24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Dawradurella fl-Imsida se tintrabat

Kurt Sansone

Il-Kunsill Lokali ta’ l-Imsida rreaġixxa għall-istorja li kienet ippubblikata f’din il-gazzetta daqs xahar ilu dwar dawradurella perikoluża li hemm fil-ġnien ta’ quddiem il-knisja u ddeċieda li l-istruttura għandha tintrabat ma’ l-art.
F’ittra mibgħuta lil din il-gazzetta s-Sindku ta’ l-Imsida, Alex Sciberras qal li waqt il-laqgħa tal-kunsill li saret fil-5 ta’ Diċembru kien deċiż li biex ikun evitat kull periklu possibbli d-dawradurella se tintrabat ma’ l-art.
Fl-ittra Sciberras sostna li l-Kunsill Lokali Msida “għad m’għandux rapport konklussiv li jnebbaħ li d-dawradurella fil-ġnien tal-Imsida hija perikoluża”, madankollu din se tintrabat bħala prekawzjoni.
Id-dawradurella fl-Imsida tixbaħ lil dik li hemm f’San Ġwann u li fil-bidu tas-sajf kienet il-kawża ta’ inċident kważi fatali għal tifel ta’ erba’ snin.
Id-dawradurella f’San Ġwann kienet deskritta bħala perikoluża mill-espert tal-qorti u saħansitra l-pulizija kienet talbet ukoll li tintrabat ma’ l-art. L-inkjesta tal-qorti fuq l-inċident ta’ San Ġwann għadha ma nagħlqitx.
F’diversi playing fields madwar Malta għadek issib dawn id-dawradurelli li ilhom jintużaw għal dawn l-aħħar 20 sena.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt