24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
L-Istrina: bejn dinjità u karità

Toni

Waħda mill-aktar xeni li laqtitni b’mod ħażin fuq it-TV kienet tifla żgħira tgħajjat lil ommha minn wara l-ħadid tat-taraġ. It-tifla kienet marida u l-filmat intwera meta kienet diġà mejta.
Dan kien fil-programm L-Istrina ta’ xi sentejn ilu. Meta ftakart li dak il-filmat kien maħsub biex iħeġġeġ lill-pubbliku jagħti kemm jiflaħ flus għall-karità l-istonku beda jinbaramli. Inbaramli aktar meta ftit tal-ħin wara l-preżentaturi nħakmu minn ferneżija ta’ xita ta’ rigali li kienu jvarjaw minn mobajls sa karozzi abbinati mat- telefonati li jagħmlu t-telespettaturi.
Kien speċi ta’ spettaklu makabru ta’ mewt u logħob bi premijiet biex iqanqlu qalb in-nies. Minn sena għall-oħra l-preżentaturi ta’ din il-maratona ta’ ġbir saħansitra daħlu f’pika magħhom infushom, mhux wisq li jgħinu lil ħaddieħor, iżda li jaqbżu l-miljun!
Nittama li din is-sena, fin-nuqqas ta’ nies bħal Peppi Azzopardi li jirrappreżenta l-qofol ta’ l-ego-ċentriżmu televiżiv, L-Istrina tieħu stil ieħor. Stil aktar uman u anqas materjali u konsumista mingħajr ma tinħoloq klima ta’ pika biex somma taqbeż lill-oħra. Issa naraw.
Iżda rrid nagħmilha ċara li assolutament ma naqbilx li jsiru dawn ix-xorta ta’ maratoni li jkunu speċi ta’ ċirklu televiżiv imsejjes fuq il-karità mal-proxxmu tagħna. Il-karità qatt ma kienet ħabiba tiegħi u ngħid il-verità qatt ma ħmiltha.
Mhux għax fejn nista’ ma ngħinx lil ħaddieħor fil-bżonn u dak li nagħmel lanqas naqbel li nagħmlu bl-arpa f’idejja mill-gallarija, fejn kulħadd jista’ jarani. Anzi att ta’ umanità lejn ħaddieħor fih ħafna aktar merti meta jsir minn wara l-kwinti milli fuq il-palk f’wiċċ l-udjenza għaċ-ċapċip.
Iżda programmi bħall-Istrina, apparti li jimmobilizzaw il-mard, jagħmel mill-karità speċi ta’ istituzzjoni nazzjonali. Proprju għalhekk qatt ma attendejt jew għamilt riklam għal din l-attività fi programmi televiżivi li kienu jiddependu minni.
Bi programmi bħal dawn inkunu biss qegħdin inservu ta’ paljattiv għan-nuqqasijiet ta’ dawk l-istituzzjonijiet nazzjonali li suppost qegħdin jipprovdu s-servizz li proprju fl-Istrina n-nies ikunu qegħdin jintalbu li jagħtu l-flus.
Bi programm bħall-Istrina, il-politiċi jsibuha komda għax ikunu qegħdin jiffrankaw. Kulma tagħmel il-karità hu li tipprovdi soluzzjoni għall-mument u mhux fit-tul, mentri s-sistema ta’ l-għajnuna soċjali progredita tipprovdi servizz kontinwu u tul ħajjet l-individwu.
Għalkemm il-karità tista’ tnaqqas ftit mill-uġigħ f’pajjiżi li huma fqar jew tat-Tielet Dinja, f’Malta dan l-istadju qbiżnieh u għalhekk ma tagħmilx sens li jkollna programmi ta’ dawn ix-xorta, ta’ qsim il-qalb u ħafna ħniena spettakolari li jintużaw fost l-oħrajn biex il-politiċi jkunu jistgħu jiddandnu.
Ma nistax ninsa l-banalità li kont rajt fl-Istrina meta politiku responsabbli mill-finanzi tal-Gvern ippreżenta għotja ta’ Lm20,000. Kienet xena patetika u tad-daħk fl-istess ħin. Bħal dak li qallu dawk il-flus kienu ġejjin minn butu. U fl-istess ħin, dawk il-flus kellhom ikunu parti minn pjan ta’ servizzi soċjali b’ħaqq u mhux b’karità.
Proprju ftit tal-ġimgħat wara dik l-għotja fuq l-aħbarijiet smajt li tal-Life Cycle reġgħu qadfu fuq ir-roti ma nafx kemm-il kilometru barra minn Malta biex jippruvaw jiġbru Lm100,000 biex tinxtara makna tal-kliewi. Imbagħad fl-Istrina deher il-Ministru jagħti ‘donazzjoni’ ta’ Lm20,000. Ħwejjeġ li ma jagħmlux sens u ħafna drabi b’mod l-aktar subliminali jservu bħala eżerċizzju ta’ propaganda politika a skapitu ta’ flusna, jew agħar minn hekk, ta’ dawk il-morda li minnhom jagħmlu ċirklu televiżiv.
Jiena ma nemminx f’dawn it-tip ta’ maratoni spettakolari. L-aktar l-aktar meta nisma’ li dawn il-famużi wegħdiet telefoniċi jdumu ma jinġabru u allura jdumu ma jingħataw, ġieli anki sa sena wara u dan meta l-bżonn tal-muġugħ huwa mmedjat. Apparti dan lanqas m’għandi fiduċja fil-Community Chest Fund li ħafna drabi jkun amministrat minn eks-politiċi partiġġjani li jkunu libsin ta’ President.
Għad irrid inkun naf b’aktar preċiżjoni kif jitqassmu dawn il-flus u liema sezzjoni tal-poplu Malti tgawdi minnhom. Jiena ma rridx li jkolli x’naqsam ma’ dawn it-tip ta’ attivitajiet għax għalija huma pudina ta’ protagoniżmu, politika u sfruttament ta’ min qiegħed fil-bżonn.


Peppi

Il-kelma karità lili tirritani. F’widnejja ddoqq qisha xi għażla ta’ xi ħadd li jgħin. Qisu li wara l-kelma karità jiġu l-kliem: ‘Grazzi mn’alla kont jiena għalik. Kieku ma tajtekx karità kieku żewġek ma setax jixtri kuljum l-injezzjoni li tiswa’ Lm100.’
Jekk xejn, imissna nistħu bħala soċjetà li fid-dinja kull tliet sekondi jmut tifel jew tifla bil-ġuħ. Il-karità għandhom bżonnha għax aħna kompliċi fl-inġustizzja kif il-ġid f’pajjiżna u fid-dinja jinqasam b’mod inġust.
Allura mhux karità imma dritt. Dritt ta’ persuni bħalna li għandhom dritt jgħixu, li għandhom dritt ifiequ, li għandhom dritt ma jbatux bla bżonn.
Il-karità tumilja lil min jirċeviha. Iżda l-mistħija għandha tkun fuqna l-komdi.
F’dawn l-aħħar 11-il sena nagħmlu l-Istrina missejt xi tfisser tbatija. Immaġinaw telefonata ta’ familja li r-raġel qed imut bil-kanċer u nkwetat għax martu m’għandhiex biex tagħmillu l-funeral. X’tgħidilhom?
Filgħaxija jmut. Martu baqgħet issib l-għajnuna mill-Community Chest Fund sal-lum. L-Ingilterra ltqajt mal-ġenituri ta’ aħwa t-tnejn fl-ITU, wieħed jagħti mudullun lil ħuh ta’ xahrejn. Ir-raġel kellu jieqaf mix-xogħol għax ma felaħx jibgħat lil uliedu m’ommhom l-Ingilterra.
Jiena kieku hekk kont nagħmel. Addio Xarabank u nitla’ ma’ ibni. Hemm posti. Imma x’kont nagħmel kieku ma kontx nista’ mqar inħallas il-passaġġ? Min se jħallas għall-akkomodazzjoni f’nofs Londra fejn l-isptar?
Issa kulħadd jista’ jippontifika u jgħid: ‘Imma għandna nagħmlu maratoni ta’ ġbir fejn issir lotterija ta’ rebħ ta’ karozzi u plasma screens? Ir-risposta tiegħi hija iva.
Veru li kieku ngħixu f’dinja ġusta dawn il-maratoni m’hemmx bżonnhom iżda mhux hekk fir-realtà. Fuq il-prinċipji sbieħ ta’ ħafna li b’idejhom fuq żaqqhom jikkritkaw l-Istrina għax fiha r-rigali għax jintużaw każijiet speċifiċi ta’ nies ibatu, il-Community Chest Fund tieqaf tgħin mijiet ta’ nies u għaqdiet filantropiċi.
Faċli tgħid inneħħu r-rigali iżda x’se nwieġbu lil dik il-mara li m’għandhiex biex tħallas l-ħrieqi ta’ binha? X’se nwieġbu lil omm li żewġha u binha mdamdmin bid-droga u tqila b’tarbija? Tort tagħhom forsi ngħidu biex inraqqdu l-kuxjenza? Tort tat-tarbija li għadha lanqas twieldet?
Dan ma jfissirx li kollox jgħaddi u kollox permess biex jinġabru l-flus. Forsi jiena stess abbużajt fl-imgħoddi u użajt nies biex immiss il-qlub tal-kumplament.
Kien għalhekk li llum il-clips li jidhru fl-Istrina jsiru taħt is-superviżjoni ta’ psikoloġi u l-messaġġ tagħhom huwa aktar pożittiv.
Dwar il-lotterija waqt dawn il-maratoni ma jiddispjaċini xejn li kont jien li vvintajt dan il-mod ta’ ġbir li llum qed jintuża anki mill-partiti politiċi. Qatt ma fhimt x’hemm ħażin li fil-maratoni jintrebħu r-rigali. X’hemm ħażin?
X’fiha li n-nies iċċempel biex tgħin u terġa’ ċċempel biex forsi tirbaħ rigal?
Ħa nistaqsi: Hemm xi ħaġa ħażina li banda toħroġ CD u tgħid li l-flus minnha se jmorru għal għan filantropiku? Ħadd ma jikkritika dan il-ġest. Issa min xtara s-CD mhux ukoll qed jirċievi xi ħaġa lura? Iżda xorta tixtriha iżjed bil-qalb għax taf li l-flus se jgħinu lil dawk fil-bżonn. Allura x’inhi d-differenza bejn li tixtri CD u li ċċempel forsi tirbaħ xi ħaġa?
Il-periklu li nara fil-maratoni tal-ġbir huma tnejn.
L-ewwel problema hi li għax nagħti Lm5 naħseb li nista’ nagħmel sena bil-kuxjenza kwieta li hemm barra lin-nies fil-bżonn m’għadx għandhom problema.
It-tieni, li naħsbu li l-għajnuna hija biss flus. Hawn ħafna nies jgħixu fis-solitudni. Li m’għandhomx bżonn flus iżda ħin. Ħin li lkoll obbligati li nagħtu bi dritt lil dawk li jinħtiġuh.
Nappella minn qalbi biex nhar is-Sibt fl-Istrina nkunu ġenerużi.
Nagħti l-awguri tiegħi minn qalbi lil sieħbi Toni li qiegħed fuq in-naħa l-oħra tal-paġna u lill-bnedmin kollha, speċjalment lil dawk li se jgħaddu il-Milied fiċ-ċella, jew tal-ħabs, jew tas-solitudni.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt