24 ta' Diċembru 2006
Il-Milied minn għajnejn Trevor
Karl Stagno-Navarra jintervista lil Trevor Zahra
Il-Milied hu festa ta’ l-imħabba, festa tal-familja miġbura. Biswit il-presepju u s-siġra mimlija lwien bi dwal iteptpu, il-festa tal-Milied tfisser għaqda, paċi u solidarjetà.
Iżda l-festa tal-Milied għandha wkoll wiċċ ieħor, għaliex kapaċi tnissel
is-solitudni u d-dieqa fost wħud li għal diversi raġunijiet ma jistgħux igawdu din il-festa bl-istess mod bħall-bqija. Is-sigriet biex minkejja kollox wieħed jibqa’ jgħożż is-sbuħija tal-Milied hu li wieħed jaċċetta r-realtà tal-ħajja u jkollu l-kuraġġ li jinbidel maċ-ċirkostanza.
Fi kliem l-awtur popolari Trevor Zahra, li dwar il-Milied sawwar diversi xogħlijiet, fosthom ‘Ħolm tal-Milied’ li għadu jintuża fl-iskejjel sekondarji,
“il-Milied hi l-festa ta’ l-imħabba, il-ġabra u l-għożża lejn dak kollu li għandek madwarek.”
Missier ta’ żewġ adulti u llum nannu ta’ tlieta li għalaq 59 sena, fis-16 ta’ Diċembru li għadda, Trevor Zahra ma jinħebiex mir-realtà li l-Milied għalih inbidel 17-il sena ilu meta martu kienet għaddiet għal ħajja oħra fl-isfond ta’ swali ta’ sptar imżejna għall-festi.
“Marti mietet sagħtejn biss wara li għalaqt snini. U minn dakinhar ’il quddiem il-Milied tilef ħafna mill-importanza li kont nagħtih sakemm għaraft li l-ħajja teħtieġ tkompli u ntbaħt li fil-ħajja wieħed irid jaċċetta r-realtà li tinbidel.”
Il-parir ta’ Trevor lil kulmin b’xi mod jista’ jħossu waħdu fil-Milied hu dak li min ikun jeħtieġ irawwem fiduċja fih innifsu u jaċċetta li hemm proċess ta’ fejqan għal kulħadd.
“Jien għaddejt mid-dieqa, ħassejt it-telqa lejn dak li stajt nagħmel u ħassejt l-għira lejn min kien ferħan u miġbur fil-Milied. Minkejja kollox, aċċettajt il-bidliet li seħħew f’ħajti u mxejt ’il quddiem.”
Trevor jispjega li l-Milied hu mnaqqax fi tfulitu fejn jiftakar fil-ferħ tiegħu madwar missieru jarma l-presepju u t-tiżjin.
Fir-rumanz tiegħu ‘Ħolm tal-Milied’ Trevor jagħfas fuq it-tradizzjonijiet li jsawru l-festa tal-Milied u fl-intervista tiegħu magħna jistqarr kif il-parti l-kbira tax-xogħlijiet tiegħu jirreflettu dak li hu stess għadda minnu.
F’għajnejh nista’ nara n-nostalġija ta’ l-imgħoddi. Madankollu Trevor jispjega kif wara snin ta’ dieqa waqt il-Milied, illum jagħraf li l-Milied xorta għandu s-saħħa li jgħaqqad lill-familja tiegħu, anki bil-parteċipazzjoni tas-sieħba tiegħu.
Trevor hu marbut ma’ dak li hu tradizzjonali. Jitkellem ħafna fuq dak li l-Milied hu tradizzjonalment għall-Maltin u l-Għawdxin. Madankollu, mingħajr ma jkun daqstant kritiku tar-realtà li l-Milied sar pjuttost kummerċjali u tilef ħafna mill-ispirtu oriġinali tiegħu jistqarr li hu fatt li wieħed ma jistax jaħrab minnu.
“Ħamsin sena ilu meta kont għadni tfajjel niftakar lil min diġà kien jgħid li l-Milied qed jitlef mill-ispirtu tiegħu,” jirrakkonta Trevor u jżid kif ma jistax ikun li lkoll nemmnu li bħala poplu nibqgħu naħsbu li ma nimxux maż-żminijiet u bħall-bqija tas-soċjetà ninħatfu mir-realtajiet ġodda taż-żminijiet ta’ llum.”
Trevor jara li t-tradizzjonijiet Maltin ta’ żmien il-Milied huma aktar ħajjin f’min għandu 50 sena u fuqhom. Iżda fl-istess ħin ma jikkundannax lil min hu iżgħar, għaliex il-verità hi li b’differenza ma’ popli oħrajn, il-poplu Malti għadu jgħozz il-festa tal-Milied u għadu jħares ċerti tradizzjonijiet b’għożża.
Iżda lil hinn mill-Milied ma’ Trevor nitkellem fuq għadd ta’ oqsma oħrajn, fosthom dwar ħidmietu bħala awtur u għalliem.
Imfaħħar ħafna mill-kritiċi għax-xogħlijiet ‘Lubien’ u ‘Provenz’, Trevor hu awtur ta’ madwar 120 kitba bejn pubblikazzjonijiet għat-tfal u kitbiet għall-adulti.
Flimkien ma’ awturi oħrajn bħal Frans Sammut u Oliver Friggieri, Trevor inqata’ minn mal-parti l-kbira ta’ awturi ta’ rumanzi u għaraf idaħħal fil-kitba tiegħu dak li hu magħruf bħala l-mitkellem popolari.
Filwaqt li kisser it-tabù dwar is-sess u l-kliem vulgari f’dak li naqraw f’kull tip ta’ kitbiet oħra li wieħed jista’ jsib f’kotba bl-Ingliż madwar id-dinja, Trevor kien avventuruż iżda kien għaqli li jħares dan l-istil b’għaqal u għerf.
“Meta nikteb rumanzi u nniżżel diskors li jista’ jitqies bħala vulgari, nistqarr li nkun kawt ħafna li ma nużax dan bħala xi ħaġa komuni. Pjuttost nużaha fejn ikun hemm il-bżonn għaliex dan ikun qed jitlef mill-importanza tiegħu u s-sens irfinat tiegħu jintilef u aktar jittieħed b’ċajta milli bħala espressjoni artistika.”
Trevor jispjega li qed jaħdem ħafna biex jipproduċi ktieb li jispjega l-arti tal-kitba kreattiva li għandha tgħin lil min ikun jiżviluppa l-arti tal-kitba ta’ rumanzi.
“Nemmen li biex wieħed joħloq ġrajja f’rumanz hemm il-ħtieġa ta’ stil li jkun strutturat,” jispjega Trevor u jżid fuq kif ħafna studenti ma jifhmux kif ġrajja rakkuntata bil-miktub mhix xi ħaġa astratta iżda pjuttost hi ħaġa ħajja li timmerita attenzjoni mill-awtur biex dik il-ġrajja ħajja tkun tassew ħajja u ta’ pjaċir biex tinqara.
Trevor jispjega kif ħafna xogħlijiet tiegħu jirreflettu ġrajjiet li laqtu lilu jew li għex hu stess.
“L-istil tiegħi hu li nagħti ħajja lill-karattri kollha. Infisser il-vuċijiet u l-karattri veri tagħhom. Hi dik l-arti li semmejtlek qabel. Hi l-arti li tinvolvi lill-qarrej fl-ispirtu tal-ġrajja.”
Fuq dan m’għandi l-ebda dubju għaliex kull kitba ta’ Trevor hi donnha ġrajja li tieħu l-ħajja quddiem għajnejk. Hi spjegata u b’hekk fl-istess ħin tittanta l-immaġinazjoni tal-qarrej.
Trevor hu rivoluzzjonarju?
Ma nasalx biex infissru hekk, anzi nistqarr li minn dak li għaraft mill-ħin li qattajt miegħu waqt l-intervista Trevor hu progressiv pożittiv.
Jikkritika l-ktieb ‘Id-Denfil’ li għadu qed jintuża fl-iskejjel, u li dan l-aħħar il-Gvern reġa’ stampa minnhom.
“Dan hu ktieb li l-miġja tiegħu fl-1974 kienet pjuttost timxi fuq l-istil komunista fejn il-Gvern jikkummissjona bord li jiġbor il-kontribuzzjonijiet ta’ diversi awturi u imponih fl-iskejjel kollha,” jispjega.
Trevor qal li l-ktieb ‘Id-Denfil’, li fih ukoll xi xogħol tiegħu, hu aktar minn skadut għar-realtà tal-lum għaliex it-tfal għadhom jaqraw il-ħrafa dwar l-istennija tat-tfal libsin ilbies antik għaz-zijiet jew in-nanniet li jaslu minn barra fuq vapur.
“Nemmen li wasal iż-żmien biex nirrevedu s-sistema fejn l-iskejjel jintroduċu l-kotba tal-Malti li jidhrilhom li għandhom jedukaw0 aħjar lill-istudenti. Din teżisti għall-kotba ta’ l-Ingliż iżda l-ebda skola ma tista’ ddaħħal ktieb Malti ieħor,” jgħid.
Għaldaqstant Trevor hu ottimist li l-ġejjieni tat-tfal fejn tidħol l-edukazzjoni bil-qari bl-ilsien Malti għandu jitjieb fis-snin li ġejjin hekk kif f’pajjiżna qed jinbet mhux biss talent ġdid iżda wkoll għatx ġdid għal dak li hu Malti.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt