24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Ftehim kodard

Il-ftehim li sar dan l-aħħar bejn il-PN u l-MLP għal tibdil fis-sistema elettorali għandu l-għan li jiżgura li jekk waqt elezzjoni ġenerali żewġ partiti biss jiġu eletti fil-Parlament, is-siġġijiet miksuba mill-partiti jirriflettu bi proporzjon eżatt il-voti miksuba fl-ewwel għadd.
Mhux se nikkkummenta fuq in-nuqqas ta’ irġulija tal-PN u l-MLP u l-esponenti tagħhom. Irrid biss insemmi li minkejja li saru diversi laqgħat matul is-sena l’għaddiet u ta’ qabilha bejn il-PN, l-MLP u l-AD, issa ftehmu biex jiltaqgħu bejniethom u minn wara dahar kulħadd isawru sistema li sservi
l-interessi tagħhom biss.
Nixtieq nikkummenta minflok dwar il-mod kif għal darb’oħra, il-PN u l-MLP qed jissagrifikaw l-interess nazzjonali u d-drittijiet demokratiċi ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi fuq l-artal tal- konvenjenza partiġġjana. Fil-fatt hi gidba dak li ingħad mill-partiti l-oħra li dan il-ftehim jiżgura proporzjonalità stretta għas-sistema elettorali tal-pajjiż. Il-ftehim jiżgura proporzjonalità stretta biss lill-PN u lill-MLP u tkompli ċċaħħad din il-proporzjonalità lil ħaddieħor.
Fil-fatt it-tibdil li jiżgura proporzjonalità stretta bejn in-numru ta’ voti u siġġijiet fil-parlament jekk jitilgħu biss żewġ partiti fil-parlament, bl-ebda mod ma’ tiżġura proporzjonalità stretta bejn voti u siġġijiet fuq livell nazzjonali. Dan għax it-threshold biex partit jiġi elett fil-Parlament se tibqa’ ta’ 16 fil-mija tal-voti fuq distrett wieħed.
Ejjew nieħdu eżempju immaġinarju iżda prattiku biex naraw il-viltà ta’ dak li qed jagħmlu l-PN u l-MLP.
Partit A iġib 49%, Partit B iġib 44% u Partit Ċ iġib 7% tal-voti fuq l-ewwel għadd. Madankollu, għax ma teżistix proporzjonalità stretta fuq livell nazzjonali, partit A u partit B biss itellgħu deputati fil-Parlament permezz ta’ kwota ta’ 16% tal-voti fuq distrett. Bis-sistema li qed jipproponu, Partit A u Partit B issa se jingħataw proporzjonalità stretta bejniethom biex jiżguraw li d-distakk ta’ 5% bejniethom jiġi rifless f’distakk ta’ siġġijiet fil-Parlament, jiġifieri distakk ta’ bejn 3 jew 4 siġġijiet favur Partit A. B’dan il-mod, għal Partit A u Partit B, hemm proporzonalità stretta bejn il-voti miksuba u s-siġġijiet fil-Parlament. Din il-proporzjonalità tiżgura li d-distakk ta’ 5% fil-voti bejniethom tkun tfisser ukoll distakk ugwali fis-siġġijiet li probabilment fis-sistema ta’ qabel ma kienx jiġi rifless f’distakk adegwat ta’ siġġijiet. Madankollu, għal Partit Ċ li ġab 7% ta’ voti fuq livell nazzjonali, jew eluf kbar ta’ voti, ma teżisti l-ebda proporzjonalità stretta . Dawn il-voti mhumiex se jiġu riflessi bl-ebda mod f’siġġijiet fil-Parlament. Fil-prattika, il-5% ta’ votanti iktar li għażlu Partit A fuq Partit B jiswew 3 jew 4 siġġijiet fil-Parlament filwaqt li s-7% ta’ Partit Ċ qed jinsterqu minn rappreżentanza fil-Parlament.
Din hi l-viltà tal-ftehim kodard tal-PN u l-MLP li jgħidu li jemmnu fil-proporzjonalità stretta bejn il-voti u s-siġġijiet, imma dan it-twemmin jieqaf safejn jaqbel lilhom biss.
Intenni li dan hu att kodard u ta’ stmerrija. Kieku għandhom il-kuraġġ tal-prinċipji tagħhom, il-PN u l-MLP għandhom jiżġuraw proporzjonalità stretta għal kulħadd u mhux għalihom biss. Dan jista’ jsir faċilment jekk isir ftehim fuq kwota nazzjonali.
Apparti minn hekk il-ftehim milħuq bl-ebda mod ma jneħħi r-riskju ta’ riżultat pervers jekk jiġu eletti iktar minn żewġ partiti fil-Parlament. Anzi, ir-riskju jikber. Għax jekk il-partiti politiċi mhux se jagħtu każ il-kompożizzjoni tad-distretti hemm ir-riskju li bl-elezzjoni tat-tielet partit fil-Parlament,
l-iżbilanċ fid-distretti jista’ jġib żbilanċ fil-kompożizzjoni tas-siġġijiet mingħajr l-ebda rimedju kostituzzjonali li jista’ jirranġa xi riżultat pervers.
Għal darb’oħra il-PN u l-MLP qed jerġgħu jagħtu daqqa ta’ sieq lill-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż. Madankollu, għandi tama u fiduċja kbira fil-poplu Malti u Għawdxi li xi darba għad jinduna li fl-aħħar mill-aħħar għandu s-saħħa li jwaqqaf dawn il-bużullotti u maniġġi partiġġjana.
Il-poplu għandu s-saħħa tal-vot u għandu jkollu il-kuraġġ li jużah sabiex ineħħi darba għal dejjem il-morsa partiġġjana li tant qed tifni lil pajjiżna.
Nawgura lill-poplu kollu Milied hieni u ta’ paċi u sena ġdida mimlija kuraġġ u tama.

Stephen Cachia hu Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt