17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Malti jaħraq diskoteka f’Ġenova

Dustin Peter Leckey ta’ 35 sena, ċittadin Malti mwieled
fl-Ingilterra, qed jinżamm arrestat f’ħabs f’Ġenova wara li l-Pulizija Taljana kienet tfittxu b’rabta ma’ ħruq f’diskoteka.
Leckey, xufier ta’ trakk bit-trailer, kien arrestat nhar it-Tnejn li għadda fiż-żona tal-port ta’ Ġenova waqt li kien għadu f’sakra kbira mil-lejl ta’ qabel, fejn allegatament ta n-nar lid-diskoteka ‘San Francisco’ fiċ-ċentru tal-belt.
Hu mifhum li Leckey, li jaħdem ma’ kumpanija lokali tat-trasport overland, kien fid-diskoteka meta spiċċa nvolut fi ġlieda ma’ xi nies oħra.
Wara li tkeċċa mill-post mis-security, il-Malti allegatament mar lura fil-post b’laned tal-petrol u ta n-nar lid-daħla ta’ l-istabbiliment waqt li n-nies kienu għadhom fil-post.
Minkejja li n-nar kien qawwi ħafna b’xorti tajba n-nies li kienu fuq ġewwa ġew evakwati fil-ħin mill-bibien ta’ l-emerġenza.
Filwaqt li n-nar infirex u qered ukoll xi muturi u karozzi, il-Pulizija bdiet tfittxija immedjata għall-Malti li kien identifikat mis-security bħala l-persuna li qabbad in-nar.
Wara sigħat ta’ tfittxija Leckey nstab viċin it-trakk tiegħu ħdejn il-moll tal-port ta’ Ġenova fejn kellu jaqbad il-vapur tal-linja Grimaldi lejn Malta.
Il-Malti ttieħed minnufih lejn il-ħabs ta’ Ġenova fejn qed ikun akkużat b’attentat ta’ straġi, li jekk kemm-il darba jinstab ħati ta’ l-akkuża, qed iħabbatha ma’ piena minima ta’ 15-il sena ħabs.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt