24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
10 snin mit-traġedja tal-Yioham

L-għajbien ta’ madwar 340 immigrant Indjan fil-Mediterran

Karl Stagno-Navarra

Għaxar snin minn dik li qed tissejjaħ bħala l-akbar disgrazzja li qatt setgħet seħħet fil-Mediterran bl-għajbien ta’ madwar 340 immigrant Indjan waqt li kienu qed ikunu trasbordati minn fuq vapur għal fuq skuna li telqet minn Marsaxlokk, il-Pulizija Maltija għadha ssostni li sal-lum għad m’għandha l-ebda prova konkreta li d-diżgrazja seħħet tassew.
Kien tard filgħaxija ta’ lejlet il-Milied ta’ l-1996 meta mill-port ta’ Marsaxlokk salpat l-iskuna F-174 b’erba rġiel abbord. Dak il-lejl kien maħkum minn tempesta qalila, b’riħ jonfoħ Forza 6.
Fil-kabina mdawwra bil-ħġieġ ta’ patrol boat antika tan-Navy Ingliża u mibdula mas-snin fi skuna, kien hemm imgeddsa għall-irdoss ta’ ħwejjiġhom il-Malti Marcel Barbara mill-Kalkara u l-Griegi Dionisios Avgerinou u Eftikios Zervoudakis.
B’din l-iskuna li kienet inxtrat u ssewwiet minn Zervoudakis ftit tal-jiem qabel bi spiża ta’ 50,000 Dollaru, kellhom jitrakkaw f’nofs ta’ baħar bejn Malta u Sqallija biswit il-vapur ‘Yioham’ li kien ġej mill-Asja mgħobbi b’immigranti klandestini ta’ kull ġens.
Gruppi ta’ immigranti kellhom jitniżżlu mill-istivi tal-‘Yioham’ għal fuq l-iskuna Maltija li mbagħad, kellha twassalhom bil-moħbi lejn il-kosta ta’ Sqallija.
Barbara, Avgerinou u Zervoudakis iżda ma basrux li t-temp kellu jkun daqstant kiefer tant li malli kienu qed jitniżżlu l-immigranti b’sellum tal-ħadid imsaddad, l-iskuna Maltija kienet se tispiċċa taħbat mal-‘Yioham’ u ġġarrab tiċrita kbira li għarrqitha bit-tagħbija umana li kellha.
F’temp ikreħ bħal ta’ dak il-lejl, fejn il-beraq u s-sajjetti kienu l-uniku sors ta’ dawl li xegħlu s-sema, il-vapur ‘Yioham’ dawwar it-tmun u salpa lejn it-Tramuntana fejn l-għada tal-Milied trakka f’Reggio Calabria minn fejn dawk li b’xorti tajba rnexxielhom jibqgħu abbord irrakontaw lill-awtoritajiet Taljani d-dettalji ta’ dik l-imsejħa traġedja.
Fil-kuntest ta’ Malta, l-awtoritajiet għadhom qed iqisu din il-ġrajja bħala “ipotetika” għax ma jeżistu l-ebda provi konkreti dwar dak li seta’ ġara mill-iskuna F-174, partikolarment x’seta’ sar minn Marcel Barbara u Dionisios Avgerinou li t-tnejn kellhom il-familji rispettivi tagħhom f’Malta u li sal-lum għadhom meqjusa bħala “mitlufin.”
Zervoudakis, li telaq bl-iskuna minn Malta, kien laħaq tela’ abbord il-vapur biex ikellem lill-kaptan meta ttrakkaw l-ewwel darba u kien irnexxielu jaħrab l-Italja sakemm inqabad xi xhur wara mill-Pulizija Griega f’ Ateni.
Din il-ġrajja ta’ 10 snin ilu tibqa’ ħajja fl-imħuħ tal-mijiet ta’ familji fost il-komunità Asjatika fl-inħawi ta’ Palermo fi Sqallija fejn kienu jistennew lil qrabathom jingħaqdu magħhom.
Din il-komunità għamlet, u għadha qed tagħmel pressjoni fuq il-Gvern Taljan biex jilqa’ t-talba tagħhom u jinvestiga l-fdalijiet ta’ dak li jidher li hi skuna f’qiegħ il-baħar ’il barra minn Pozzallo.
Il-fdalijiet kienu nstabu erba’ snin ilu minn sub-marine mikri mill-gazzetta Taljana ‘La Repubblica’ li baqgħet tinvestiga l-ġrajja permezz tal-ġurnalist Giovanni Maria Bellu li hu wkoll l-awtur tal-ktieb ‘I fantasmi di Portopalo’.
Ritratti u filmati ta’ dak li nstab f’qiegħ il-baħar ma kenux biżżejjed biex iċaqilqu lill-awtoritajiet biex itellgħuh. Madankollu l-awtoritajiet tal-port ta’ Pozzallo ħarġu direttiva li għadha tgħodd sal-lum li twissi lill-baħħara kollha biex ma jgħaddux miż-żona.
Din iż-żona fejn instabu l-fdalijiet hi viċin ħafna fejn għal snin twal is-sajjieda ta’ Portopalo kienu qed itellgħu għadd ta’ katavri fix-xbieki tagħhom u jerġgħu jarmuhom fil-baħar bl-iskop li jevitaw li jaħlu l-ħin f’inkjesti mill-Maġistrati.
Filwaqt li l-Pulizija Maltija baqgħet iżżomm kuntatt mal-kollegi investigaturi fl-Italja u fil-Greċja dwar il-każ, ftit tal-ġimgħat ilu waslet il-konferma li l-Ispetturi Antonello Grech u Mario Spiteri kellhom jittellgħu bħala xhieda fil-każ kontra Thurab Sheik f’Sirakuża.
It-traġedja seħħet għat-Taljani għaliex għandhom ix-xhieda bħala evidenza, u Thurab Sheik, il-Malti ta’ nisel Indjan li kien mal-grupp oriġinali li ppjanaw il-vjaġġ klandestin, ma ssugrax it-temp u baqa’ l-art f’dak il-lejl bl-iskop li jinfurmahom bir-radjo dwar il-movimenti tal-patrol boats Maltin.
Thurab Sheik hu l-persunaġġ stramb tal-ġrajja kollha, għaliex hu l-uniku li jaf il-ġrajjiet tal-verżjoni Maltija. Hu jafhom u jirrakkuntahom lill-awtoritajiet u lill-ġurnalisti Taljani, l-istess nies li qed ipoġġuh fl-iżbarra akkużat li għen fl-organizzazzjoni tal-vjaġġ u l-qtil involontarju ta’ aktar minn 300 persuna. F’każ ta’ ħtija Thurab qed iħares lejn piena ta’ għomor fil-ħabs.
L-anniversarju tal-lum fetaħ għajnejn beraħ lill-awtoritajiet Maltin dwar kemm fil-fatt kienu jeżistu organizazzjonijiet b’saħħithom li jħallsu eluf ta’ liri lil kulmin jgħinhom fit-traffikar ta’ nies fil-Mediterran.
Thurab jirrakkonta kif f’lejlet il-Milied ta’ dik is-sena kien iltaqa’ ma’ Zervoudakis, Avgerinou u Barbara fl-istabbiliment ‘Carrubia’ f’Marsaxlokk. Kollha kienu għall-irdoss tal-maltemp u Thurab jispjega kif Zervoudakis, li hu baħri mdaħħal f’ħafna kriminalità, kien wasal Malta ġimgħa qabel b’ħafna flus fuqu, tant li aktar tard fl-investigazzjonijiet il-Pulizija Maltija kkonfermat bl-Interpol li kien iddikjara s-somma ta’ 80,000 Dollaru lid-Dwana.
Dawn il-flus kellhom jagħmlu tajjeb biex tinxtara d-dgħajsa u jitħallsu n-nies li kienu se jgħinuh fl-operazzjoni.
Dionisios Avgerinou, miżżewweġ Maltija u missier ta’ żewġt ibniet kien wieħed mill-kaptani tal-katamaran ta’ bejn Malta u Sqallija. Kien baħħar tajjeb u għalkemm kien meqjus karattru kwiet ħafna kien midħla sew tal-komunità tal-baħħara Griega fil-Mediterran
Marcel Barbara hu mill-Kalkara. L-unika ħaġa li hi magħrufa dwaru hi dik li tgħid martu. “Konna ħerġin biex nieklu barra lejlet il-Milied, meta rċieva telefonata u qalli li kien ħiereġ għal 10 minuti u li kien reġa’ ġej. Minn dak il-ħin ’il quddiem qatt ma rajtu aktar.”
Barbara kien mar fil-‘Carrubia’ fejn skond Thurab Sheik, twiegħed is-somma ta’ Lm10,000 biex jitla’ fuq l-iskuna u jgħin lil Zervoudakis fit-trasbord ta’ l-immigranti.
Thurb jirrakkonta: “Ħarist lejn Marcel Barbara u għedtlu: ‘Kif ħriġt mingħajr ġakketta f’din il-kesħa u l-maltemp?’ Weġibni: ‘Nafu sew il-baħar.’ ‘Għaliex? x’inhu xogħlok?’ Weġibni: ‘Innaddaf ix-xtajta.’ Infqajt nidħaq f’wiċċu. Ħaseb li għax inaddaf ix-xtajta kien jaf il-baħar.”
Marcel Barbara għandu żewġt itfal li ilhom għaxar snin jistennewh jirritorna d-dar.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt