Ir-reviżjoni li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) dwar l-ekonomija ma tantx jawgura tajjeb għall-kredibbiltà taċ-ċifri li suppost jiffurmaw il-qafas tal-politika ekonomika u finanzjarja tal-Gvern. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ilu jgħid li ċ-ċifri ta’ l-NSO mhumiex ta’ min wieħed jafdahom. Għal dawn l-aħħar snin, f’kull diskors li għamel wara l-baġit, Alfred Sant xeħet id-dubju fuq iċ-ċifri tal-Gvern tant li kważi saret iċ-ċajta ta’ kull sena li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni se jikkritika l-baġit fuq il-bażi ta’ ċifri mbagħbsa.
Minn dak li seħħ issa ma jidhirx li Sant kien wisq ’il bogħod mill-verità. Anki jekk dak li għamel l-NSO hu korrett, ifisser li ilna ngħixu gidba għal dawn l-aħħar 10 snin, nemmnu li l-ekonomija kibret mod meta fil-verità seħħ mod ieħor.
Iżda qajla tispira fiduċja l-kumbinazzjoni li fl-aħħar tliet snin, żmien Lawrence Gonzi bħala Ministru tal-Finanzi, iċ-ċifri ta’ kemm kibret l-ekonomija kienu riveduti ’l fuq filwaqt li dawk għas-snin ta’ qabel kienu riveduti ’l isfel. Lino Spiteri, Leo Brincat u John Dalli, li kellhom il-kariga tal-finanzi qabel Gonzi, jew kienu żgwidati, jew ħawdu fil-borma, jew inkella xi ħadd ried jiskreditahom.
X’imkien hemm xi ħaġa li ma ddoqqx. Fiċ-ċirkustanza fejn il-persuna li kienet responsabbli mill-NSO għal dawn l-aħħar snin u li taħtu ħarġu dawn iċ-ċifri mhux reali llum jokkupa kariga influwenti fil-ministeru tal-finanzi, ftit jawgura għaċ-ċifri li joħroġ il-Gvern stess.
B’dak li għamlet l-NSO bilfors se jkollu mpatt ukoll fuq iċ-ċifri li fuqhom
il-Kummissjoni Ewropea se tiddeċiedi jekk Malta hix se tkun eliġibbli għad-dħul ta’ l-Ewro. F’dal-kuntest il-Gvern jeħtieġ li jinsa ftit ix-xampanja ta’ daż-żminijiet u jagħti spjegazzjoni ta’ kif dat-tibdil jaffettwa
t-tbassir ekonomiku għas-sena li ġejja.
Ħadd wara Ħadd
Ftit kienu dawk fil-Punent li bassru fl-eqqel tat-Tmeninijiet, meta l-gwerra bejn l-Iraq u l-Iran kienet fl-aqwa tagħha, li d-dittatur Iraqin Saddam Hussein kien xi darba se jingħata l-forka mill-poplu tiegħu stess.
Dak iż-żmien, fil-Punent, Hussein ma kienx meqjus dittatur iżda ħabib fil-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu Islamiku li ħakem l-Iran wara r-rivoluzzjoni ta’ l-Ayatollah Komeini. Hussein kien anki megħjun mill-Amerikani, l-Ingliżi u l-Franċiżi li pprovdewlu l-armi u l-bombi li bihom seta’ jiġġieled lill-Iran. Iżda l-gwerra ta’ Saddam ma waqfitx ma’ l-għadu ġirien tiegħu. Uża l-armi u s-saħħa militari tiegħu kontra l-poplu tiegħu stess. Saħansitra uża l-armi kimiċi kontra l-Kurdi li jgħixu fit-Tramuntana ta’ l-Iraq.
Iżda għall-gvernijiet tal-Punent kien konvenjenti li jagħlqu għajnejhom għall-atroċitajiet u l-ħruxijiet li wettaq Saddam f’pajjiżu stess. Kienu żminijiet oħra iżda dan ir-raġunament xejn ma jneħħì mill-ħtija ta’ dawk fil-Punent li kienu lesti li jissieħbu max-xitan fil-ġlieda tagħhom kontra l-fundamentaliżmu.
Iżda kif jgħid il-Malti, Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd. Saddam Hussein hu t-tielet dittatur li miet din is-sena, flimkien ma’ Pinochet taċ-Ċilì u Milosevic tas-Serbja.
Huwa tajjeb li l-id tal-ġustizzja laħqet lil Saddam ukoll. Iżda anki jekk l-atroċitajiet li wettaq tefgħu lil ħafna nies fi tbatija liema bħalha, il-piena tal-mewt qatt ma tista’ tkun ġustifikata.
Meta l-Istat jirrikorri għall-piena tal-mewt ikun qed iċedi l-prinċipji tal-ġustizzja u jaqa’ għal-livell ta’ l-istess kriminal. Barraminhekk, kif wissa wkoll il-Vatikan, il-forka lil Saddam tista’ twassal għal klima ta’ vendetta u vjolenza bejn il-fazzjonijiet differenti fl-Iraq.
Forsi huwa diffiċli għal xi ħadd bħalna fil-Punent li jifhem il-psikoloġija tan-nies fl-Iraq li sofrew taħt ir-reġim dittatorjali ta’ Saddam. Iżda anki jekk jibqgħu d-differenzi fl-opinjonijiet dwar jekk kienx ġust jew le li Saddam jingħata l-forka, żgur li l-figura tiegħu se tibqa’ tiddomina għaż-żmien li ġej fl-istorja mdemmija ta’ dan il-pajjiż mifni bi ġlied intern.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt