24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Antonella Galea Loffreda mil-lenti ta’ żewġha Joseph

Antonella Galea Loffreda bħalissa qed taħdem fis-sensiela Pupi, fil-parti ta’ Ġina. Rajnieha qabel ukoll f’Baħar Wieħed, f’Anġli u f’Kaktus.
Joseph Galea, ir-raġel ta’ Antonella. Impjegat bħala cargo coordinator. Bħalissa qed jaħdem ukoll f’Pupi. M’ilux kien qed jidher ukoll f’Santa Monika, f’Baħar Wieħed u anki kien ħa sehem f’Fenomeni.
Għandhom tifla Martina ta’ sena u nofs.

Kif iltqajtu?
Aħna t-tnejn minn Bormla. Konna nafu ‘l xulxin ta’ 13-il sena imma mbagħad ma bqajniex nitkellmu. Ħija kellu u għad għandu s’issa kumpanija tat-teatru lokali li minn dejjem kienu jtellgħu xi reċti żgħar. U Antonella bdiet tiġi hemmhekk. Kienet l-ewwel darba li ħadet interess fit-teatru. Jien imma minn dejjem kont interessat.

Min minnkom hu l-iktar rasu iebsa u jdum ma jċedi?
Antonella. Jien bniedem tolleranti ħafna. Hi l-iktar waħda li tieħu għaliha malajr. Jien indum aktar nissaporti imma mbagħad bħala supervja jien l-iktar li ndum ma nċedi ladarba nkun ħadt deċiżjoni. Antonella jgħaddilha iktar malajr.

X’inhi l-iktar ħaġa romantika li għamlet għalik? U li għamilt għaliha?
Bħala romantiċiżmu jien l-iktar minna t-tnejn. Hemm wisq. Xi ħaġa li sirna nippreferu hi li nħallu t-tifla ma’ xi ħadd u nippreparaw ikla tajba. Lanqas ristorant ma mmorru. Nipprepara xi ħaġa jien.

Aħjar jew agħar li t-tnejn qegħdin taħdmu fid-drama?
Aħjar u agħar. Aħjar għax nifhmu ’l xulxin bħala ħinijiet u l-impenn li tagħti imma mbagħad problema minħabba l-ħin. Anki minħabba t-tifla. Illum rehearsal hi u għada jiena. Infatti issa naqqasna ħafna xogħol. Tispiċċa tagħżel l-aktar li se jtik sodisfazzjon.

X’inhu l-iktar karattru favorit li ħadmet għal qalbha?
Televixin naħseb li għandha bħalissa ta’ Ġina f’Pupi u teatru kellha l-monologu ta’ Trevor Zahra, L-Anġlu l-Abjad minn Provenz. Kien sar fl-2001 fl-għeluq it-30 sena minn xogħol Trevor.

Tippreferi li taħdmu flimkien fuq palk jew televiżjoni jew aħjar meta tkunu weħidkom?
Meta x-xogħol ikun tajjeb dejjem tieħu gost. Nieħdu li nkunu fl-istess produzzjoni. Anki li jkollna l-istess grupp ta’ ħbieb, li nkunu nistgħu nikkritikaw lil xulxin u niddiskutu l-istess suġġett. Idealment però ma naħdmux bħala koppja. Niddejqu meta jiġri hekk. Ġieli kellna xi drabi hekk u aċċettajna imma nippreferu li ma nkunux flimkien. Il-karattri li għandna bħalissa f’Pupi per eżempju, għandhom relazzjoni ħelwa anki jekk mhumiex flimkien.

Hemm xi xewqa li għadha ma qatgħetx?
Li nemigraw. Dejjem kienet xewqa li nippruvawha. Barra għandek dik il-libertà li taqbad karozza u tmur kullimkien. Imbagħad, fil-qasam tat-teatru jew għallinqas fit-televixin, għax fit-teatru impossibli f’Malta, li tkun qed taħdem fuqu full-time.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt