Il-prinċipji huma kollox. Itlaq minnhom u tispiċċa f’deżert ideoloġiku li fih kulħadd jagħmel li jaqbillu. Kif donnu li qed jiġrilhom il-partiti politiċi tal-patria tagħna. Alfred Sant ilu li nesa l-prinċipji li suppost sawru lill-Partit Laburista. Tilef ruħ il-partit, kienu qalulu. U hekk hu. Kien kontra ma nafx kemm-il ħaġa u dejjem ra kif għamel dawra durella u aċċetta dak kollu li kien jgħid li ‘allaħares’ jiġri.
Dak Vassallo ta’ l-Alternattiva issa ntelaq fl-istess kurrenti: iffirma l-petizzjoni biex il-projbizzjoni ta’ l-abort tkun fil-Kostituzzjoni minkejja li darba kien kiteb li hu ma kienx jaqbel magħha. Għalaq ħalqu dwar il-kaċċa u l-insib għax qed jispera li fl-elezzjoni l-partit tiegħu jmur tajjeb f’Għawdex u ma jridx iħassar festi.
Issa qed jissemma li Josie Muscat se jagħmel partit ġdid għax il-poplu mdejjaq b’dawk li diġà għandu u meta staqsewh x’inhuma l-prinċipji li jispiraw din il-formazzjoni politika ġdida wieġeb li għadu ma jafx: issa niltaqgħu u naraw!
X’kull ereżija nisma’! Filwaqt li l-partiti politiċi jkunu akkużati li jabbandunaw il-prinċipji tagħhom għall-konvenjenza, il-partit ta’ Josie Muscat se jara xi prinċipji għandu jkollu għall-konvenjenza!
F’dawn iċ-ċirkostanzi tassew strambi l-PN jidher li hu lanqas partit li jdawwar ir-rotta li jgħid li jemmen fiha, skond iċ-ċirkostanzi jew il-mument anki jekk fl-istorja tiegħu kien hemm ukoll drabi meta għamel proprju hekk, bħal meta aċċetta li n-newtralità tidħol fil-Kostituzzjoni bil-klawsola tad-due terzi. Però dak kien il-prezz biex Malta rnexxielha teħles minn reġim li donnu kien ispirat minn ideat anti-demokratiċi, anki jekk dawn fil-verità ma kinux prinċipji iżda sempliċi konvenjenza.
Issa dalwaqt jasal iż-żmien meta kulħadd jipprova jiffanga fil-pjaċiri - drittijiet u mhux drittijiet. Qed ngħid għal żmien il-kampanja elettorali, żmien it-tentazzjoni, jew aħjar żmien meta l-għatx għall-vittorja jiġġustifika affarijiet mhux ġustifikabbli.
Anki Sant kien akkużat li meta wasal għal dan l-eżami qabel iż-żmien l-akkolti tiegħu tefgħu kollox il-baħar u qdew lil min ried jinqeda. Biex imbagħad, meta xorta tilef, kien hemm minn qal li l-Laburisti kienu sofrew it-telfa għax ma kinux ‘qdew’ lin-nies tagħhom, l-istess raġuni banali li ġabu xi Nazzjonalisti biex ‘jispjegaw’ it-telfa ta’ l-1996.
U issa Lorenzo tagħna x’se jagħmel fis-sena, jew kważi sena, li fadal sakemm ikollna l-elezzjoni ġenerali? Mill-mod kif qed jinħmew l-affarijiet f’Tal-Pietà wisq nibża’ li se jkollna orġja ta’ pjaċiri. U jaħasra, dawn l-orġji ta’ pjaċiri fl-aħħar mumenti ġeneralment ma jirnexxilhomx isalvaw lill-partit mit-telfa li l-poplu jkun iddeċieda dwarha minn qabel. Kieku ma kienx hekk, kieku l-PN ma rebaħx l-elezzjoni ta’ l-1987!
Jien naħseb li aktar ma tkun kbira l-orġja ta’ pjaċiri, aktar ma jintremew prinċipji l-baħar biex ‘jinqdew’ in-nies, aktar ikun hemm indikazzjonijiet li l-partit fil-Gvern ikun qed iħoss li riesaq lejn telfa. Għax meta wieħed iħoss li wasal il-mument tat-tmiem, jagħmel minn kollox biex jevitah.
Ħsibijiet xejn sbieħ għal dawn iż-żminijiet tas-sena, iżda ħsibijiet realisitiċi. Mill-bqija, nixtieq il-Buon Natale lill-qarrejja tiegħi kif ukoll auguroni għas-sena l-ġdida li dalwaqt tkun magħna.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt