24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Ma rajtx lil Malta tinbidel

Kulħadd b’xortih. Herbert Ganado kellu x-xorti jara lil Malta tinbidel. Ma nafx jekk hux għall-agħar jew għall-aħjar mill-perspettiva konservattiva li kien iħaddan. Jien ma kellix ix-xorti li nara lil Malta tinbidel, għall-inqas kif xtaqt jien. Imma xorta waħda ma nistax ngħid li Malta mhix qed tinbidel. Għadda ħemel żmien mit-tfulija taħt id-dell tal-kampnar fejn il-ħajja fir-raħal kienet iddur mad-daqq tat-tokki ta’ l-arloġġ tal-knisja u mal-moti tal-qniepen.
Gerrbu wkoll is-snin minn żmien iż-żgħożija meta l-partiti kienu saru qishom knisja bis-salvaturi, patrijarki, artali, festi, vari u pavaljuni tagħhom. L-ikbar rebħa u bidla dejjiema li seħħet f’dak iż-żmien tal-‘partiti chiesa’ kienet bla dubju ta’ xejn it-twaqqif tal-welfare state. Li ma kienx għas-sistema ta’ tmexxija politika patrijarkali ta’ dak iż-żmien, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha, għandi dubju jekk f’Malta kienx qatt ikollna s-sistema ta’ servizzi soċjali li għandna, s’issa, irrid ngħid.

J.F. Kennedy
Kulma jmur mhux biss l-attendenzi tal-quddies qegħdin jonqsu imma anki l-militanza politika fil-partiti qed tbatti. Min qatt kien jobsor li xi ħadd bħal Joe Grima inkella Eileen Montesin kienu xi darba se jispiċċaw jimbuttaw il-karru tal-Partit Nazzjonalista?
Il-mass meetings u d-dimostrazzjonijiet m’għadhomx iktar moda u kulma jmur il-kontenut politiku fl-attivitajiet tal-partiti qed jonqos u minflok qed tiżdied il-parti tad-divertiment u spettaklu. Insomma, il-kelma ġġib hekk għax ma nafx xi spettaklu hu dak il-qatta’ storbju u żeglig fil-vojt taż-żfin tas-samba.
Illum il-ġurnata kulħadd iħabbrek kemm jiflaħ u jistinka f’xogħlu u jħawtel f’ħajtu biex jipprova jkampa. Il-ftit ħin li jkun fadallek tiddedikah għalik innifsek u għal familja, tipprova tirrilassa mill-istress tal-bqija tal-ġimgħa.
Jgħidu kemm jgħidu dawk li jimmilitaw f’xi partit politiku li qegħdin hemm biex iservu u mhux biex jisservew, żgur mhix dik il-perċezzjoni popolari. Id-dictum ta’ J.F. Kennedy li jiġi ripetut ad nauseam lit-tfal ta’ l-iskola ‘taħsibx f’dak li se tiehu imma f’dak li se tagħti lil pajjiżek’, hawn Malta qlibnih rasu ’l isfel. Illum il-ġurnata, mill-kbir saż-żgħir, kulħadd jara kif se jagħmel biex isarraf il-vot tiegħu u jdabbar lira żejda. Ilu li spiċċa u tar dak iż-żmien li għall-ideali politiċi tiegħek kont litteralment lest tgħaddi minn nar, tmur il-ħabs u tgħaddi mir-riskju li tiftaħ rasek ktieb b’xi daqqa ta’ lembuba.

Mill-fosdqa
Ngħid kif rajt lil Malta tinbidel. Sa ftit tas-snin ilu konna ngħixu f’fosdqa fejn biex tixtri pakkett kondoms kont tidħol inkiss inkiss ġo spiżerija, tgħid lill-ispiżjar minn taħt l-ilsien x’kellek bżonn u kien iġiblek il-pakkett minn ġewwa mgeżwer u lest f’borża mhux trasparenti biex ħadd ma jkun jaf x’qed tixtri.
Mentri llum il-ġurnata ssib il-kondoms ta’ kull gost u għamla fuq l-ixkaffi ta’ l-ispiżeriji u fil-vending machines f’ħafna toilets ta’ ristoranti u postijiet oħra fejn jidħlu anki t-tfal. Minkejja din l-aċċessibiltà kollha li hawn għall-kontraċettivi, illum il-ġurnata għandna l-fenomenu nkwetanti ta’ iktar minn 20 fil-mija tat-trabi li jitwieldu kull sena qegħdin jitwieldu barra ż-żwieġ. Fl-2004 f’Malta kien hawn 744 twelid barra ż-żwieġ. U agħar minn hekk f’Malta hawn il-fenomenu ta’ bosta tfal taħt l-età li litteralment qegħdin iwelldu lit-tfal.
Fl-ewwel tas-sena ta’ tliet snin ilu meta bħal kull l-għada ta’ l-ewwel tas-sena l-gazzetti qalja jkollhom biex jimlew u allura jġibulna ritratti ta’ trabi fil-fisqija b’wiċċhom ruxxan li jkunu twieldu malli qalbet is-sena, l-ommijiet mhux miżżewġa kienu jissuperaw l-ommijiet miżżewġin.
Żgur li din mhix kwistjoni fejn xi ħadd joqgħod jimmoralizza dwarha. Imma l-fatt li mill-fosdqa ta’ 30, 40 sena ilu għamilna din il-qabża kbira għall-borma kawlata ta’ valuri li ninsabu ngħoddsu fiha llum, fenomeni bħal dawn żgur ma jistgħux jiġu njorati, jekk xejn minħabba l-konsegwenzi soċjali li qed iġibu magħhom.

Single mothers
Huma vera ftit l-ommijiet mhux miżżewġin f’Malta li jagħmlu l-għażla f’ħajjithom b’mod ippjanat li jkollhom it-tfal barra ż-żwieġ. Ħafna mis-single mothers jispiċċaw f’dik is-sitwazzjoni b’mod mhux ippjanat u għax ikunu sfurzati miċ-ċirkostanzi.
Barra minn Malta għandek is-sitwazzjoni fejn bosta tfal jitwieldu barra miż-żwieġ għax għandek ħafna koppji li jagħmlu l-għażla li jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu. Mentri f’Malta, insibu s-sitwazzjoni fejn ħafna tfajliet u anki tfal jinqabdu tqal b’mod mhux ippjanat minħabba nuqqas ta’ tħejjija tajba f’dik li hi edukazzjoni sesswali u valuri għall-ħajja.
F’Malta hawn madwar 2,500 ommijiet mhux miżżewġa li jiddependu fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-iStat u għalhekk ħafna drabi viċin ferm tal-linja tal-faqar. Fil-fatt, skond l-istatistika uffiċjali, hu proprju fl-Isla u f’Bormla, fil-Kottonera, it-Torri tax-Xgħajra, id-dawra tal-Port il-Kbir, il-Gżira u San Pawl il-Baħar fejn hemm l-aktar konċentrament ta’ ommijiet mhux miżżewġa.
Single mother f’Malta ħafna drabi tfisser faqar relattiv, imma f’kuntest fejn kulma jmur, għall-inqas skond ma jingħad kontinwament, is-sistema tas-servizzi soċjali m’għadhiex iktar sostenibbli, l-ewwel ma jiġu attakkati li qed jabbużaw mis-sistema huma proprju s-single mothers. Mhux l-ewwel darba tisma’ semmiegħa fuq ir-radjijiet jargumentaw b’ċertu fervur li dawn l-ommijiet ikunu jafu ma’ min marru qabel ma spiċċaw tqal u huma l-missirijiet tat-trabi li għandhom jinżammu legalment responsabbli. Mhux li kien li s-soluzzjonijiet għall-problemi soċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom l-ommijiet mhux miżżewġa kienu daqshekk sempliċi.

Tfal f’Monte Carmeli
Meta ftit tal-ġimgħat ilu l-Kummissarju għat-Tfal Sonia Camilleri ltaqgħet mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant, ħarġet aħbar mill-iktar xokkanti li fil-fehma tiegħi kellha tispiċċa fl-ewwel paġna tal-gazzetti u mogħtija prominenza żgur ferm aktar mir-‘rapporti’ ta’ Ivan Camilleri minn Brussels.
Peress li d-dar fejn jiġu ospitati t-tfal li jkunu vittimi ta’ vjolenza u molestji sesswali fil-familja tinsab mimlija b’sensittività liema bħala ta’ l-awtoritajiet, dawn il-povri tfal tefgħuhom fl-isptar Monte Carmeli. Marru għas-‘soluzzjoni à la Deguara’ li taparsi solva l-problema ta’ ’l hekk imsejħin każijiet soċjali f’St Lukes billi tefagħhom f’ward f’Monte Carmeli. Mal-problemi soċjali li kellhom dawn il-povri tfal u pazjenti spiċċaw ukoll bl-istigma li jinsabu rikoverati fi sptar mentali meta m’għandhomx problemi ta’ saħħa mentali, għall-inqas s’issa.

Ksur ta’ privileġġ
Fuq dawn it-tfal f’Monte Carmeli u tfal li qed iwelldu t-tfal imisshom jixħtu ħarsithom tal-Gift of Life u mhux joqogħdu jinqdew bil-feti tal-plastik biex jirrikattaw u jheddu bil-pulit lid-deputati parlamentari tagħna.
Mhux li kont fil-Parlament għax kont inressaq każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra Paul Vincenti u naħseb li kont nirbħu. Ir-riklam li qed jippubblika Vincenti bl-ismijiet ta’ dawk id-deputati li ffirmawlu l-petizzjoni biex joskura lil dawk id-deputati li ma ffirmawlux jikser l-ordnijiet tal-Kamra li jgħidu li ‘kulmin bil-forza jew bit-theddid ifittex li jġiegħel Membru li jiddikjara ruħu favur jew kontra xi proposta li tkun sejra tinġieb quddiem il-Kamra’, għandu jiġi kkunsidrat li wettaq reat kontra l-Att dwar il-Privileġġi u d-Drittijiet tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
It-trabi fil-ġuf huma diġà protetti sew bil-liġijiet kriminali tal-pajjiż u ma kien hemm, bżonn ta’ l-ebda Paul Vincenti u tal-front tiegħu li Alla biss jaf minn fejn hu ffinanzjat, biex niġġieldu l-abort f’pajjiżna. Huma t-trabi barra l-ġuf li f’dan il-pajjiż mhumiex imħarsin kif jixraq.
L-aqwa li fil-Liġi Maltija ma jeżistux divorzju u r-rikonoxximent legali tal-koppji li jgħixu flimkien b’mod stabbli. Imbagħad għandna dawn iż-żwiġijiet kollha li qed jisfaxxaw, separazzjonijiet u annullamenti bir-rimi. L-aqwa li f’Malta Kattoliċissima m’hawnx abort! Ħallik li skond id-Dipartiment tas-Saħħa ta’ l-Ingilterra madwar 80 tfajla Maltija li jifilħu għall-ispiża jagħmlu l-abort fl-Ingilterra u min jaf kemm iktar imorru Katanja. Vincenti u Tonio Borg fuq quddiemnett jimbotta l-karru tiegħu, jheddu jaljenaw lin-nies biex iħarsu l-feti li bil-Liġi diġà huma mħarsa kif jixraq, imbagħad l-ommijiet mhux miżżewġin li qed jieħdu l-għajnuna soċjali jiġu attakkati minn fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Milied hieni lilek u lill-familja.

wenzumintoff@yahoo.com



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt