17 ta' Diċembru 2006
Lejn Presidenza Ewropea aktar determinanti
Waħda mill-affarijiet interessanti li tħaddem l-Unjoni Ewropea hi l-Presidenza li tinbidel kull sitt xhur. Hawn min jara dan il-perjodu qasir wisq. Iżda min isegwi mill-qrib jinnota l-preparazzjoni enormi li ssir minn kulmin ikun imissu jieħu f’idejh il-Presidenza u x-xogħol enormi li jagħmel il-pajjiż membru ladarba jkollu l-Presidenza.
Kull pajjiż li jmissu l-Presidenza jipprova jiżboq lil ta’ qablu fit-twettiq ta’ xogħol u inizjattivi ġodda. Il-pajjiżi l-kbar, b’mod partikolari, jisfurzaw biex tagħhom tkun il-Presidenza li tagħti l-aqwa riżultati. Kif rajna dawn l-aħħar sitt xhur taħt il-Presidenza Finlandiża, iż-żgħar ma joqogħdux lura lanqas. Il-Presidenza ta’ l-Awstrija kienet suċċess.
Issa minn Jannar imiss lill-Ġermaniżi. Il-Gvern Ġermaniż u l-istituzzjonijiet kollha qed jirsistu biex tagħhom tkun Presidenza ta’ viżjoni u li tagħti riżultati effettivi. Il-Kanċillier Angela Merkel, li f’qasir żmien diġà stabbiliet ruħha bħala mexxej kapaċi, żgur tara l-Presidenza Ġermaniża bħala opportunità biex tieħu r-riedni ta’ l-Ewropa f’idejha issa li Tony Blair iddeċieda li jwarrab u l-President Jacques Chirac wasal fl-aħħar.
Għalina bħala pajjiż membru żgħir, interessanti li naraw kif se tiżvolġi l-Presidenza Ġermaniża għax hemm bosta deċiżjonijiet li jolqtuna. Malta tinħtieġ Ewropa li tikber ekonomikament b’ritmu mgħaġġel. Ir-rata ta’ tkattir ta’ l-ekonomija tagħna jimxi kważi pass pass ma’ dak ta’ l-Ewropa magħquda għax il-qligħ ewlieni tagħna minn hemm ġej.
Anki fil-proċess ta’ ristrutturar l-ekonomija tagħna timxi fuq il-miri Ewropej għax dak li hu ħażin għalihom hu wkoll ħażin għalina. Anki jekk aħna m’għandniex il-problema l-kbira li għandhom ħafna mill-istati membri kbar f’dak li jirrigwarda l-industrija kbira u antika tal-metall u industriji oħrajn li llum qed jintradmu taħt il-kompetizzjoni taċ-Ċina, l-Indja u pajjiżi oħra ġodda.
M’hemm l-ebda dubju li l-għan ewlieni tal-Ġermaniżi jkun li jsuqu b’aktar determinazzjoni lill-Ewropa lejn il-miri ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona li suppost kellha twassal biex fl-iqsar żmien l-Unjoni Ewropea ssir l-aktar reġjun kompettitiv tad-dinja.
Jien kont f’Feiara fil-Portugall meta addottajna c-Charter Ewropew għall-Intrapriżi ż-Żgħar u ħassejt mill-qrib l-entużjażmu kbir għall-istrateġija ġdida mlaqqma. L-Istrateġija ta’ Lisbona li kienet il-qofol tal-Presidenza Portugiża. Ma’ sħabi mill-UEAPME, l-organizazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-intrapriżi ż-żgħar u li tagħha l-GRTU hi membru attiv, esprimejna x-xettiċiżmu tagħna għalkemm konna ferħanin ħafna li l-UE fl-aħħar kienet qed tagħti tant importanza, almenu fil-ħsieb, lill-intrapriżi ż-żgħar.
Minn Lisbona ’l hawn ma waqafniex naħdmu biex kull wieħed minnha msieħeb fil-UEAPME, kif ukoll bħal fil-każ tal-GRTU, fil-Eurocommerce, il-Federazzjoni Ewropea li tirrappreżenta lill-intrapriżi kummerċjali, inħambqu kemm nifilħu biex kull gvern ta’ stat membru jpoġġi fil-prattika dak li ġie mwiegħed favur l-intrapriżi ż-żgħar. F’Malta domna ma rrankajna imma issa mexjin għalkemm baqa’ ħafna xi jsir. Issa aħna wkoll bdejna nagħtu aktar kas ta’ l-intrapriżi żgħar.
Jien illum ħafna anqas xettiku għax ir-riżultati bdew jidhru u nemmen li Lawrence Gonzi, ħafna aktar minn Eddie Fenech Adami u ħafna aktar minn x’uħud fil-Kabinett tal-Ministri, hu kommess li jwettaq dak kollu possibbli biex l-intrapriżi ż-żgħar ma jibqgħux abbandunati u ma titħaddimx politika li tagħmel ħsara lill-intrapriżi ż-żgħar. Baqa’ ħafna u ħafna xi jsir u fil-ġimgħat li ġejjin irid isarraf bil-fatti r-rieda tiegħu fuq proġetti li qed niddiskutu miegħu u li huma ta’ fejda għal ħafna mill-intrapriżi rappreżentati mill-GRTU.
Għax taf kemm hi faċli li twiegħed u li jkollok ir-rieda tajba. Jekk imbagħad ma tkunx kapaċi tirreżisti lil min kien komdu l-bieraħ għax kbir u protett, ma tasal qatt biex issarraf dak li twiegħed. Iżda aħna hawn qegħdin u ċari fejn irridu naslu biex naraw l-intrapriża ż-żgħira tagħna timxi u tagħti l-frott mistenni minnha taħt l-istrateġija ta’ Lisbona.
Il-Presidenza Ġermaniża għalhekk trid issa wkoll issuq fuq l-istrateġija mmirata lejn l-intrapriżi fis-settur tas-servizzi għax dan hu settur enormi u l-aktar li qed jikber fl-Ewropa bħalma hu wkoll il-każ f’Malta. Dan hu settur li l-Unjoni Ewropea ttraskurat. Id-dominanza tal-politika Ewropea kien dejjem is-settur ta’ l-industrija tal-manifattura, l-aktar dik kbira, u s-settur tal-biedja. Il-fondi strutturali u soċjali kienu aktar maħsuba lejn ċerti kategoriji ta’ industrija milli lejn dik żgħira u żgur mhux lejn is-settur ta’ l-intrapriżi ż-żgħar fis-settur tas-servizzi.
Il-Presidenza Ġermaniża trid ukoll issuq fuq il-kunċett tal-partnership bejn Gvern u l-imsieħba soċjali għat-twettiq ta’ l-istrateġiji u inizjattivi ta’ l-Unjoni. Il-Ġermaniżi jridu wkoll itambru ħafna aktar fuq ir-riforma fl-amministrazzjoni ta’ l-istess Kummissjoni u fit-tkattir ta’ l-effiċjenza fit-tħaddim ta’ l-iskemi u proġetti u jaraw kif dak li tagħmel l-Unjoni jkun aktar viżibbli għaċ-ċittadini Ewropej. L-Ewropej illum qed isiru dejjem aktar xettiċi dwar dak li tagħmel u tipproponi l-Kummissjoni Ewropea.
Żgur li l-Ġermaniżi jridu jagħtu spinta aktar lill-iskemi kollha mmirati biex isaħħu l-investiment fil-kapital uman Ewropew. Fl-Ewropa kollha u mhux f’Malta biss hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema professjonali mħarrġa tajjeb biex jieħdu l-impjiegi ġodda li qed jinħolqu fl-oqsma l-ġodda tas-servizzi marbuta mat-teknoloġija ta’ l-informatika u tal-kompjuters u l-komunikazzjoni.
Hawn wieħed jifhem kemm hi importanti l-ġlieda kontra l-burokrazija esaġerata li ta’ l-Unjoni huma tant gwappi għaliha. Agħtihom iparlaw fuq il-better regulations u kemm hi ħażina l-burokrazija u r-red tape żejjed, imma mbagħad issibhom esperti ta’ kif ifaqqsu dejjem aktar burokrazija u aktar regolamentazzjoni. Anki f’Malta għall-paroli dwar tnaqqis fil-burokrazija aħna bravi daqs il-kumplament ta’ l-Unjoni. Iżda x’ħin niġu għall-fatti fl-għeluq ta’ l-2006 għandna aktar burokrazija, aktar regolamenti, aktar ksur il-għajn għall-intrapriża milli kellna fl-aħħar ta’ l-2005. Il-Ġermaniżi wkoll iridu jiddeċiedu dwar tqassim ta’ fondi għal skopijiet soċjali. Iridu jiddeċiedu jekk hux se jsaħħu l-finanzi ta’ l-iskemi soċjali u jridu jiddeċiedu minn fejn se jġibu l-fondi għall-fond il-ġdid imsejjaħ European Globalisation Fund. Dan hu fond ġdid biex jgħin lil dawk li jitilfu l-impjieg minħabba l-globalizazzjoni, l-aktar l-impatt tal-kompetizzjoni miċ-Ċina, l-Indja, il-Vjetnam u l-pajjiżi l-oħra Asjatiċi u l-Amerika Latina.
Però dan hu fond virtwali għaliex sa llum isem u pjan biss hemm iżda flus le. Il-Ġermaniżi jridu jsibu l-flus għal dan il-Fond.
Il-Ġermaniżi jridu wkoll joħolqu l-istrumenti adattati biex dak li jrid isir jitwettaq. Mhux f’Malta biss għad hawn min jaħseb li l-impjieg li għandek hu tiegħek bi dritt u li min iħaddmek għandu obbligu li jħaddmek sa ma tasal għall-pensjoni.
Anzi f’Malta donnu qed ninbidlu aktar b’ġirja mill-Ġermaniżi, il-Franċiżi, l-Ingliżi u t-Taljani. Iżda f’pajjiżna wkoll hemm attitudni ġġamjata li l-obbligu tas-sid hu li jħaddmek. Għadha teżisti stmerrija għall-kelma profitti. Għad hawn miljuni kbar fl-Ewropa li jaħsbu li l-impjiegi jaqgħu mis-smewwiet. Għad hawn wisq attitudni li l-intrapriżi u l-ispirtu imprenditorjali hu anqas importanti mill-infieq tal-gvernijiet u tal-kummissjoni fuq skemi li jxekklu u mhux jiffaċilitaw il-ħolqien tax-xogħol.
Angela Merkel tifhem x’għandu jkun ir-rwol ta’ l-intrapriża ż-żgħira u medja fit-trasformazzjoni li l-Ewropa bilfors trid tagħmel jekk trid li l-istrategija ta’ Lisbona tirnexxi. Jien fiduċjuż li hi kapaċi tagħmel id-differenza hekk kif tibda l-Presidenza Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt