24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Is-siġra tal-Milied iktar popolari mill-presepju

James Debono

Għalkemm Malta hi meqjusa fost l-iktar pajjiżi nsara jidher li fejn jidħol it-tiżjin tal-Milied, is-siġra, simbolu antik pagan impurtat mill-Ewropa tat-Tramuntana, hi iktar popolari mill-presepju, is-simbolu Kristjan u Mediterranju.
Skond stħarriġ tal-gazzetta Illum filwaqt li 90 fil-mija jżejnu djarhom bis-siġra tal-Milied, 73 fil-mija biss jarmaw il-presepju fi djarhom.

Jidher li l-Maltin ma tawx widen għal dak li kien qal il-Papa Benedittu XVI is-sena l-oħra fl-Anġelus ftit ġimgħat qabel il-Milied.
Il-Papa sostna li l-presepju hu l-aħjar mod biex inħarsu l-Milied mit-“tniġġiż kummerċjali.” Skond il-Papa l-presepju hu mod effettiv kif l-insara jwasslu l-fidi lil uliedhom.
Madankollu l-Papa kellu anki kliem ta’ tifħir lejn is-siġra tal-Milied li ddeskriviha bħala “tradizzjoni antika li tgħolli l-valur tal-ħajja.”
Il-Knisja Kattolika aċċettat din id-drawwa pagana fil-festi tagħha tant li fi Pjazza San Pietru kull sena tiżżejjen siġra mdaqqsa.
Madankollu fil-ġlieda tiegħu kontra s-sekularizzazzjoni tal-Milied, il-Papa preżenti għamilha ċara li l-presepju hu iktar importanti mis-siġra tal-Milied.
Id-diskors tal-Papa sar fl-isfond ta’ dak li qed jiġri f’bosta pajjiżi Ewropej li qed jippruvaw ineħħu simboli purament Kristjani biex iż-żmien tal-Milied ikun żmien ta’ ferħ għal kulħadd, anki persuni ta’ reliġjonijiet u kulturi oħra.
F’Malta s-siġra hi l-iktar popolari fost iż-żgħażagħ tant li 97 fil-mija ta’ dawk bejn it-18-il sena u l-34 jarmaw is-siġra tal-Milied.
Madankollu t-tradizzjoni tal-presepju għadha b’saħħitha anki fost iż-żgħażagħ tant li 79 fil-mija jarmaw ukoll il-presepju.
Anki fost dawk li għandhom iktar minn 55 sena s-siġra tal-Milied tirbaħ fuq il-presepju. Fost dawn 65 fil-mija biss jarmaw il-presepju, waqt li 77 fil-mija jarmaw is-siġra tal-Milied.
Il-parti l-kbira tal-Maltin jgħożżu kemm il-presepju u kemm is-siġra tal-Milied tant li 68 fil-mija jżejnu djarhom kemm bil-presepju kif ukoll bis-siġra tal-Milied.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt