24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Philip Beattie mal-partit ta’ Josie?

Karl Stagno-Navarra

Philip Beattie, wieħed mill-esponenti ewlenin ta’ l-imsejħa Alleanza Nazzjonali Repubblikana (ANR), għażel li la jiċħad u lanqas jikkonferma ma’ din il-gazzetta li hu interessat li jaħdem fi ħdan il-partit politiku l-ġdid li mistenni jitħabbar mit-tabib Josie Muscat.
Beattie, li jgħallem fil-Fakultà ta’ l-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, qal li ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għall-mistoqsijiet speċifiċi tagħna dwar l-interess tiegħu li jimmilita fil-politika permezz tal-proġett politiku li qed jitħejja mill-eks deputat tal-PN.
Meta tkellem magħna Philip Beattie qal li fil-pajjiż hawn ħafna persuni li huma għatxana biex isibu partit li jirrefletti t-twemmin Ċentru Lemin tagħhom, hekk kif skond hu , Il-PN qed iwettaq politika tax-Xellug.
“Hemm ħafna affarijiet li nixtieq li nara li jittieħdu kont tagħhom minn partit politiku ġdid, fosthom l-amministrazzjoni aħjar tal-finanzi tal-pajjiż,” sostna Beattie.
Mistoqsi dwar il-fatt li hu diġà jimmilita fi ħdan l-ANR li ħadet pożizzjoni iebsa kontra l-Gvern għall-mod ta’ kif amministra l-kriżi fl-imigrazzjoni klandestina, Philip Beattie qal li “L-ANR hi biss pressure group u mhux partit politiku u s-sehem tiegħi f’dak li qed tgħidli int jkun biss fuq għażla personali tiegħi”.
L-aħbar li ħarġet minn din il-gazzetta l-ġimgħa li għaddiet qajmet interess kbir fil-pajjiż, tant li anki l-gazzetta The Times għamlet kuntatt ma’ Josie Muscat.
Hu mifhum li l-aħbar wasslet ukoll biex diversi nies li kienu jaħdmu fil-kamp ta’ Josie fis-Snin 70 u 80 meta kien Deputat tal-PN, u kien waqqaf il-Front Freedom Fighters reġgħu bdew javviċinaw lil Josie u joffrulu l-appoġġ tagħhom.
Sadanittant matul din il-ġimgħa saret laqgħa oħra għal dawk li qed jitfissru bħala ‘l-Eżekuttiv’ tal-partit, b’Josie jattendi u jindirizzahom.
Josie fil-fatt intervjena waqt il-laqgħa tal-Mepa li din il-ġimgħa approvat il-proġett ta’ modernizzar ta’ l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin f’Wied il-Għajn fejn hu jservi bħala kunsillier indipendenti.
F’dik il-laqgħa Josie attakka liż-żewġ partiti fuq dak li fisser bħala “nuqqas ta’ każ lejn il-karba tan-nies li huma kontra l-estensjoni ta’ l-impjant.”
Imkejjen viċin Josie spjegaw li matul dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma biex jitfassal il-manifest tal-partit b’Josie jaqra u jikkoreġi, filwaqt li diversi nies huma rappurtati li tqabbdu mill-‘Eżekuttiv’ tiegħu bl-iskop li jfasslu d-dokumenti li għandhom jirriflettu l-politika tal-partit fuq l-oqsma differenti tal-pajjiż.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt