17 ta' Diċembru 2006
Flus għall-partit: karità jew investiment
Toni
Aqtgħu x’hemm komuni bejn Malta u numru ta’ pajjiżi Afrikani u xi wħud fl-Amerika Latina? Sa llum f’Malta għad m’għandniex liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti filwaqt li f’dawn il-pajjiżi hemm liġijiet li b’xi mod jew ieħor jippruvaw joħolqu dan il-kontroll.
Għamilt dan il-paragun biex ma nagħmlux ma’ ħafna pajjiżi żviluppati Ewropej li għandhom din ix-xorta ta’ liġi, għax aħna mingħalina li għandna pajjiż li żviluppa ħafna aktar minn dawk il-pajjiżi fil-kontinent Afrikan jew l-Amerika Latina.
F’dinja politika fejn qed tingħata aktar attenzjoni lill-pakkett milli dak li jkun hemm fih, l-ispejjeż ta’ partit dejjem aktar qegħdin jikbru u l-għafsa finanzjarja biex jitolbu aktar flus dejjem tiżdied.
Partit illum irid jonfoq eluf kbar ta’ liri biex ikun jista’ jagħmel il-kampanja pubbliċitarja tiegħu biex jilħaq l-elettorat. Sa ftit snin ilu konna nagħtu aktar importanza lill-ideat milli lill-pakkett. Issa sirna aktar nies kosmetiċi milli ta’ sustanza. Mhux ta’ b’xejn kull sena nisimgħu lill-partiti politiċi f’kull okkażjoni, anniversarju jew data pubblika partikolari jorganizzaw il-famużi ġbir mingħand il-partitarji għax tabilħaqq għandhom bżonn dawn il-flus.
Dak li jinkwetani mhux wisq il-fatt li l-partiti jiġbru mingħand il-partitarji tagħhom, iżda li jingħataw flejjes minn nies li fil-pajjiż għandhom saħħa fid-dinja tan-negozju jew jista’ jkollhom influwenza fuq l-operat ta’ min ikun elett waqt li jkun fil-gvern.
L-inkwiet mhux wisq fil-flus li jagħtu iżda fil-fatt li aħna ma nkunux nafu kemm ingħataw flus u minn min ingħataw. Għalhekk proprju f’dawn l-aħħar snin kien hawn diskussjoni għaddejja bejn iż-żewġ partiti kbar jekk fil-fatt għandniex ikollna liġi li tirregola b’mod ċar il-finanzjament tal-partiti politiċi.
Id-demokrazija mhix avveniment ta’ darba kull ħames snin iżda tfisser ukoll trasparenza assoluta bil-mod kif il-partiti politiċi ewlenin ta’ pajjiż joperaw il-finanzi tagħhom. Hu fl-interess ta’ l-elettorat ikun jaf għal-liema partit qed jappoġġja min għandu s-saħħa finanzjarja fil-pajjiż għax dan jista’ faċilment jinfluwenza l-aġenda politika ta’ dak il-partit meta jkun fil-gvern.
F’ħafna pajjiżi din hija kwistjoni taħraq tant li fejn hemm liġijiet ta’ din ix-xorta, anki kellek ministri u politiċi jirriżenjaw. Każ tipiku hu dak li għaddej bħalissa fl-Ingilterra fejn jingħad li ‘inxtraw’ ammont ta’ siġġijiet fil-House of Lords bi flejjes li tħallsu lill-partit li hemm fil-gvern.
F’Malta dan l-aħħar kellna wkoll eżempju ta’ kif nies li għandhom saħħa finanzjarja qawwija mhux biss jistgħu jiddettaw il-politika nazzjonali minn taħt mingħajr ma nkunu nafu iżda anki tista’ tiġihom it-tentazzjoni li, kif jgħid il-Malti, joħorġu għan-nofs.
Kellna każ, per eżempju, ta’ persuna li saħansitra qalet li l-ħaddiema kollha li huma Laburisti mpjegati magħha se jqattgħu l-vot tagħhom għaliex il-Partit Laburista iddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar attività li kienet qed tagħmel kumpanija kummerċjali partikolari. Aħseb u ara kemm tista’ tkun ikbar l-influwenza ta’ kuntratturi, negozjanti, investituri u persuni oħrajn li joperaw fid-dinja finanzjarja li jkunu jappoġġjaw partit u mhux ieħor u li jkunu lesti li jgħinuh mingħajr ma nkunu nafu.
Il-politiċi tagħna, b’mod partikolari dawk li llum jiffurmaw parti mill-gvern tal-ġurnata, ta’ spiss jiddikjaraw li jridu jagħmlu minn Malta pajjiż mudellat fuq dawk il-pajjiżi l-aktar demokratikament avvanzati. Dejjem inħarsu lejn il-pajjiżi Ewropej. Imma fejn jaqblilna kultant ninsew fit-tajjeb tagħhom ukoll u fost l-oħrajn ninsew li għandna jkollna liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti.
Il-Partit Nazzjonalista kemm-il darba qal, u dejjem wiegħed, li liġi ta’ din ix-xorta għada pitgħada trid tidħol. Però taħt xi skuża jew oħra, issa għax għadu kmieni wisq, jew għax id-diskussjonijiet ikunu marbuta ma’ kwistjonijiet oħrajn, din il-proposta dejjem baqgħet fuq l-ixkaffa. Però ma tridx wisq biex tifhem għalfejn proposta bħal din issib reżistenza minn partit li b’mod ċar jidher li għandu appoġġ qawwi ta’ dawk li fil-pajjiż joperaw fid-dinja tan-negozju u tal-kapital.
Jiġuni quddiemi xeni tal-famużi kampanji ta’ ġbir li jsiru fid-deher u anke jintwererw fuq it-televiżjoni. Meta wieħed isegwi sew dawn il-kampanji tal-Partit Nazzjonalista wieħed jintebaħ kemm liġi ta’ din ix-xorta hija neċessarja għax donazzjonijiet ta’ flus f’ammonti sostanzjali jingħataw ukoll bil-gost, fid-deher, biex jarahom kulħadd. Kif jista’ wieħed jinsa lil Segretarju Parlamentari partikolari, li bħal Vanni Pulè quddiem il-kameras, jibda joħroġ balal ta’ liri u bustarelli mimlijin bil-flus minn kull but u nforra li kellu fil-libsa? Kieku kellna liġi li tirregola dawn it-tip ta’ donazzjonijet dawn il-kummiedji żgur ma jistgħux isiru.
Iżda l-akbar anomalija tinsab fil-fatt li l-liġijiet elettorali jobbligaw lil kulmin jikkontesta għall-elezzjoni jieħu ġurament li fil-kampanja elettorali ma jkunx nefaq aktar minn tant ammont ta’ flus. L-ammont li ssemmi l-Liġi huwa wieħed li jdaħħqek iżda ta’ l-inqas f’dan ir-rigward il-Liġi tipprova tagħti sens ta’ trasparenza, għalkemm il-kampanja elettorali ta’ xi kandidati ġġiegħlek taħseb li waslet il-kampanja presidenzjali Amerikana daqs kemm jintefqu flus.
Li ma nistax nifhem hu kif il-liġi elettorali tinsisti biex ikun hemm trasparenza safejn jirrigwarda l-kandidat singolarment però fejn jirrigwarda l-partiti, sa llum għad għandna vojt li qisu ħadd ma jrid jimlieh daqslikieku l-influwenza fuq l-opinjoni pubblika bil-flus tista’ ssir individwalment minn kull kandidat iżda mhux mill-partiti politiċi.
Fl-aħħarnett infakkar li ta’ spiss nisimgħu l-frażi ‘defiċit demokratiku’, jiġifieri tan-nuqqasijiet li jagħtu vantaġġ lill- parti u mhux lill-oħra. Il-Partit Nazzjonalista jaqbel għalih illi dan id-defiċit demokratiku jibqa’ fis-seħħ għax ħafna drabi ċ-ċirkostanzi jtuh vantaġġ naturali bħal, per eżempju, il-palata li jagħtuh l-Istampa ‘indipendenti’, kif ifassal il-konfini elettorali bħalma ġara fl-1996, kif bil-pulit jinfiltra x-xandir pubbliku u mitt ħaġ’oħra li ġġiegħlek temmen li dan hu partit li donnu nesa xi tfisser tkun fl-oppożizzjoni.
Però l-aktar ċirkostanza gravi li tkompli tikkontribwixxi għal dan id-defiċit demokratiku hi li m’għandniex liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti u minn dak li nista’ nara u minn dak li nista’ nifhem, dan it-tip ta’ defiċit demokratiku jaqbel ħafna aktar għall-Partit Nazzjonalista milli għall-Partit Laburista.
Fl-aħħarnett, x’taħsbu li hemm komuni bejn il-partiti politiċi u ċ-ċittadin? Li t-tnejn suppost iħallsu t-taxxa. U x’taħsbu li m’hemmx komuni bejniethom it-tnejn? Li huma jafu kollox fuqna u aħna ftit li xejn nafu fuqhom.
Peppi
Niftakar li kulmeta tasal l-Istrina ħafna kienu jiskandalizzaw ruħhom għax iż-żewġ partiti jkunu għamlu ġabra ftit jiem qabel dak ta’ l-Istrina.
In-nies kienu jiskantaw meta kont ngħidilhom li jiena ma nara assolutament xejn ħażin. Anzi naħseb li l-partiti għandhom jagħmlu ċertu ġbir biex ikunu jistgħu jgħixu.
Għalija ma jagħmilx sens li naċċettaw li nagħtu l-flus għall-għaqdiet filantropiċi u fl-istess nifs niddarrsu ngħinu bil-flus lill-partiti politiċi f’Malta.
Naħseb li hawn Malta għandna kunċett imnellaħ ta x’inhu partit. Naħsbu li partit huwa xi ħaġa li kważi min jiċċappas miegħu jinżel fil-livell. Alla jilliberana jekk ma jkollniex partiti b’saħħithom. U jekk jista’ jkun mhux tnejn imma ħafna.
Il-partiti qegħdin hemm biex jagħtu servizz lin-nies. L-istess bħalma jagħtu servizz l-għaqdiet filantropiċi. Il-partiti qegħdin hemm biex ikunu fil-gvern u jaħdmu biex ikollna liġijiet li kemm jista’ jkun jagħmlu ġustizzja soċjali u jonqos il-bżonn tal-karità. Allura kif nibqgħu niskandalizzaw ruħna li l-partiti jiġbru l-flus mingħand in-nies?
Ngħid li bħal ċerti għaqdiet filantropiċi l-partiti għandu jkollhom l-għajnuna mill-Istat. Bħalma jiġri f’pajjiżi oħra l-partiti għandu jkollhom ammont ta’ flus fis-sena assoċjat ma’ l-ammont ta’ voti li jkunu ġabu fl-elezzjoni ġenerali.
Mingħajr il-finanzjament ta’ l-Istat jiġri li l-partiti jiddependu biss mill-karità. Iżda l-karità mhux dejjem ikollha mottiv nobbli. Jaf ikun ifisser li l-partiti jkunu jiddependu minn negozjanti kbar biex jgħixu u jiffunzjonaw. Uħud minn negozjanti jinvestu fil-partit mhux daqstant għax jemmnu fis-servizz li jagħtu lill-pajjiż daqskemm li jħossuhom jinvestu fin-negozju tagħhom għax jemmnu li jkunu jistgħu jitħallsu lura b’xi offerta. Tant li dawn in-negozjanti kbar jgħinu liż-żewġ partiti biex hekk iserrħu rashom li jkunu qed jinvestu f’min ikun fil-Gvern.
X’nissuġġerixxi allura?
1. Li l-partiti jkunu finanzjati mill-Istat b’għan speċifiku fejn il-flus jistgħu jintużaw.
2. Li l-partiti jkunu jistgħu jibqgħu jiġbru l-flus mingħand in-nies.
3. Li l-partiti jkunu obbligati bil-Liġi jippubblikaw il-kontijiet awditjati tagħhom.
4. Li donazzjonijiet ta’ aktar minn Lm3,000 mingħand kumpaniji u negozji jew individwi ma jistgħux ikunu anonimi u jridu jsiru dejjem pubbliċi.
Ikun żball kbir ħafna li ma napprezzawx il-ħidma u l-bżonn tal-partiti politiċi. Ikun żball akbar jekk ma nifhmux il-bżonn tar-riċerka li jeħtieġ tiżdied fi ħdan il-partiti. Ir-riċerka tiswa l-eluf iżda l-istess riċerka tgħin biex ikun hawn iżjed ġustizzja soċjali.
Jekk nieħdu l-partit fl-Oppożizzjoni nsibu sitwazzjoni fejn din tikkritika proġett mingħajr ma tkun għamlet riċerka serja. Dan jiġri għax m’għandhiex finanzi biex tqabbad esperti li jagħmlu r-rapporti u wara riċerka serja toffri alternattivi.
Ikun żball kbir jekk inħallu lill-partiti jiddependu mill-karità speċjalment ta’ dawk li l-interess li jagħtu l-flus mhux daqstant għax jemmnu fil-ġustizzja soċjali iżda għax iqisuh bħala investiment.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt