24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Fl-atletika ċ-ċavetta ta’ kollox huwa l-moħħ - Xandru Grech

Ħsibt fuq li ħsibt biex insib persuna sportiva imma li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi tkun kapaċi titkellem fuq ħafna aktar milli sports biex dak li jkun qed jaqra din l-intervista jsibha pjaċevoli.
Minn dawn sibt ħafna. Il-problema kienet waħda, illi maż-żewġ okkażżjonijiet li kelli f’moħħi, ridt persuna li jħobbha u għandu rispett kbir lejha kulħadd. B’dawn il-karatteristiċi pożittivi kollha ftit li xejn hawn, imma bla dubju ta’ xejn Xandru Grech huwa wieħed mill-ftit.
Niftiehem miegħu għat-Tlieta filgħodu. Sibniha l-ġurnata…bdiet b’xemx tiżreġ imma f’daqqa waħda nfetħu bibien is-sema. Għal xi siegħa x-xita niżlet bil-bramel tant li waqqfet pajjiż. U waqqfet ukoll il-karozza ta’ Xandru għax ittardja ftit mill-ħin li konna miftehmin fih. Nidħol fl-uffiċċju u nsibu jaħsel idejh.
“Spiċċajt nimbotta dalgħodu”, kienu l-ewwel tliet kelmiet li qalli. Miegħi kien hemm il-fotografu. Kont ċert li ra l-Kamera. Beda jgħolli l-kmiem tal-qmis u l-ġlekk biex almenu ma jidhirx imxarrab bħall-fellus. B’idejh jgħolli xagħru `l fuq u jitfgħu lura. Basar li kienet ġejja xi sessjoni ta’ ritratti. Xagħru ntelaq u reġa’ lura bħalma kien qabel. Żgur li ma kont nemmnu qatt li qalli li hu stilista!!
“Niftakrek miegħi De La Salle lilek.” Nagħmillu sinjal li għandu memorja tajba filwaqt li nfakkru li għadu ma talabnix skuża ta’ meta xi 15-il sena ilu waddab ġebla bl-addoċċ u laqatni f’rasi.
“Niftakar każ ta’ dan ix-xorta imma ma nafx li kont int. Niftakar li kien fil-brejk ta’ nofsinhar.” Ftakar kollox minbarra lill-iżvinturat!
Inpoġġi bil-qiegħda quddiemu u nistaqsih min hu eżattament Xandru Grech.
“Xandru Grech huwa bniedem kumpless u b’ħafna karattri differenti. Nimxi dejjem skond is-sitwazzjoni u skond ma jkun qed jolqotni f’ħajti. Bniedem analitiku ż-żejjed u fuq l-inqas ħaġa għandi mnejn nkisser moħħi biex nipprova nifhimha.
Jien bniedem li napprezza l-ħajja għax naf li hi qasira wisq u nħobb nieħu pjaċir l-aktar mal-familja u mal-ħbieb. Però waħda mill-problemi li għandi hi li ma tantx inħobb niftaħ qalbi fi problemi li jolqtuni fil-ħajja. Inżomm ħafna ġo fiha. Huwa ħażin għax taf tiġi ġurnata fejn taqa’ down u dak li tkun ilek iżomm ġo fik joħroġ kollu f’daqqa. Imma ma nħobbx in-nies jgħidu ‘miskin Xandru’. Problema li bil-mod qed nitgħallem insolviha waħdi.”
Xandru Grech twieled fil-11 ta’ Ottubru 1974 taħt l-istilla ta’ Libra u llum joqgħod il-Mellieħa. Għall-informazzjoni ta’ dawk interessati ngħidlhom li huwa single. Iben Maria u Louis, il-Membru Parlamentari Ewropew. Għandu żewġ ħutu bniet, Maria u Francesca b’din ta’ l-aħħar tagħmlu neputi ta’ Luke li għandu 6 xhur.
“Ħajti nbiddlet xi ftit minn ftit xhur `l hawn. Qed naħdem fil-proprjetà ma’ Bernards Real Estate. Kull ċans li jkolli għadni nitħarreġ waħdi. Filgħaxija mmur nikkowċja t-tfal. Dan l-aħħar sirt naraha bi kbira noħroġ mal-ħbieb għax nibża’ li nkun ta’ sikkatura li nċemplilhom biex nara fejn ikunu sejrin. Qbadt noħroġ waħdi, mbagħad niltaqa’ ma’ min ikun. Lil xi ħadd nafu dejjem insib. Jekk ma jkollix aptit, nintefa’ d-dar waħdi nsajjar u nara DVD.”
Ilu żmien twil fl-isport u sar popolari grazzi għar-rekords fl-atletika li kien irnexxielu jakkwista. Ilu 13-il sena bir-rekord lokali f’idu tat-800 metru u l-1500 metru.
“L-isport minn dejjem kien ġo fiha. Għalija l-atletika hi l-isbaħ sport fid-dinja. Qabel kont nilgħab il-waterpolo, il-futbol u anke l-volleyball. Naħseb li fl-atletika kelli don partikolari għax minn meta tkun żgħir tibda tinduna li tkun aqwa mill-kumplament.
“Fi sport fejn ikun hemm tim, aktar faċli li ssir il-korruzzjoni għax faċilmet wieħed jista’ jgħid li ġiet logħba partikolari u ma jridx jilgħab tajjeb. Sfortunatament fejn hemm l-isport ta’ tim, hemm dinja sħiħa ta’ flejjes kbar.
“Fl-atletika dan m’huwiex daqshekk u nispera li jibqa’ hekk. L-unika mod kif tista’ tqarraq fl-atletika huwa biex tmur aħjar u tirbaħ b’sustanzi pprojibiti. Fi sport ieħor tqarraq billi titlef u tieħu l-flus.
“Kelli diversi esperjenzi sbieħ fl-atletika. Ma nistax ma nsemmix ħabib kbir tiegħi bħal Matthew Micallef St. John li illum m’għadux magħna. Kien miet mewta traġika. Kien l-idolu tiegħi għax ir-rekord tat-800 metru kien għandu. Kont ħadtulu jien u ma ninsa qatt il-mument tiegħi mal-ġenituri tiegħu nitgħannqu hekk kif spiċċajt it-tiġrija. Kienu kuntenti għax jekk kellu jkun hemm xi ħadd li jikser dan ir-rekord ta’ binhom, kont proprju jien. Infatti, meta tawni l-Matthew Micallef St. John Trophy kien mument ieħor li ma ninsa qatt.
“Ma ninsa qatt lanqas il-midalja li kont irbaħt fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar hawn Malta. Kien mument ieħor maġiku li esperjenzajt fejn rajt b’għajneja l-pubbliku Malti jgħajjat u jwerżaq. Dak il-ħin bkejt.
“Imma naħseb li l-aktar waħda sinifikanti kienet il-midalja li rbaħt f’Leichestein fl-1999. Kien mument diffiċli ħafna f’ħajti imma ndunajt li jekk fil-ħajja temmen fik innifsek, tasal fejn trid.”
Il-karriera ta’ atleta ntemmet għalih. Imma Xandru jammetti li ħajtu vojta wisq mingħajr dan l-isport. Iddeċieda li dak li tgħallem jgħaddih lil min hu iżgħar minnu.
“Bħalissa għandi l-liċenzja ta’ level 2 fitness instructor premier. Kont mort il-Kenja biex għamilt il-kors u ġejt l-ewwel. Kowċ tfisser ix-xjenza ta’ kif tistudja l-moħħ u l-fiżika tal-bniedem. Trid dejjem tiffoka u tagħmel mira ta’ żmien biex atleta twasslu sal-massimu tiegħu. Narah bħala esperiment sabiħ ħafna għax jekk jiġu r-riżultati li tkun ipproġettajt, tħoss sodisfazzjoni kbir. Imma atleta jasal bil-kapaċità tiegħu. Il-kowċ juri biss l-aħjar triq biex joħroġ l-aħjar ta’ l-atleta. Jien nixtieq li nkun il-kowċ ta’ atleta li jiksirli r-rekords tiegħi. Jien nemmen li l-moħħ ta’ l-atleti sfortunatament jintesa mill-kowċis, u f’atleta huwa l-moħħ iċ-ċavetta ta’ kollox. Jien irbaħt ħafna tlielaq fil-karriera tiegħi minħabba moħħi u mhux ġismi.
“Meta kelli 18-il sena kien ġie kowċ mill-aqwa minn Franza. Kien ex World Indoor 800 metre Champion. Dak iż-żmien kont intellaq ma’ Clinton Fenech u Tony Sammut. Ma ninsa qatt li lili kien qalli li f’tellieqa partikolari kont se niġi warajhom għax mill-istudji tiegħu waqt it-taħriġ kien qara hekk. Ġejna għat-tlielaq u mhux talli għaddejthom, talli dik is-sena ksirt ir-rekords kollha possibbli b’xi sitt sekondi. It-teorija tiegħu forsi kienet tajba imma li kieku jien emmintu kien jaqtagħli qalbi.”
Kont smajt li Xandru se jimxi wkoll fuq il-passi ta’ missieru ta’ politiku. Insib il-kuraġġ nistaqsih jekk dan hux minnu.
“Fil-politika diġà hawn missieri. F’dan il-pajjiż il-politika tinteressa lil kulħadd. Dan pajjiż li jitmexxa mill-politiċi. Imma jien żgur li m’għandix dan il-ħsieb almenu għalissa. Il-karattru tiegħi differenti minn ta’ missieri. Biex tidħol fil-politika trid tkun bniedem kapaċissimu u jien għadni ma nafx jekk għandix dan id-don bħal missieri.
“Jien naqbel ma’ ħafna nies għax bniedem hekk minni. Naf naċċetta lil kulħadd kif inhu. Ħafna mill-politikanti jiġu jiħdulek b’idejk għall-vot biss u xejn aktar. Ma tarahomx għal ħames snin, imbagħad jiġi jkellmek kif tkun riesqa elezzjoni. Ma rridx niġi nterpretat li qed inkellem lil xi ħadd għall-vot. Ovvja li sa 10 snin oħra ħadd ma jaf x’se jiġri. Ċertament inkun onorat ħafna jekk nintalab mill-partit biex noħrog.”
Ma staqsejtux u ma qallix ma’ liema partit kien lest li joħroġ jekk jagħmel dan il-ħsieb. Nista’ biss nobsor…
“Jien sfortunatament il-privatezza ta’ ħajti armejtha minn età żgħira. Issa nixtieq ingawdi ftit lili nnifsi u noħroġ xi ftit mix-xena tal-popolarità. Malta nħobbha u ngħina kemm nista’. Immur nivvota dejjem f’kull elezzjoni u dak hu l-aktar ħaġa importanti. Imma onestament ma naħsibx li nkun kapaċi. M’jienix dixxiplinat biżżejjed. Żgur li kieku l-avversarji jkollhom ħafna fuq xiex jaqbdu miegħi. Ma rridx inkun mira ta’ nies b’ilsienhom ħażin.”
Nidħku t-tnejn f’daqqa u bqajt nippersisti liema ministeru jkun jogħġbu l-aktar.
“Jekk il-kap jagħtini l-Ministeru tan-Nisa naċċetta żgur”.
Ir-relazzjoni ma’ missieru Louis hija qawwija ħafna u milli jidher Xandru għadu jgawdih ħafna minkejja li d-dar tiegħu saret aktar Brussell.
“Għandi relazzjoni mill-aqwa ma’ missieri. Jien u missieri ħbieb kbar u nibqgħu ħbieb kbar sal-mewt. Nammirah u nħobbu ħafna. Huwa bniedem kapaċissimu. Jekk jidħol għal suġġett, għid li jafu eżatt. Dawn l-aħħar ħames rapporti li għamel fi Brussell għaddew hands down. Il-Parlamentari Ewropej ivvutaw kollha favurih. Missieri qatt m’għamel politika qabel u kien bniedem li jafu kulħadd mix-xena ekonomika.
“Ma tantx kont fiduċjuż li seta’ jiġi elett. Imma kienet konferma kemm missieri hu maħbub mill-poplu Malti kollu.”
Jintefaħ xi ftit u jerġa’ jdawwar xagħru għal wara. Wara ftit sekondi xagħru reġa’ koppi. Kien tilef l-istil bl-ilma li ħa ġo fih. Inkompli nonfħu u nsaqsih jekk iqisx ruħu bħala sex symbol.
“Ipoġġuni żgur bħala sex symbol. Mhux l-ewwel darba li daħħluni f’xi programmi tat-televiżjoni jew jagħmlu xi kompetizzjoni fuqi fil-gazzetti. Nidher tajjeb minħabba l-isport. It-taħriġ iżommni fil-forma. Imma jien personalment ma nħossnix sex symbol. Meta noħroġ nagħmel bħal kull persuna oħra. Nilbes bl-aħjar mod possibbli u ġieli ġbidt lejja xi nies bħalma jagħmel kulħadd. Dawn affarijiet normali. Kulħadd joħroġ bi skop u kulħadd jgħix bi skop.”
Nerġgħu ndawru d-diskors fuq l-atletika u nitolbu l-opinjoni tiegħu fuq iż-żewġ atleti tas-sena 2006, Darren Gilford u Charlene Attard.
“Tista’ tgħid li Darren Gilford u Charlene Attard kibru miegħi u niftakarhom żgħar ħafna. Darren bniedem riservat, kwiet, dedikat u ambizzjuż ħafna. Jaf fejn irid jasal u biex tkun sprinter tajjeb hekk trid tkun. Għandu ġenetika tajba ħafna u mentalment eċċezzjonali. “Charlene hija bniedma ta’ talent kbir. Niddubita qattx kellna oħra f’dal-pajjiż li ħarġet bit-talent tagħha.
“Darren huwa klassiku għall-100 metru u daqshekk. Charlene ma tirbaħx biss fil-100 metru u 200 metru imma għandha talent kbir fl-400 metru wkoll. Il-ħinijiet jitkellmu waħedhom u nemmen li għandha potenzjal kbir għat-800 metru wkoll. It-tnejn huma winners kbar. Charlene ma taqta’ qalbha qatt u tibqa’ ġejja sa l-aħħar tat-tiġrija.
“Fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li għaddew f’Andorra kont ċert li se tirbaħ midalja. Sa l-aħħar 10 metri ma kinitx fiż-żona tal-midalji imma nkredibbilment xorta rnexxielha ddaħħal rasha x’imkien. It-tnejn dħulin u jagħtu immaġini tajba ħafna kulmeta jiġru bil-flokk tat-tim Nazzjonali. Int tafha aktar minni għax ħuha imma żgur li fl-atletika ma tafhiex daqsi. Imissek tistħi ma tiġiex tara ttellaq għax hija atleta li tagħti ħafna emozzjonijiet.”
Ħasadni għax qatt ma bsart li kien se jikkritikani għax rari segwejt lil oħti ttellaq. Forsi Xandru ma jafx kemm f’ħajti jien bniedem impenjat. Ikompli…
“Kellha injury u marret ftit lura imma turik kemm hija mwielda b’dan id-don meta tara li reġgħet ġiet aħjar milli kienet u rebħet il-midalji kollha possibbli fi żmien qasir. Ta’ min tibda tiġi taraha ftit. Charlene għandha rivali oħra bħal Diane Borg li hija tajba ħafna. Iżda Charlene rebħet ħafna aktar u ma ninsa qatt meta fil-World Indoor, fi tlett ijiem għamlet xi erba’ jew ħames rekords Nazzjonali wara xulxin. Bla dubju min jagħżel li jirbaħ dawn l-unuri huma nies li jifhmu fl-isport u jdumu jikkunsidraw ħafna min verament ħaqqu jirbaħ. Jgħid x’jgħid kulħadd, Darren Gilford u Charlene Attard huma l-aqwa żewġ atleti li għandha Malta.”
Kulħadd isemmi d-doping fl-atletika. Imma f’Malta dan il-fenomenu ikrah jeżisti wkoll?
“Żgur li jeżistu l-preferenzi. Jien konvint li l-uniku differenza bejn Ben Johnson u Carl Lewis hija li wieħed kien Kanadiż u nqabad bid-doping u l-ieħor għax Amerikan ma nqabadx.
“Fl-atletika Maltija ma naħsibx li d-doping jeżisti. Hawn Malta li jista’ jkun hawn hu żieda ta’ proteini u xejn aktar. Jien bniedem li l-isport dejjem żammni saqajja ma’ l-art u dejjem begħidni mill-vizzjijiet il-ħżiena bħad-drogi. Għal ħafna żgħażagħ l-isport importanti għax jagħtu kas ġisimhom.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt