24 ta' Diċembru 2006 • Nr 8

Arkivji




 

24 ta' Diċembru 2006
Traqqigħ tal-pannu

L-emendi elettorali li qed jipproponu ż-żewġ partiti ewlenin mhuma se jbiddlu xejn mill-mod ta’ kif isiru l-elezzjonijiet hawn Malta ħlief li se jserrħu ras Alfred Sant li jekk fl-elezzjoni li jmiss jiġri bħalma kien ġralu fl-1996, din id-darba jkun jista’ jiggverna b’iktar minn siġġu wieħed.
U fl-istess ħin serrħu ras in-Nazzjonalisti li Għawdex se jibqa’ distrett wieħed.
Għal darb’oħra ż-żewġ partiti ewlenin urew li fejn jidħlu l-interessi dojoq tagħhom lesti li jiftiehmu mingħajr problemi ta’ xejn. U l-laqgħat sigrieti li kien hemm tul dawn l-aħħar xhur xejn ma jnisslu kredibbiltà fis-sistema politika preżenti.
Minkejja li ż-żewġ partiti jemmnu li d-demokrazija għandha bżonn tissaħħaħ iktar, l-aġir tagħhom qajla jirrifletti dan. It-traqqigħ tas-sistema elettorali għal darb’oħra qed ixxekkel l-iżvilupp demokratiku. Xbajna naraw emendi kostituzzjonali li jraqqu l-pannu bil-qargħa ħamra. Il-kostituzzjoni spiċċat qisha ġuġù f’idejn żewġ partiti li b’mod mill-iktar opportunist biddlu s-sistema elettorali f’logħba li taqbel lilhom biss.
Donnu li l-pluraliżmu, il-liberalizzazzjoni u l-ftuħ huma tajbin biss għaċ-ċikkulata u l-kummerċ iżda mhux għall-ideat. Fl-Ewropa għadna l-uniku pajjiż b’żewġ partiti biss fil-parlament u din hi sfortuna kbira. Parlament dominat minn żewġ partiti jiftaqar mill-ideat u rari jwassal biex ikun hemm dibattitu serju fuq il-kwistjonijiet li qed jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj għax il-gvern jibqa’ għaddej qisu romblu bl-oppożizzjoni tispiċċa ssaffar l-Aida.
It-tnejn igorru minn din is-sitwazzjoni iżda meta jiġu għas-sì u n-no mhumiex lesti jiċċaqalqu. It-tnejn jafu li ladarba tinbidel il-folja min kien fl-oppożizzjoni se jkollu ċ-ċans li jagħmel li jrid.
Jeħtieġ li s-sistema elettorali tinbidel biex tagħmilha iktar faċli għal iktar minn żewġ partiti li jkunu rappreżentati fil-Parlament. Jeħtieġ li l-pluraliżmu jixxettel ukoll f’din l-ogħla istituzzjoni demokratika. Dan jista’ jsir billi r-rappreżentanza fil-Parlament tkun tirrifletti b’mod proporzjonali l-għadd tal-voti fuq l-ewwel għadd li jkun ġab il-partit. Biex tissalvagwardja l-governabbiltà imbagħad għandu jiddaħħal threshold minimu nazzjonali ta’ bejn tlieta fil-mija u ħamsa. Kull partit li jaqbeż dan l-ammont minimu ta’ voti bi dritt ikollu numru ta’ siġġijiet fil-Parlament li jirrifletti l-voti miksuba.
Sfortunatament la l-Partit Nazzjonalista u lanqas il-Partit Laburista m’għandhom il-kuraġġ li jiftħu l-bieb tal-kompetizzjoni beraħ. It-tnejn jibżgħu li d-dominju assolut tagħhom fuq is-soċjetà jintemm jekk biex jiggvernaw ikollhom jagħmlu xi koalizzjoni ma’ partiti iżgħar.
Pajjiż demokratiku u Ewropew fis-sena 2006 jixraqlu ferm aħjar minn dittatura demokratika li għandna bħalissa.

L-isbaħ rigal
Hi storja komuni dik li jirrakkuntaw persuni li jkunu rċevew xi organu tal-ġisem mingħand xi ħadd li jkun għadu kif miet: ‘Kien l-isbaħ rigal li stajt nirċievi.’
U hekk hu. Il-mewt ta’ persuna, kiefra kemm hi kiefra, tista’ twassal għat-tiġdid tal-ħajja ta’ ħaddieħor.
Din hi l-istorja li qed twasslilkom din il-gazzetta. M’hemmx isbaħ mill-ħajja u meta taf li int qed tgħix bis-saħħa ta’ ħaddieħor allura iktar jisseddaq is-sens ta’ apprezzament lejn il-proxxmu.
Din il-gazzetta tħeġġeġ lill-qarrejja biex jirreġistraw lilhom infushom bħala donaturi ta’ l-organi. Huwa att sempliċi li iżda jista’ jtaffi ħafna mill-uġigħ ta’ dawk li wara l-mewt ta’ l-għeżież tagħhom ikollhom jiddeċiedu jagħtux kunsens jew le għad-donazzjoni ta’ l-organi.
F’każ li l-mejjet ikun reġistrat bħala donatur allura l-għażla għal qrabatu tkun iktar faċli għax bil-kunsens tagħhom ikunu qed jaqtgħu xewqet il-mejjet.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt