24 ta' Diċembru 2006
2007: Ħaxix u frott kemm trid
L-2007 hija s-sena elettorali. Tista’ tiġi l-elezzjoni ġenerali jew inkella nkunu fuq l-għatba għal dan l-appuntament importanti fil-kalendarju politiku ta’ pajjiżna. Se tkun sena ta’ taqbid partiġjan fejn naħa takkuża lin-naħa l-oħra: min jiftaħar bil-frott tal-ħidma li saret fis-snin li għaddew u min iħambaq kif hemm bżonn li naqtgħu u nittrimjaw il-ħaxix ħażin. Fit-12-il xahar li ġejjin se ninsew l-awgurju ta’ sena tajba u xewqat tas-sliem lil xulxin. Malta kollha prattikament tkun maqsuma fi tnejn, jekk mhux fi tlieta jew erba’ biċċiet. Il-polarizzazzjoni, il-klijenteliżmu, il-firdiet u l-intolleranza, jinbtu fil-wiċċ f’doża qawwija. Il-wegħdi jsiru galore! L-ingann jiżboq kull sens ta’ verità u oġġettività f’dak li jingħad. L-ilwien li jispikkaw ikunu l-blu, l-aħmar u l-aħdar. M’hemmx aktar taħlit ta’ kuluri li minnhom tifforma l-qawsalla. M’hemmx aktar kompromessi: jew magħna jew kontra tagħna. Kollox isir politika. Ġlieda qalila bejn min jikseb l-ikbar ammont ta’ voti biex jieħu l-poter.
Sena ġdida ta’ logħba antika. Il-logħba tad-demokrazija. B’nofs il-poplu jħossu tellief u n-nofs l-ieħor rebbieħ. Sitwazzjoni tal-biki li qatt ma twassalna biex inħossuna poplu wieħed, magħqud, matur li lest li jagħmel sforz wieħed fl-interess nazzjonali.
Bejn dak li jinkiteb fuq il-kotba tal-lezzjonijiet tas-sistema demokratika u dak li jitwettaq fil-prattika hemm baħar jaqsam.
Ironikament f’din il-logħba huma ċ-ċittadini l-protagonisti u mhux il-politiċi. Iżda huma l-istess ċittadini li jispiċċaw vittma tas-sistema jew logħba demokratika. Il-vot jixhed fiduċja fir-rappreżentant taċ-ċittadin.
Fih innifsu d-dritt tal-vot huwa poter li jittrasferixxi l-poter: imma sfortunatament sal-jum tal-votazzjoni l-ebda ċittadin ma jibqagħlu spazju għal ħsieb ħieles, għall-għażla intelliġenti; għad-dritt ta’ l-astensjoni. Moħħ iċ-ċittadin tant ikun ibbumbardjat li jibda jaħseb biss bejn l-iswed u l-abjad li jpinġulu l-partiti.
Għall-PN din hija s-sena tal-frott. F’daqqa waħda kollox se jiġi f’postu. Id-defiċit u d-dejn nazzjonali li tgħidx kemm kiddewna fis-snin li għaddew u li minħabba fihom ħafna kienu dawk li kellhom jieklu minn ġewwa, issa se jilħqu livelli aċċettabbli. Se jkunu taħt kontroll.
Se ngħaddu mill-eżami tal-Unjoni Ewropea anke jekk bi żbrixx. Ir-rata tat-tkabbir ekonomiku mistennija li tikber. Jekk din is-sena t-tkabbir kien ta’ 2.6 fil-mija s-sena d-dieħla se nirkupraw 1.5 fil-mija biex niġu fil-livell mixtieq bħall-pajjiżi l-oħra Ewropej. L-uġigħ ta’ ras li għandna xorta se jibqa’ jdur mar-rata ta’ l-inflazzjoni. Din trid titrażżan mrażżna b’ritmu mgħaġġel għax inkella anke d-dħul ta’ l-ewro jkun mhedded.
Il-piżijiet tal-prezzijiet u kontijiet ma jistgħux jibqgħu jitqalu aktar jekk irridu li l-ġid ta’ pajjiżna jinħass fil-bwiet tan-nies. Suppost l-aħħar baġit se jkompli jgħin biex Ġanni u Tereża jibqgħalhom x’jonfqu u forsi jerġgħu jibdew ifaddlu xi ħaġa imma s-‘suppost’ tagħmel differenza kbira. Nittamaw li dawk l-imbierka opportunitajiet ta’ impjiegi nibdew immissuhom b’idejna.
L-estensjonijiet tal-fabbriki, il-ftuħ tal-Call Centres, il-mega proġett ta’ SmartCity fir-Rikasli u l-isptar Mater Dei huma fost dawk li se jagħtu l-opportunitajiet ta’ impjieg! Wieħed jittama li l-prezzijiet taż-żejt ma jibqgħux jilagħbu b’mod li jerġgħu jitilgħu m’għola s-smewwiet għax jekk jiġri dan is-sena d-dieħla ma tkunx waħda eċċezzjonali!
Għal Gvern l-importanti li jinqata’ l-frott ukoll. Għall-PN l-importanti huwa min se jgawdi minn dan il-frott! Żgur li matul is-sena li ġejja dak li ma sarx f’mitt sena jsir f’minuta.
Għall-MLP tista’ tkun is-sena tal-frott. Iż-żerriegħa li ntefgħet fl-għalqa ta’ l-Oppożizzjoni għal tant snin mistennija li tħalli l-frott ma’ l-elettorat. Biex jagħmel dan l-MLP se jkollu jtambar l-iktar fuq il-ħaxix il-ħażin; is-sikrana li trid tinqered. Il-ħaxix li nibet mat-telqa, mat-traskuraġni, ma’ l-intransiġenża u l-arroganza.
Imbagħad hemm ukoll il-ħaxix l-ieħor – dak li l-Gvern u l-PN jaħbi. Il-ħaxix tal-logħob minn taħt. Tal-logħob bil-bżallu. Ta’ l-abbużi u l-iskandli. Tat-telqa u l-fraġilità fit-tmexxija tal-pajjiż. Tal-bżar fl-għajnejn. Matul is-sena li ġejja se jitla’ iktar fil-wiċċ dan it-tip ta’ ħaxix.
U iktar ma toqrob l-elezzjoni iktar nisimgħu bi stejjer tal-waħx, bi skandli ta’ barra minn hawn, b’atti korrotti u b’intiena ta’ ħaxix minn fuq s’isfel.
L-MLP jittanta jikkonvinċi lil kulħadd li la għaraf id-diżastru li ninsabu fih, li ġabu l-gvern preżenti, huwa kapaċi li jsalva s-sitwazzjoni. Għandu l-ħila li jeqred il-mikrobu, għandu l-aħjar fertilizzant u l-kura meħtieġa biex il-frott li jinqata’ fi ftit snin oħra jkun frott frisk, bnin u mhux mittiefes. Kulma se jiġri matul is-sena d-dieħla, tajjeb jew ħażin, se jkollu t-timbru ta’ l-elezzjoni ġenerali. L-għoti tal-promozzjonijiet, l-impjiegi u s-sostenn finanzjarju, kollha se jsiru biex jinkisbu l-voti.
Il-poplu jerġa’ jinfetta ruħu b’aljenazzjoni spjetata. Kollox aħmar jew kollox blu u xi ftit aħdar. Jew kollox mgħawweġ inkella kollox dritt. M’hemmx triq tan-nofs. Fuq kollox jirbaħ min jirnexxielu jxaqleb il-miżien lejn min daq il-frott jew lejn min jittama jduqu fis-snin li ġejjin. U nerġgħu għalli konna. Jinbidlu l-messaġġiera bla ma jinbidel il-messaġġ; jinbidlu l-irjus bla ma jinbidel il-ġisem. Jinbidel l-appoġġ bla ma jinbidel il-poter. Ir-rota tkompli ddur jekk hux bil-quddiem jew b’lura għad irridu naraw… l-aqwa viva Malta u l-Maltin!
L-isbaħ xewqat ta’ Milied hieni lid-direzzjoni tal-gazzetta, lill-Editur u lill-istaff tiegħu, u lilkom il-qarrejja ta’ dan il-ġurnal li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd… kif għandna nagħmlu matul is-sena 2007. Awguri!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt