17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Nifs ’il ġewwa għall-Melliħin

Il-Mepa ċaħdet l-ewwel minn żewġ applikazzjonijiet għal żvilupp

Karl Stagno-Navarra

Il-Bord tal-Mepa ċaħad
il-permess ta’ wieħed minn żewġ applikazzjonijiet għal żvilupp
fil-qalba tal-Wied tal-Madonna
fil-Mellieħa.
Il-permess kien miċħud waqt laqgħa tal-Mepa ftit tal-jiem ilu meta l-Bord tal-Mepa aċċetta l-prinċipju li l-Wied tal-Madonna hu “wied” f’kull sens li jnixxi l-ilma kif fil-fatt kien xjentifikament stabbilit minn studju idroloġiku li tħejja mill-inġinier Marco Cremona.
L-iżvilupp miċħud kien jikkonċerna binja sħiħa ta’ estensjoni ta’ lukanda minn naħa għall-oħra tal-wied.
Issa r-residenti qed jistennew li l-istess prinċipju jibqa’ jgħodd ukoll għat-tieni u l-aħħar applikazzjoni li għadha pendenti quddiem il-Mepa.
L-iżvilupp propost jinsab ftit ’il bogħod minn dak li kien miċħud din il-ġimgħa u bħal ta’ qablu, jestendi sa nofs il-wied.
Il-laqgħa tal-Mepa li kellha tiddeċiedi fuq dan l-iżvilupp kellha tiltaqa’ ġimgħa ilu iżda kienet posposta għal data oħra.
Sodisfatti għal dak li fissru bħala “deċizjoni responsabbli” mill-Mepa għall-ewwel applikazzjoni, ir-residenti Melliħin qed jistennew bil-ħerqa li l-Mepa żżomm mal-prinċipji li applikat biex ċaħdet it-talba għall-iżvilupp fl-ewwel każ.
“Deċizjoni mod ieħor tkun tfisser kontradizzjoni serja,” sostna resident f’kummenti lil din il-gazzetta.
Il-kwistjoni dwar l-iżvilupp fil-Wied tal-Madonna ħadet xejra nazzjonali hekk kif ir-residenti għamlu reżistenza qawwija bbażata fuq ir-raġuni u l-evidenza dwar il-ħsara ekoloġika, ambjentali u estetika li l-iżvilupp fil-wied kien se joħloq.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt