Xi minn daqqiet fil-ħajja jiġru affarijiet għal għarrieda li jxellfu l-ħajja normali ta’ individwu. Bħal sajjetta fil-bnazzi 10 snin ilu Edmond Cefai, missier ta’ żewġt itfal, dak iż-żmien ta’ erba’ snin u ta’ 11, intebaħ li ħajtu kienet fil-periklu. Beda jħoss rasu tuġgħu. Ħa pilloli ta’ l-uġigħ ta’ ras u bħalma nagħmlu ħafna mill-Maltin Edmond ma tax kas wisq. L-uġigħ baqa’ jippersisti u jiem wara beda jħoss bard qawwi. Fl-aħħar ir-raġel ra tabib li ċċertifikah li kellu problemi f’kilwa minnhom. Huwa jistqarr li “kienet iebsa.”
“Ma tkunx taf minn x’hiex se tgħaddi. Ħsibt li se mmut u li ma kienx fadalli wisq ħajja,” Edmond jgħid.
Jispjega kif beda jieħu l-kura għal din il-kundizzjoni imma kilwa minnhom ċediet kompletament tliet snin biss wara. “Kont konfuż. Inkwetajt għall-familja tiegħi. Psikoloġikament ħadt daqqa kbira,” ikompli r-raġel.
It-tbatija kienet kbira. Tliet darbiet fil-ġimgħa, bħal pazjenti oħra, Edmond kellu jmur l-Isptar San Luqa biex jagħmel il-makna tad-dialysis. Kull sessjoni kienet iddum erba’ sigħat. Xogħol dan l-apparat hu li jagħmel dak kollu li suppost tagħmel il-kilwa: inaddaf id-demm minn kull sustanza ħażina.
L-ewwel dialysis għamilha fis-7 ta’ Jannar 2000. Kważi sitt snin sħaħ ta’ kura.
Jirrakkuntali kif dan il-perjodu xejn ma kien faċli la għalih u lanqas għall-familja tiegħu. Kellu jaqta’ ħafna mill-attivitajiet. Ta’ sikwit il-kura kienet tgħajjih u ma kienx ikun fi stat li jiltaqa’ ma’ nies.
“Il-familja batiet miegħi għax rari konna nkunu nistgħu nippjanaw biex noħorġu,” qalli Edmond.
Jispjega kif min iħaddmu tah appoġġ kbir ukoll. “Naħdem Farsons. Sa biddluli x-xogħol u ħallewni bl-istess paga biex ma nbatix. Għadhom sa llum jgħinuni. Kull filgħodu
l-management jiġi għalija d-dar u jwassalni lura għax ma nistax insuq. Anke mill-GWU sibt appoġġ kbir. Ili 35 sena nvolut fit-trejdjunonizmu u nokkupa l-kariga ta’ President fit-Taqsima Kimika, Enerġija u Stampar. L-appoġġ li sibt kien enormi.”
Iżda Settembru ta’ din is-sena ġab numru ta’ sfidi f’ħajjet Edmond. Jum fost l-oħrajn ir-raġel inqalgħulu numru ta’ kumplikazzjonijiet mediċi oħra tant li spiċċa bi trombożi li waqqfitlu idu.
Kien fl-istess xahar li waslet sorpriża. “Ġie Tony Bugeja, Ko-Ordinatur tat-Trapjanti fl-Isptar San Luqa. Qalli li kont se ningħata kilwa. Tant inħsadt li għall-ewwel ma kontx naf x’se nagħmel,” jistqarr ir-raġel.
“Kont diġà rrifjutajt kilwa li riedet tagħtini marti. Dak iż-żmien m’aċċettajtx minħabba l-fatt li ħafna jgħidu li din il-kundizzjoni hija ereditarja. Jien għandi tifel u tifla u jekk ikollhom bżonn kilwa nippreferi li l-mara tagħti l-kilwa lilhom.”
Tliet xhur wara li għamel it-trapjant Edmond għadu emozzjonat. F’ħin minnhom
għajnejh ileqqu fid-dmugħ u jgħidli: “Alla tani ħajja oħra. Naħseb li kieku ma tawnix dan l-organu kieku llum mhux qed tintervistani. Dejjem kont ngħid li kull ġurnata kienet bonus għalija imma dan l-aħħar kienet rebħa kbira fuq ħajti. Bidla enormi.”
Jitkellem b’imħabba kbira fil-konfront tal-persuna li tagħtu l-kilwa u b’rispett ikbar lejn il-qraba ta’ din il-mara li taw il-permess biex l-organi jingħataw lil ħaddieħor. Il-kilwa kienet ta’ Rita Calleja minn Ħal Luqa li kienet mill-Gudja. Il-mara mietet bla mistenni wara li nqatgħatilha vina minn rasha.
“Kuljum nitlob għal Rita. Huwa rigal kbir li tatni. B’din l-intervista ngħid grazzi pubblikament lill-familja kollha tagħha. Jien nixtieq ħafna niltaqa’ magħhom. Nifhem li hija trawma għalihom. Meta jkunu lesti li nagħmlu dan lest li niftehmu u anke nistedinhom jiġu d-dar tiegħi.”
L-akbar xewqa li għandu Edmond Cefai?
“Nixtieq li f’Malta tibda kampanja ta’ għarfien simili għall-kampanja ta’ suċċess dwar is-sigarretti li għamel Dr Mario Spiteri mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. It-tfal iridu jitrawmu sa minn ċkunithom b’taħditiet fl-iskejjel. Jeħtieġ li jkunu konxji dwar kemm jistgħu jagħmlu ġid jekk jimlew id-Donors Card flimkien mal-familja. ”
Għada l-Milied u f’dinja mimlija konsumiżmu r-rigali u l-affarijiet materjali ma jonqsux. Huma forsi ċirkustanzi bħal dawn li jġiegħluk tapprezza aktar is-sens veru tal-ħajja. Edmond huwa konvint aktar minn qatt qabel li “ Li tagħti organu lil xi ħadd huwa l-ikbar rigal li tista’ tagħti.”
Fl-2006 ingħataw 42 organu
Fl-2006 ingħataw mill-anqas 42 organu minn Maltin. Il-każijiet kollha ħlief tlieta kienu pazjenti li mietu u li l-qraba tagħhom taw permess li l-organi tal-vittma jingħataw bħala rigal lil ħaddiehor. It-tliet każijiet l-oħra kienu ta’ persuni ħajjin li offrew organu biex jgħinu lill-qraba tagħhom li kienu fi problema.
Ħarsa lejn l-istatistika jirriżulta li matul dawn l-aħħar 12-il xahar l-akbar ammont ta’ organi mogħtija kienu l-kliewi. B’kollox ingħataw 17-il kilwa. Ingħataw ukoll 14-il kornea (qoxra tal-għajn), tmien fwied u tlett iqlub.
F’kumment lil din il-gazzetta Tony Bugeja, Ko-Ordinatur tat-Trapjanti fl-Isptar San Luqa, ikkonferma li fost il-pazjenti li gawdew minn dan il-ġest sabiħ kien hemm madwar 15-il pazjent barrani. Dan għaliex f’Malta jsiru biss trapjanti tal-qalb u tal-kliewi. Il-kumplament tat-trapjanti, fosthom tal-korneas u tal-fwied, isiru barra minn Malta.
Ta’ sikwit ikun hemm min isaqsi kif jitmexxa l-proċess ta’ donazzjoni ta’ organi. Dejjem jistgħu jingħataw organi lil ħaddieħor?
Jekk bniedem imut mad-daqqa f’inċident tat-traffiku ma jista’ jintuża l-ebda organu minn tiegħu. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, tista’ tittieħed il-kornea tal-għajn. Bi trapjanti bħal dawn, kull sena madwar id-dinja, ikun hemm eluf ta’ persuni li jsalvaw il-vista t’għajnejhom.
L-organi jkunu jistgħu jingħataw lil ħaddieħor f’dawk il-każijiet kollha fejn il-qalb tkun għadha tħabbat. Dan japplika wkoll f’inċidenti koroh tat-traffiku fejn bid-daqqa l-vittma ma tmutx fuq il-post imma minkejja l-interventi mediċi l-moħħ ta’ individwu jibqa’ mejjet (brain death) u ma jkun hemm l-ebda tama li jsalva. F’dan il-każ fejn persuna tinżamm ‘ħajja fuq makna’ l-qalb tibqa’ tħabbat u b’hekk l-organi jkunu għadhom fi stat tajjeb biex jingħataw lil ħaddieħor.
Normalment il-qalb u l-pulmun jispiċċaw f’qasir żmien jekk ma jkollhomx biżżejjed ossiġnu. Il-ventilatur jgħin biex wara l-mewt id-demm u l-ossiġnu jkomplu jiċċirkulaw.
Persuna li għadha ħajja tista’ wkoll tkun donatur. Matul l-2006 kien hemm tliet Maltin (ħajjin) li taw kilwa lil persuni oħra.
Għoti ta’ qalb, kliewi u fwied jistgħu mhux biss isalvaw ħajja oħra ta’ bniedem iżda wkoll jagħmel il-ħajja ta’ ħafna pazjenti u l-familji tagħhom aktar faċli. Tixhed dan kollu l-istorja ta’ Edmond Cefai.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt