24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Il-breathalyser tat-triq mhux prova għall-Qorti

Franica Pulis

Fi żmien il-festi jiżdied il-konsum ta’ l-alkoħol bil-perikli li jista’ jġib miegħu għal min isuq wara li jkun xorob. Iżda għal min jemmen li t-test tal-breathalyser jista’ jservi ta’ deterrent ma tantx hu l-każ.
Il-breathalyser li jsir mill-Pulizija fit-triq prattikament isir għalxejn għax f’għajnejn il-Qorti dak it-test mhux prova biżżejjed.
L-Assistant Kummissarju Josie Brincat qal li dawn it-tests “mhumiex prova biżżejjed għall-Qrati” u jsiru biss biex l-Pulizija tieħu indikazzjoni jekk is-sewwieq huwiex xurban jew le.
Jekk it-test tan-nifs jimmarka 35 mikrogramma jew aktar ta’ alkoħol il-persuna tittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Furjana biex isirilha t-test proprju tan-nifs hemmhekk. Saħaq ukoll li l-Pulizija ma tistax twaqqaf kull karozza li ħierġa minn Paceville, Qawra jew Wied il-Għajn biex jiċċekkjaw jekk is-sewwieq huwiex fis-stat li jsuq għax inkella jkunu qed jiddiskriminaw lil dak li jkun.
Il-pulizija tista’ twaqqaf sewwieq biss jekk ikollha suspett li hu xurban bħal jekk jarawh iserrep jew jaqbeż id-dawl meta jkun fuq l-aħmar jew ikun qed isuq b’veloċità għolja.
“Għall-istess raġuni jien ma nistax immur inwaqqaf lil kulmin ħiereġ minn tieġ.”
Jekk forsi qed tistaqsi f’kemm units ta’ alkoħol jissarrfu 35 mikrogramma aqta’ jiesek għax dawn ivarjaw minn persuna għall-oħra skond il-metaboliżmu, piż, tul, età u sess.
Dr Mario Spiteri mid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa sostna li n-nisa jiskru aktar malajr mill-irġiel minħabba li f’ġisimhom għandhom inqas ilma. Il-ġisem ta’ mara magħmul minn 55 fil-mija ilma filwaqt li raġel għandu 60 fil-mija ilma. Dan iwassal biex l-alkoħol ikollu iktar impatt fuq il-mara.
Rigward għandux ikun hemm xi ħadd responsabbli li jivverifika jekk fl-open bars jew il-parties li jsiru f’dawn iż-żminijiet ix-xorb li jinbiegħ ikunx ta’ kwalità tajba, Spiteri wieġeb li hu dritt tal-konsumatur li jieħu ta’ dak li qed iħallas.
Il-Pulizija jew l-ispetturi tas-Saħħa jidħlu biss fl-azzjoni jekk ikun hemm xi rapport ta’ xorb imħallat bl-ilma jew sustanzi oħra.
Fuq nota pjuttost pożittiva jidher li l-Maltin jixorbu anqas alkoħol minn pajjiżi oħra Ewropej. Skond Joe Farrugia ta’ The Sense Group, li hi għaqda ffurmata mill-importaturi u produtturi ta’ xorb alkoħoliku u li tippromwovi għarfien dwar xorb bil-qies, hu kkalkulat li f’Malta persuna tixrob mal-5.5 litri ta’ alkoħol fis-sena. Irlandiż jixrob 13-il litru u Ingliż 8 litri. Dawn iċ-ċifri nħadmu fuq ir-rata ta’ l-ammont ta’ xorb li l-importaturi u produtturi jbigħu lill-ħwienet imqabbel mal-popolazzjoni.
Minkejja r-rata baxxa Farrugia jsostni li għad hawn numru kbir ta’ żgħażagħ li jkollhom binge drinking.
F’dawn il-festi jiżdied ukoll il-bejgħ ta’ spirti bħal whisky u vodka biex ipatti għall-kesħa li ġeneralment taħkem f’dawn iż-żminijiet.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt