24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Jiċħdu li evitaw il-vot dwar l-impjant

Julia Farrugia

Ir-rappreżentanti taż-żewġ partiti politiċi fuq il-Bord tal-MEPA jiċħdu li nhar il-Ħamis m’attendewx għall-vot finali dwar l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin minħabba xi raġuni politika.
Il-Bord tal-Mepa huwa ffurmat minn 13-il rappreżentant. Imma dakinhar li ttieħed il-vot finali ma kenux preżenti l-Perit Joe Falzon u Dr Joe Brincat, ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista rispettivament.
Ħafna għokrithom għajnejhom u staqsew x’kienet ir-raġuni għaliex dawn iż-żewġ rappreżentanti politiċi naqsu milli jattendu għal din is-sessjoni.
Mitlub minn din il-gazzetta jagħti r-raġuni għan-nuqqas ta’ attendenza, id-Deputat Nazzjonalista Joe Falzon jgħid li m’attendiex għall-vot “għax kien fuq l-ajruplan.” Falzon jgħid li wasal Malta l-Ħamis stess wara li kien Franza għal ħamest ijiem fejn attenda għall-Western European Assembley. Ikkonferma li kieku kien preżenti kien jivvota favur li l-impjant ta’ riċiklaġġ isir kif propost f’Marsaskala hekk kif saħaq li “fuq il-prinċipju dejjem kont favur u l-prinċipju ma jbiddlu ħadd.”
Minn naħa l-oħra d-Deputat Laburista Joe Brincat isostni li hu m’attendiex għal din is-seduta għaliex dakinhar kellu kawża twila fil-Qorti li bdiet fl-10am u ntemmet fl-4.30pm.
Mistoqsi kif kien jivvota fuq il-kwistjoni Brincat jgħid li “kont nivvota skond il-fatti li kien ikolli quddiemi kif għamilt f’kull każ.” Jisħaq li hu għandu riservi kbar dwar dan il-każ. Enfasizza li “l-proċeduri li saru huma nulli”. Mitlub jagħti r-raġuni, id-Deputat Laburista jgħid li “kien hemm gzuz kbar ta’ nies li tħallew jistennew barra l-bini tal-MEPA mingħajr ma ttieħdet l-opinjoni tagħhom u dan huwa inaċċettabbli.”
Sadanittant, tibqa’ fis-seħħ mistoqsija oħra. X’se tkun il-pożizzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent Ewropew Stavros Dimas? Ftit jiem biss qabel il-MEPA sejħet din l-aħħar seduta, Dimas wiegħed lill-Front kontra dan il-proġett li kien se jinvestiga personalment id-dettalji dwar il-proposta tal-Gvern Malti,
Is-Sibt filgħodu l-Uffiċju tal-Kummissarju Ambjentali kien ikkwotat jgħid li Stavros Dimas qiegħed bil-btajjel tal-Milied u jidħol lura fl-Uffiċċju wara t-8 ta’ Jannar 2007.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt