24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Betlem fil-Milied

Julia Farrugia

“Sibt Betlem imsakkar.  Kellna nistennew lis-suldati Israeljani jiftħulna l-grada l-kbira tal-ħadid li tagħlaq il-belt mal-lejl għax wasalna hemm fis-siegħa u nofs ta’ filgħodu.” Hi l-Betlem imdawra bil-ħajt tas-sigurtà li kien kundannat mill-komunità internazzjonali. Hi l-Betlem minn lenti ta’ ġurnalist, il-ħsus ta’ Dr Joe Mifsud. Għax ġurnalist tibqa’ għad li taqbad triq differenti.
Joe Mifsud, li jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, ftit tal-jiem ilu kien f’Ġerusalemm u f’Betlem f’ħidma personali f’dan
ir-reġjun.
Joe isostni: “F’Betlem m’hemmx atmosfera ta’ Milied. Ftit li xejn hemm tiżjin għall-okażjoni. Ħafna mill-ħwienet magħluqa.
Il-qgħad ilaħħaq is-60 fil-mija ta’ dawk li jgħixu.  In-nuqqas ta’ xogħol qiegħed joħloq
il-problemi fil-familji fejn anke l-vjolenza domestika kibret. Ħaddiema li jaħdmu mal-Municipju ta’ Betlem ilhom ix-xhur ma’ jieħdu l-paga.”
Il-ħsibijiet imorru lil hinn: iż-żgħażagħ. “Fl-Universita’ ta’ Betlem l-istudenti jafu li għandhom futur imċajpar għax wara li jlestu l-istudju ma jafux fejn se jaħdmu.”
Imma f’Betlem hemm ukoll rabta Maltija. Joe Mifsud ikompli: “Ħadt gost niltaqa’ ma’ żewġ sorijiet Maltin li ilhom għal dawn l-aħħar snin f’Betlem: Sr Maria Grech u Sr Patricia Crockford li qegħdin jagħmlu ħidma kbira fost dawk li joqogħdu f’Betlem.”
Żgur li isem Malta jista’ jkompli jissemma bil-kbir f’dan ir-reġjun. Hekk kif tibqa’ s-sitwazzjoni mwiegħra bejn l-Israeljani u l-Palestinjani Dr Mifsud kellu laqgħa mal-mexxej tal-Partit Soċjal Demokratiku Meretz-Yachad Yossi Beilin. Iddiskutew flimkien pjan ta’ erba’ punti biex ikun hemm żblokk fil-qagħda bejn
iż-żewġ popli. Beilin u Mifsud iddiskutew kif tista’ tinfetaħ id-diskussjoni anki ma’ dawk li s’issa mhumiex involuti fit-taħditiet ta’ paċi fil-Lvant Nofsani. Beilin ma eskludiex li “dawn id-diskussjonijiet jistgħu isiru f’Malta bħala pajjiż newtrali li hu fdat minn dawk kollha nvoluti fil-kunflitt.”
Yossi Beilin kien innegozja l-ftehim ta’ paċi ta’ Oslo u kien anki serva ta’ Ministru tal-Ġustizzja fil-Gvern Israeljan.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt