24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Issa l-ekonomija Wenz!

Niftakar il-parir li James Corville, il-maniġer tal-kampanja presidenzjali ta’ Bill Clinton: “It’s the economy, stupid.”
Lil Lawrence Gonzi ngħidlu, “Issa l-ekonomija, Wenz!”
Meta l-GRTU ħarġet l-istudju li għamel l-ekonomista l-Prof. Joseph Falzon kellna għan ċar, li niffukaw fuq dak li vera qed isir fl-ekonomija Maltija. Lil hinn mill-ftaħir jew tmaqdir, skond liema aħbarijiet tisma’, ridna nippreżentaw stampa ċara biex min irid jifhem, jifhem għax fuq fatti konkreti tfassal strateġiji tajbin.
Il-punt kruċjali ta’
l-istudju jinvolvi analiżi xjentifika tal-Prodott Gross Domestiku, il-kejl l-aktar importanti ta’ kull ekonomija. Minn dan ħarġu ċar numru ta’ konklużjonijiet.
L-ekonomija Maltija, fit-tielet sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, illum tiddependi aktar fuq
l-attività ekonomika lokali milli fuq il-qligħ minn barra permezz tat-turiżmu u
mill-esportazzjoni.
Barra minn hekk
l-ekonomija lokali qed turi żieda fir-rata ta’ l-inflazzjoni kkawżata miż-żieda fl-ispejjeż lill-intrapriżi u lil min iħaddem filwaqt li d-dħul li jġibu l-esportaturi u l-aġenti tat-turiżmu minn barra minn Malta qed dejjem jonqos.
Dan ifisser li kulmin irid joħloq ix-xogħol f’Malta qed jiżdidulu l-ispejjeż filwaqt li l-prezzijiet li qed jinġiebu minn barra, kemm mit-turiżmu kif ukoll mill-esportazzjoni dejjem jonqos. Dak li jfissru inflazzjoni interna u diflazzjoni esterna.
Il-prezzijiet li nġibu minn barra naqsu bi 8.6 fil-mija bejn is-sena 2000 u s-sena 2005 u l-prezzijiet ta’ dak li nixtru minn barra naqsu b’sitta fil-mija. Il-valur ta l-esportazzjoni fl-2005 kien 10.25 fil-mija inqas milli kien fl-2000.
Il-valur miżjud li jibqa’ f’Malta mill-industrija tal-manifattura waqa’ minn 30.75 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) fis-sena 2000 għall-25.43 fil-mija fis-sena 2005.
Il-valur miżjud ekonomiku tas-settur tat-turiżmu bħala persentaġġ tal-PGD waqa’ minn 10.03 fil-mija fl-1995 għall-8.55 fil-mija fis-sena 2000 u għall-7.5 fil-mija fl-2005.
Għalhekk Prof. Falzon ikkonkluda li fis-sena 2005 l-ekonomija Maltija kienet inqas miftuħa milli kienet fis-sena 2000. Dan meta kulħadd jitkellem fuq il-globalizzazzjoni u fuq l-opportunitajiet ġodda li toffrilu s-sħubija fis-suq kbir intern ta’ l-UE. Dan
il-fatt ta’ kemm verament qed jibqgħalna fl-ekonomija tagħna, hi importanti ħafna. Dan hu li nifhem b’valur miżjud ekonomiku.
Sehem importanti
fl-ekonomija ta’ Malta hu dak ta’ l-impjiegi. La aħna m’għandnix riżorsi naturali bħaż-żejt, l-azzar u materja prima oħra, il-valur miżjud tagħna jiġi l-aktar mix-xogħol marbut mat-teknoloġija, apparat u sistemi ta produzzjoni, kif ikunu mmaniġġjati l-finanzi fl-intrapriżi u fl-attività ekonomika tagħna. Fl-istudju il-Prof. Falzon daħħal ukoll dak li qed isir fil-kamp ta’ l-impjiegi. Hu ra jekk dak li qed jieħdu l-ħaddiema bħala kumpens hux kopert biż-żieda fil-produzzjoni. Meta pajjiż jagħti żidiet li ma jkoprux dak li jkun ipproduċa l-ħaddiem għal kull lira żejda li jdaħħal b’żieda fil-produzzjoni l-pajjiż ma jikbirx u jaqa’ lura.
L-istudju ta’ Falzon juri li hekk kien qed jiġri matul l-aħħar 10 snin f’ħafna setturi. Għax l-istudju mhux jitkellem biss fuq l-ekonomija in ġenerali imma jidħol ukoll fis-setturi individwali.
Fl-industrija tal-manifattura fuq medda ta’ 10 snin tlifna impjieg minn kull ħamsa li kellna. Minn 30,942 fl-1995 inżilna għal 24,492 fl-2005, telf ta’ 6,450 impjieg jew 20.84 fil-mija. Pattejna għal dan bil-ħolqien ta’ mpjiegi fis-setturi marbuti ma’ l-ekonomiji lokali minflok dik għall-esportazzjoni.
Fit-turiżmu l-livell ta’ mpjiegi fuq medda ta 10 snin inżamm, b’żieda ta’ 1.6 fil-mija minn 8,419 fl-1995 għal 8,534 fl-2005. Il-livell ta impjiegi fl-ekonomija kollha Maltija nżamm fejn kien b’total ta’ 137,000.
Li żgur żdied matul dawn l-aħħar 10 snin hu x-xogħol part-time. Fl-1996 kien hemm 9,735 jaħdmu part-time biss u 12,336 li jaħdmu part-time barra x-xogħol ewlieni tagħhom. Fl-2005 dawk li l-uniku impjieg tagħhom hu part-time laħqu 22,158 u dawk b’impjieg part-time barra x-xogħol laħqu 17,569. Jiġifieri fuq 10 snin l-impjiegi part-time żdiedu minn 22,071 għal 39,727, żieda ta’ 17,656.
Xogħol part-time jfisser li l-valur miżjud ta’ kull siegħa xogħol tal-ħaddiem jonqos aktar milli jidher fir-rapport ta’ Falzon.
Il-valur miżjud għal kull ħaddiem li jaħdem full-time żdied b’26.95 fil-mija bejn l-1996 u l-2005. Meta jitqabbel maż-żieda fl-inflazzjoni, il-valur miżjud żdied kemm kemm aktar għax l-inflazzjoni fuq l-istess medda ta’ żmien telgħet b’24.52 fil-mija. Imma jekk imbagħad nieħdu x’effett kellha b’kull lira żieda li ħadu l-ħaddiema matul l-aħħar 10 snin fuq dak li jibqalgħu f’idu s-sid ta’ l-intrapriża biex ikun jista’ jbiddel, jirristruttura u jkompli jinvesti (operating surplus), insibu xena vera nkwetanti. L-operating surplus fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi li għandna f’Malta żdied b’ħafna anqas milli żdiedet l-inflazzjoni.
Il-qligħ fuq kull lira żieda li ngħatat lill-ħaddiema kien ta 8.74 fil-mija filwaqt li l-inflazzjoni żdiedet b’24.52 fil-mija. Dan ifisser li s-sid ta’ l-intrapriża ma ħax lura l-lira kollha. Ifisser li fuq l-ekonomija kollha meta s-sid ma jiħux lura biżżejjed, l-intrapriżi li m’għandhomx fuqxiex jaqgħu, jagħlqu u jibqa’ biss dawk li huma relattivament kbar u b’saħħithom.
Hekk qed jiġri fl-industrija u fis-settur tal-lukandi u dan bla ma nikkalkulaw l-impatt tal-part-timers fuq il-produttività tax-xogħol.
Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq figuri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) sa Settembru 2006. Għax, abracadabra ċ-ċifri ta’ l-NSO ippubblikati f’dawn l-aħħar ġranet għamlu bidliet sinjifikanti. F’daqqa waħda qed naraw li ċ-ċifri tal-PGD sa nofs is-sena 2006 inbidlu mhux ħażin.
Issa sibna li t-tkattir ekonomiku li rat Malta bejn l-1996 u l-2003 kien ħafna inqas milli kkalkulaw Lino Spiteri, Leo Brincat u John Dalli. Ħaġa ta’ l-iskantament issa sirna nafu li bejn is-sena 1996 u s-sena 2003, l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet kibret ferm inqas minn dak li kienu qed jgħidulna l-istatistiċi tal-NSO sa ftit ilu. Infatti l-figuri li kienu ppubblikati f’Diċembru 2006 issa qed juru li ċ-ċifri tal-Prodott Gross Domestiku nominali ibbażat fuq il-prezzijiet tas-suq (nominal GDP at market prices) għall-perjodu 1996 u l-2003 naqsu b’Lm108.5 miljun. Ħaġa ta’ l-iskantament!
Sparixxew Lm108.5 miljun! Sa Settembru 2006 kienu hemm, u f’Diċembru 2006, għosfru! Dan ifisser li l-Uffiċju ta’ l-Istatistika mar żmerċ b’mija u tmien miljun u nofs lira u għalhekk l-ekonomija Maltija bejn l-1996 u l-2003 ma kibritx daqs kemm kienu qalulna qabel.
Skond l-aħħar ċifri, Lino Spiteri u Leo Brincat marru żmerċ b’Lm40.8 miljuni fuq il-perjodu bejn l-1996 u l-1998 u issa l-NSO dawn il-miljuni sparixxithom. Ifisser ukoll li John Dalli għall-perjodi li hu kien responsabbli għall-ekonomija bejn l-1999 u l-2003, naqsulu Lm67.7 miljun lira minn dak li kien ħabbar bħala tkattir fl-ekonomija.
Iżda isbaħ minn hekk hu li mbagħad mis-sena 2004 sa nofs is-sena 2006 l-NSO skopra li l-ekonomija Maltija kienet kibret b’Lm34.8 miljun aktar milli qalulna f’Settembru ta qabel.
Mela taħt Lawrence Gonzi issa sirna nafu li l-ekonomija ntefħet b’Lm34.8 miljuni aktar milli kienu qalulna qabel.
Jien tlabt spjegazzjonijiet lill-Kap tal-NSO dwar dawn it-tibdiliet sinjifikanti. Iżda ngħid bla tlaqliq li ma kkonvinċieni xejn. Ma ninsewx ukoll li fl-aħħar xhur rajna waqa’ interessanti ħafna fir-rata ta’ l-inflazzjoni.
Irridu nikkonċentraw bis-serjetà fuq l-ekonomija, Sur Prim Ministru. Irridu l-ewwelnett inkunu aktar konsistenti fil-figuri li nippubblikaw. Irridu fuq kollox nanalizzawhom sewwa u wara nfasslu politika ekonomika li tiffoka bis-serjetà fuq x’hemm bżonn nagħmlu biex l-ekonomija Maltija tikber bis-serjetà b’mod konsistenti.
L-aħħar 10 snin tawna lezzjonijiet siewja ħafna. Boloh jekk ma nitgħallmux u nibqgħu ngħoddsu rasna.
Issa l-kwistjoni dwar sħubija fl-UE hi warajna. Ta’ l-Ewro kważi ġewwa wkoll.
Ejja issa nikkonċentraw b’aktar professjonalità fuq l-ekonomija.
Issa l-ekonomija, Wenz!

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt