzjonali li tibqa’ tissemma fl-Istorja ta’ pajjizna!

Lill-qarrejja nawguralhom is-sena t-tajba! L-istess nagħmel lill-Editur u d-direzzjoni tal-gazzetta u nixtiqilhom ukoll kull suċċess matul is-sena li ġejja għax anke huma se jidħlu fl-istorja ta’ l-anno magico! Awguri.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt