17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
X’kien jgħid?

Milied ramli ieħor jimmarka għalija f’qiegħ l-Eġittu. In-Nazzjonalisti ta’ Malta erħilhom jitolbu apoloġiji mingħand ir-Reġina Ingliża f’isem l-internati Mizzi, Ganado u l-bella kumpanija li kienu ntbagħtu l-Uganda fi żmien il-gwerra u ma kellhomx id-diċenza jitolbu apoloġija f’ismi li kelli nqatta’ l-aħħar erbat ijiem ta’ ħajti ma’ l-iġmla u l-gibli tad-deżert u lanqas traċċa ta’ fejn jinsab l-għadam tiegħi ma teżisti.
Skond ma bagħtu jgħiduli minn Malta fior del mondo, anki l-istatwa tiegħi jridu jneħħu mill-Pjazza Kastilja biex ipoġġuha f’xi rokna ħa joqogħdu jpixxu magħħa l-klieb u l-qtates.
Mill-aħbarijiet li wasluli permezz ta’ l-internet kont sorpriż mhux ftit li bħala Arċisqof ta’ Malta nħatar patri Dumnikan sempliċi, mill-iktar dħuli u umli. Anki fi żmien li jien kont spiċċajt ħażin u kelli kontra qalbi ndabbar rasi minn Malta kien hemm il-patri Benedittin Mawru Ċaruana bħala Arċisqof. Imma dakinhar kienet għal kollox storja oħra għax l-Ingliżi ma ridux xi monsinjur jew kanonku filo-Taljan mill-Kurja imma ppreferew xi ħadd lealissimu lejhom minn kunvent tal-Benedittini fis-sabiħa Skozja.
Il-ħatra ta’ Pawlu Ċremona bħala arċisqof, patri li għandu l-vot tal-faqar li għex għal snin twal f’komunità, anki lili mliet bil-ferħ avolja ninsab daqshekk mili ’l bogħod minnkom. Mill-ewwel kelmiet tiegħu bħala isqof Patri Pawl wera kemm in-nagħġa l-mitlufa tinteressah, daqs jekk mhux iktar, min-nagħġa fil-merħla. Jien li xellift difri mal-Knisja għal kemm- il darba u sibt lil min jippersegwitani b’tant qilla bl-iskuża tar-reliġjon, ma nistax ma nirrikonoxxix il-kobor ta’ din il-Knisja li tagħraf taqra s-sinjali taż-żminijiet u, fuq l-eżempju tal-Papa li għadu kif miet, issib is-saħħa ġewwinija biex tagħżel lil xi ħadd f’din il-kariga li kapaċi jikkomunika man-nies mhux biss fl-għażla tal-kliem imma anki bl-espressjonijiet ġenwini fuq il-wiċċ.
Ikolli ngħid li anki l-partiti politiċi ta’ Malta għandhom ħafna x’jitgħallmu minn din l-għażla providenzjali li għamlet il-Knisja kemm f’Malta u anki f’Għawdex.
Qajla se timpressjona t-tbissima plastika u d-daħk sfurzat li joħroġ minn fomm Gonzi u, m’għandniex xi ngħidu, ma tħallix wisq impatt pożittiv ir-riservatezza u r-riġidità ta’ Sant.
In-nies għandhom bżonn politiċi li jkunu franki u skjetti magħhom u mhux politiċi li joqogħdu jitbissmu u jidħqu f’wiċċhom. In-nies għandhom bżonn lil min iħoss x’hemm f’qalbhom u x’għaddej minn moħħhom, lil min iħoss ġenwinament speċjalment għal dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.
Minn dan l-aspett forsi Sant, sieħbi fl-ideat u fl-ideali, huwa aktar awtentiku u ġenwin għax bħalma jgħidu l-Ingliżi ‘what you see is what you get’.
Imma, ħej, jeħtieġ li jerħi ftit, jew aħjar jintreħa u juri aktar emozzjoni u passjoni f’dak li jgħid u jagħmel. Bil-paċenzja kollha li l-ħabib tiegħi Sant juri man-nies li jistgħu jċemplulu f’daru x’ħin iridu u fuqhiex iridu, bħala wieħed mis-santipadri tal-Laburiżmu Malti, ħallini nħeġġu biex juri l-istess sens ta’ komprensjoni u empatija man-nies fl-appuntamenti pubbliċi li jkollu.
Jerħilu mill-ħafna dokumenti u pjani li ma jaqrahom ħadd. Biżżejjed itambar kemm jiflaħ fuq ftit messaġġi telegrafiċi li jeħlu f’moħħ in-nies u m’hemmx għalfejn dawk ir-riżmi kollha ta’ karti f’dokumenti li n-nies m’għandhomx il-ħin biex jaqraw.
Meta Mintoff rebaħ l-elezzjoni tal-1971 biex ħa l-Gvern li kien qaleb għat-tajjeb lil Malta ta’ taħt fuq kien tela’ bi programm elettorali li mhux żgur kien fih 15-il paġna kollox.
Jekk Alla jibgħatilna tajba, forsi dan il-Milied nieklu bukkun tajjeb b’xi ftit stuffat tal-muntun bil-weraq tar-rand u daqsxejn ħelwa tat-Tork bil-lewż inkaljat.
Il-Milied it-Tajjeb lil ħuti Maltin u Għawdxin.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt