17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Poġġuti għal dejjem

Il-qbil li ntlaħaq ftit tal-jiem ilu bejn il-partiti li jiffurmaw l-koalizzjoni tal-gvern ta’ Prodi fl-Italja dwar il-‘koppji tal-fatt’ ma kien xejn faċli meta tikkunsidra li fil-pot-pourri ta’ Prodi hemm radikali li ġejjin mill-partit ta’ Pannella, komunisti tal-minġel u l-martell ta’ Bertinotti u demokristjani bħal Rosy Bindi.
Dan il-ftehim jipprevedi li sal-31 ta’ Jannar li ġej ikun preżentat abbozz ta’ liġi dwar il-koppji tal-fatt li jirrikonoxxi d-drittijiet ta’ l-individwi li jkunu ddeċidew li jgħixu flimkien b’mod stabbli imma barra mir-rabta taż-żwieġ. Dawn id-drittijiet jikkonċernaw kull aspett differenti li għandu x’jaqsam mal-koabitazzjoni, mill-assistenza reċiproka bejn il-partijiet fil-koppja sad-deċiżjonijiet li jkollhom jittieħdu f’każ ta’ mard serju ta’ xi wieħed jew waħda minnhom, is-suċċessjoni fil-wirt, id-drittijiet għal pensjoni, il-ħlas tal-manteniment f’każ ta’ separazzjoni, it-trasferiment tal-kirja tal-post fejn joqogħdu u d-drittijiet u obbligi fejn tidħol l-edukazzjoni tat-tfal. Fi ftit kliem dak kollu li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet inter-personali f’koppja stabbli, irrispettivament ta’ l-età, ir-razza, ir-reliġjon u s-sess ta’ dawk li qed jgħixu flimkien.

Partit tal-Knisja
Dan l-iżvilupp legali fil-pajjiż ġar tagħna suppost li għandu jqajjem diskussjoni anki f’pajjiżna. Għal kuntrarju ta’ dak li jeżisti fil-bqija ta’ l-Ewropa, f’Malta hawn ħafna koppji li qed ikollhom jikkoabitaw, kelma kemmxejn aktar pulita mill-vernakular ‘ipoġġu’, mhux b’għażla imma għax il-Liġi Maltija ma tippermettilhomx li jerġgħu jiżżewġu. F’sitwazzjoni fejn fil-Gvern għandek il-PN li storikament dejjem lagħab il-logħba li huwa l-partit uniku tal-Knisja, illum il-ġurnata mmexxi minn kap b’kunjom li waħdu jirrevoka dawn ir-rabtiet storiċi mal-Knisja, ftit li xejn hemm ċans li fil-futur prevedibbli dawk li qed jgħixu f’koppja stabbli u li ġejjin minn żwieg li falla, il-Liġi tagħtihom id-dritt li jerġgħu jiżżewġu. Min-naħa tiegħu l-Partit Laburista għadda minn diskussjoni mqanqla dwar id-divorzju fil-bidu tas-Snin Tmenin. Fi żmien il-gvern ta’ Alfred Sant kienet anki nħatret kummissjoni biex tagħmel ir-rakkomandaz-zjonijiet dwar l-introduzzjoni tad-divorzju. Kummissjoni li fl-aħħar tal-ġurnata ma kienet waslet imkien ħlief li serviet ta’ eye-opener dwar kemm għadu jaħraq dan is-suġġett f’Malta u kemm jista’ jiswa f’termini ta’ telf ta’ voti. Illum il-ġurnata l-MLP qed isostni li ma jridx li jerġa’ jkun hu li joħrog għonqu fuq dan is-suġġett imma jrid iħalli f’idejn is-soċjetà ċivili li tieħu l-inizjattivi meħtieġa jekk tinħass il-ħtieġa li jiddaħħal id-divorzju.

Soċjetà ċivili?
Jiena xettiku ħafna dwar kemm fil-fatt f’Malta teżisti opinjoni pubblika jew soċjetà ċivili, sejħilha li trid, ’il barra mill-partiti. Safejn naf jien il-partiti politiċi suppost li qegħdin hemm biex imexxu u mhux biex jitmexxew mill-opinjoni pubblika. Madankollu bħalma fl-1973 t-tneħħija ta’ l-omosesswalità u ta’ l-adulterju minn reati kriminali ma saritx b’riżultat ta’ xi wegħda f’xi programm elettorali, bl-istess mod nemmen li d-dħul tad-divorzju f’Malta m’għandux ikun kwistjoni kkumbattuta f’kampanja elettorali. Anki jekk hija possibbiltà pjuttost remota, idealment id-divorzju għandu jkun introdott bħala proposta leġislattiva mbuttata miż-żewġ partiti, b’appoġġ minn membri taż-żewġ naħat tal-Kamra. Fil-fatt teżisti minoranza żgħira ta’ esponenti tal-PN li minn żmien għal żmien ippronunzjaw irwieħhom favur id-divorzju. Anki l-Alternattiva Demokratika li fil-passat kienet tkun akkużata li hija l-partit tad-divorzju għax ma kellhiex x’titlef, illum milli jidher ukoll daħlet fil-loġika tal-kalkoli ta’ x’għandha x’tirbaħ u x’għandha x’titlef għax id-divorżju ftit li xejn għadu jissemma.

Diskriminazzjoni
F’Malta teżisti sitwazzjoni anomala u diskriminatorja fejn hawn minoranza żgħira ta’ ċittadini Maltin li ġejjin minn żwieġ li ma rnexxiex li jistgħu jerġgħu jiżżewġu u l-maġġoranza ta’ Maltin li ġejjin mill-istess esperjenza ta’ żwieġ fallut imma li ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu. Fil-każ ta’ Maltin li għamlu xi żmien domiċiljati barra l-pajjiż jew li kienu miżżewġin persuna barranija, dawn jistgħu jġibu d-divorzju mill-qorti tal-pajjiż tad-domiċilju jew tan-nazzjonalità tal-parti barranija fiż-żwieġ u dan id-divorzju jkun awtomatikament rikonoxxut f’Malta bil-konsegwenza li l-partijiet involuti jkunu jistgħu jerġgħu jiżżewġu hawnhekk.
B’effett tat-Trattat li sar bejn Malta u s-Santa Sede fl-1995 kienet limitata l-possibbiltà għal dawk li ġejjin minn żwieġ li ma rnexxiex li jekk ikunu jixtiequ jistgħu jerġgħu jiżżewġu. Qabel ma sar dan it-Trattat kien possibbli għal mod tal-kelma li dak li jkun jieħu żewġ ċansijiet billi japplika separatament għall-annullament, kemm quddiem il-qorti ċivili u anki quddiem il-qorti tal-Knisja. Hekk kif sar dan it-Trattat jekk waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tiddeċiedi li tieħu l-każ ta’ l-annullament quddiem il-qorti tal-Knisja, trid jew ma tridx il-parti l-oħra hija marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti tal-Knisja u ma tistax tieħu l-każ quddiem il-qorti ċivili separatament.
Filwaqt li l-possibbiltajiet ta’ xoljiment ta’ żwieġ li jkun falla maż-żmien spiċċaw naqsu flok żdiedu, u f’kuntest ta’ żwiġijiet miksura li baqgħu jiżdiedu, in-numru ta’ koppji li qed jgħixu flimkien barra ż-żwieg, mhux b’għażla imma għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, ukoll żdied konsiderevolment.
L-ebda gvern responsabbli m’għandu jagħmel bħan-ngħama, idaħħal rasu fir-ramel biex jaħrab minn din ir-realtà li qed jgħixu fiha ħafna koppji Maltin. Ma jistax ikun li l-Gvern ta’ dan il-pajjiż jibqa’ jkaxkar saqajh dwar id-divorzju. Għandu jagħti l-possibbiltà ta’ żwieġ ieħor għal min fallielu l-ewwel żwieġ u fl-istess ħin jagħti rikonoxximent legali lid-drittijiet ta’ individwi li qed jaqsmu ħajjithom ma’ ħaddieħor f’relazzjoni ta’ koppja stabbli.

L-1998
Fil-programm elettorali tal-1998 (Ġid. Fiduċja. Direzzjoni) il-PN kien wiegħed li ‘bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn żwieg validu, jiġu stabbiliti b’Liġi l-obbligi u d-drittijiet li jitnisslu bejn raġel u mara li jkunu ssieħbu f’koabitazzjoni’. Sadanittant għaddew iktar minn tmien snin u baqa’ ma sar xejn. Fil-preżent persuna li tkun ilha tgħix ma’ persuna oħra għal snin twal tispiċċa skoperta għal kollox f’każ li l-persuna l-oħra fil-koppja tmut mingħajr testment u skond il-Liġi jispiċċaw ikunu ppreferuti ħutu jew saħansitra kuġinietu flok l-aktar persuna għażiża għalih.
Bl-istess mod li armla tieħu l-pensjoni tar-romol f’każ li jiġi nieqes żewġha, għalfejn mara li tkun għexet ma’ raġel għal snin twal bħala koppja, m’għandux ikollha l-istess dritt għal pensjoni daqs armla li kienet miżżewġa?
Għalfejn mara li tkun qed tgħix ma’ raġel f’koppja għal ħafna snin m’għandhiex tingħata l-manteniment jekk ir-relazzjoni ta’ bejniethom għal xi raġuni tispiċċa tisfaxxa?
Għalfejn koppja li tgħix flimkien għal perjodu twil ta’ żmien m’għandhiex tingħata l-istess trattament li jingħata lill-konjugi mil-Liġi tat-Taxxa ta’ Dħul ta’ stat suppost lajk?
Bl-istess mod żewġ persuni ta’ l-istess sess li jistgħu ikunu aħwa mhux miżżewġa nkella koppja omossesswali li għexu għal snin twal flimkien b’mod stabbli, assistew u mantnew lil xulxin f’ħajjithom, jispiċċaw ma jingħataw l-ebda protezzjoni mil-Liġi appena l-koppja tisfaxxa minħabba mewt jew mod ieħor?

X’jgħidu

Għadu kif tħabbar li l-Gvern ta’ Prodi fl-Italja se jressaq fil-Parlament liġi dwar il-koppji di fatto li se jkollha l-effett li tagħtihom l-istess drittijiet legali li għandhom il-koppji miżżewġin.

1. Taqbel li tiddaħħal liġi bħal din f’Malta, iktar u iktar meta tqis li fil-kuntest Malti ma jeżistix id-divorzju u għalhekk hawn ħafna koppji li qed ikollhom jikkoabitaw mhux b’għażla imma kontra r-rieda tagħhom?

2. Il-liġi li se jdaħħal il-gvern ta’ Prodi tagħti l-istess drittijiet li kull koppja ta’ persuni li jikkoabitaw, indipendentement mis-sess jew l-orjentament sesswali tagħhom. Taqbel ma’ dan?

3. Il-proposta ta’ l-aħħar baġit li ma ttellifx id-dritt tal-pensjoni ta’ dawk ir-romol li jerġgħu jiżżewġu sa ċertu punt tissolleva ftit lil dawn it-tip ta’ koppji li kontra qalbhom kienu jagħżlu li jikkoabitaw flok jiżżewġu. Ma jidhirlekx li din il-miżura kienet nofsha misjura meta l-effett tagħha kien limitat għall-ewwel ħames snin?

4. X’inhuma l-proposti leġislattivi tal-partit tiegħek fuq koppji li jikkoabitaw?


Marie-Louise Coleiro Preca

1. L-ewwelnett kull miżura kkontemplata minn Gvern Laburista ġdid mhix maħsuba li tinkoraġġixxi relazzjonijiet lil hinn minn relazzjoni fiż-żwieġ. Bħala partit nibqgħu nemmnu fil-forma legali taż-żwieġ bħala l-aħjar forma li tistabbilixxi familja. Però min-naħa l-oħra l-Partit Laburista huwa konxju ta’ realtajiet li jeżistu fis-soċjetà Maltija u għaldaqstant ta’ partit responsabbli ma jistax idawwar dahru fuq dawn is-sitwazzjonijiet u b’kuraġġ qed naffrontaw din ir-realtà, li bl-ebda mod m’għandha tintuża minn xi ħadd biex itappan b’invenzjonijiet partiġjani, l-intenzjoni ġenwina wara l-prosposti Laburisti. F’dan il-kuntest jinħtieġ li kulħadd jifhem li dawn is-sitwazzjonijiet reali mhumiex marbutin ma’ kulur politiku, u għalhekk jinħtieġ li nindirizzawhom b’realiżmu, sens komun u interess soċjali ġenwin.
Il-Partit Laburista huwa konxju tat-tbatijiet u l-gwaj li jinqalgħu kemm għall-adulti iżda aktar u aktar fejn hemm l-ulied, b’konsegwenza ta’ dawn ir-relazzjonijiet. Dan li qiegħed jixprunana biex naġixxu.
It-tweġiba sempliċi jekk naqblux ma’ liġi bħal din hija iva. Iżda l-Partit Laburista qed jippjana studju u konsultazzjoni aktar profonda dwar is-sustanza u l-effetti ta’ liġi bħal din biex dak li jsir kemm jista’ jkun ma jkollu mpatt negattiv fuq ħadd.
Irid jingħad li ħafna drabi fejn għandek sitwazzjoni ta’ koppji li qed jikkoabitaw issib li xi ħadd jew it-tnejn diġà kellhom relazzjoni matrimonjali oħra u possibbilment anki ulied minn din ir-relazzjoni. Għaldaqstant Gvern responsabbli ma jistax iħares f’iżolament lejn ir-relazzjoni barra ż-żwieġ u jinsa li kien hemm relazzjoni oħra. Huwa għalhekk li kull leġislazzjoni li Gvern Laburista ġdid se jkun qed jipproponi se jkollha warajha, ir-riċerka, l-istudju u l-konsultazzjoni kollha meħtieġa.

2. Irrid nagħmilha ċara li l-Partit Laburista bl-ebda mod mhu favur il-familji ta’ l-istess sess però bl-istess mod, b’realiżmu sħiħ, il-Partit Laburista qed iqis li persuni ta’ l-istess sess li jkunu qed jikkoabitaw illum huma nieqsa minn ħarsien tad-drittijiet ċivili tagħhom. Għaldaqstant mhux ġust li persuni, irrispettivament mill-intenzjoni għalfejn iddeċidew li jgħixu flimkien, u li jkunu nvestew flimkien fi proprjetà għad-dar residenzjali tagħhom, ma jkunux imħarsa bil-Liġi biex wara l-mewt ta’ xi ħadd minnhom il-persuna l-oħra ma jibqgħalhiex id-dritt awtomatiku bil-Liġi li tibqa’ tgawdi dak li hi wkoll investiet fih u tispiċċa fi kwistjonijiet legali ma’ werrieta li llum huma rikonoxxuti bil-Liġi b’mod awtomatiku.

3. Ikolli nistqarr li r-rimarki tiegħi mat-tħabbir ta’ din il-miżura mill-ewwel kienu f’dan is-sens, jiġifieri li din hija nofs miżura. Iżda ma attribwejtx din il-miżura fil-kuntest ta’ armla jew armel li jistgħu jikkoabitaw flok jiżżewġu biex ma jitilfux il-pensjoni. Din il-miżura aktar naraha fil-kuntest ta’ fejn hemm ulied li għadhom qed jitrabbew u jedukaw ruħhom u t-tbatija li l-armel jew armla jiffaċċjaw biex ilaħħqu ma’ l-esiġenzi ta’ l-ulied, immaterjalment jekk jikkoabitawx jew jiżżewġux. Il-pensjoni tar-romol tingħata fuq bażi ta’ kemm dak jew dik li jiġi nieqes ikun ħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u għaldaqstant, din il-pensjoni hi waħda kontributorja u għalhekk ma jidhirlix li għandha tintilef minħabba bidliet fiċ-ċirkostanzi ta’ l-individwi.

4. Bħalma diġà ndikajt u anki enfasizzajt fl-istess daħla għad-dokument, il-proposti li hemm fl-abbozz ta’ dokument dwar Politika għall-Familja, huma biss qafas u dan għaliex dan l-abbozz għad irid jiġi mgħarbel internament mill-istrutturi kollha tal-Partit u beda wkoll proċess ta’ konsultazzjoni esterna ma’ diversi għaqdiet, organizzazzjonijiet u aġenziji biex jgħarbel ukoll il-proposti tagħhom.
Il-Partit Laburista se jibqa’ miftuħ għas-suġġerimenti, rakkomandazzjonijiet u proposti biex dak li se nkunu qed inwettqu mill-Gvern ikollu l-kontribuzzjoni ta’ dawk kollha li f’pajjiżna jistgħu jagħtu sehimhom għall-aħjar miżuri f’dan il-qasam li jmur lil hinn mill-politika partiġjana.

Nota:
Minħabba problema teknika min-naħa tal-gazzetta, il-mistoqsijiet lill-Ministru Dolores Cristina fuq is-suġġett waslu tard u għalhekk il-ministru ma setgħetx twieġeb.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt