17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Josie: il-battalja tkompli

Żabbari, iben tabib popolari ħafna li kien iservi fil-Berġa tal-lokal, Josie Muscat kien l-iżgħar Deputat Parlamentari elett fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
Josie kien għadu student tal-mediċina meta rikeb fuq il-karru tal-popolarità ta’ missieru u kiseb suċċess mhux mistenni fuq id-distrett ta’ Ħaż-Żabbar fejn sab postu fuq il-bankijiet tal-Partit Nazzjonalista fl-1966 flimkien ma’ żijuh, John Muscat, tabib ieħor, li kien elett mir-Rabat, ta’ Malta.
Demo-Kristjan, iżda liberali fi ħsibijietu, Josie Muscat tqies bħala fenomenu fir-realtà politika ta’ pajjiżna meta wieħed iqis li l-popolarità tiegħu f’età daqstant żagħżugħa wasslitu biex fl-1971 itella’ kważi kwota oħra saħansitra fit-Tieni Distrett fejn ikkontesta f’dawk l-elezzjonijiet.
Il-benniena l-ġdida ta’ Josie Muscat kienet il-Kottonera, żona politikament sensittiva għall-PN quddiem ir-realtà tat-tradizzjoni tas-saħħa politika ta’ nies bħal Ugo Mifsud Bonnici f’żona daqstant meqjusa bħala fortizza Laburista. Il-popolarità tiegħu f’dawk l-inħawi kienet tfisser li kien qed jirfes fuq saqajn “il-kbar,” li kienu jinħtieġu li jkunu mħarsa mill-eventwalità li jibqgħu l-art f’elezzjonijiet ta’ wara.
Josie ggradwa tabib fl-eqqel tal-kwistjoni tal-Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff ma’ l-istudenti universitarji, u wara wkoll mat-tobba. Josie kien jitqies bħala l-vuċi tal-popolin.
Dejjem imdawwar minn grupp imdaqqas ta’ nies, Josie kien ħelisha ħafif diversi drabi f’inċidenti serji ma’ partitarji Laburisti waqt il-kampanji elettorali sħan ta’ l-1976 u l-1981.
Fiż-Żejtun fl-1981 Josie kien ħelisha ħafif minn tiri sparati lejh u lill-canvassers tiegħu f’inċidenti li raw il-korriment ta’ diversi nies li kienu qrib tiegħu.
Dan kollu kompla kabbar lil Josie fil-popolarità iżda fl-istess ħin, il-militantiżmu tiegħu kien inkwieta lid-direzzjoni tal-PN partikolarment meta kien ifforma l-grupp ta’ resistenza Front Freedom Fighters (FFF) bl-għajnuna ta’ nies bħal Joe Fava, magħruf għat-twemmin Faxxista tiegħu u li aktar ’il quddiem kien għadda lejn il-kamp ta’ Karmenu Mifsud Bonnici li laħaq Prim Ministru fl-1984.
Ir-riżultat elettorali ta’ l-1981, li żamm lill-MLP fil-Gvern mingħajr il-maġġoranza tal-voti, ra lil Josie jżid id-doża ta’ reżistenza permezz tal-FFF b’meetings pubbliċi u pubblikazzjonijiet b’distribuzzjoni nazzjonali.
Kien hawnhekk li Josie kien beda jxellifha mal-PN meta l-militantiżmu tiegħu beda jaqbeż il-linja tal-korrettezza skond kif kien jaħsibha l-PN, tant li l-Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami kien żamm għajn attenta fuq id-Deputat tiegħu sal-punt li kien ikun infurmat fuq kollox li kien għaddej fi ħdan il-kamp ta’ Josie permezz ta’ infiltrati.
Fit-taqlib politiku kollu ta’ dak iż-żmien, il-bojkott Parlamentari tal-PN, il-Gvern fil-poter mingħajr il-maġġoranza u l-kwistjoni dwar il-Kostituzzjoni, Josie Muscat kien ħa l-inizjattiva li jiltaqa’ privatament mal-Prim Ministru Dom Mintoff f’tentattiv biex jinnegozja żblokk fil-kriżi kostituzzjonali.
Malli t-tmexxija tal-PN saret taf b’dawn il-laqgħat sigrieti kien il-Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami li ma ħebiex ir-rabja tiegħu tant li sejjaħ għal laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari tal-PN u ssospenda lil Josie.
“Ġejt mitlub ma nkomplix. Imma tant ħassejtni qrib breakthrough li ssuġġerejt laqgħa oħra (ma’ Mintoff) għax ħassejt li riżultat pożittiv kien ikun ta’ ġid kbir għall-pajjiż. Il-partit sar jaf b’din il-laqgħa u ġejt sospiż mill-Grupp Parlamentari,” kien sostna Josie Muscat f’intervista mal-gazzetta ‘Alternattiva’ f’Ġunju ta’ l-1990.
Josie temm il-karriera politika tiegħu mal-PN f’dak iż-żmien u ma kkontestax l-elezzjonijiet ta’ l-1987 li raw lill-PN elett fil-Gvern wara 16-il sena fl-Oppożizzjoni. Madankollu baqa’ bi stima tajba ħafna fost il-parti l-kbira ta’ l-elettorat, stima li għadu jgawdi sa llum, mhux biss bħala eks politiku, iżda wkoll bħala tabib, imprenditur u sid ta’ sptarijiet privati u wisq aktar għall-opinjonijiet tiegħu fuq diversi kwistjonijiet.
Josie xellifha kemm-il darba mal-Kunsill Mediku tant li rċieva diversi twissijiet għal dak li tkellem dwaru pubblikament, fosthom ukoll il-pożizzjoni tiegħu fuq l-IVF.
Josie hu rispettat ħafna għall-ħidma filantropika tiegħu bħala fundatur tal-Fondazzjoni Eden u għall-mod kif irnexxielu jibni din il-fondazzjoni u jagħmilha waħda mill-aktar importanti fil-pajjiż li taħdem b’riżq it-tfal bi bżonnijiet speċjali.
Josie hu b’saħħtu finanzjarjament imma jirnexxielu jżomm profil baxx u ma jagħtix daqstant fil-għajn minkejja li joħorġu ċerti konflitti ta’ interess mill-attivitajiet tiegħu, fosthom il-mod ta’ kif jipproġetta l-filosfija tiegħu b’appoġġ għal min hu batut fis-soċjetà.
F’Marzu tas-sena li għaddiet Josie reġa’ taha għall-politika billi waqqaf front biex ikkontesta l-elezzjonijiet għall-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn tant li nieda manifest u programm elettorali.
Hu kien elett fil-Kunsill ta’ Wied il-Għajn f’isem il-Grupp Indipendenti Marsascala. F’dik l-elezzjoni, Josie rnexxielu, għal darb’ oħra, li jaħsad kemm lill-PN kif ukoll lill-MLP minkejja l-ħidma tagħhom ta’ bsaten fir-roti.
Josie akkwista 15 fil-mija tal-voti f’Wied il-Għajn, riżultat li xpruna lill-istess Josie li jirkeb fuq il-fatt li madwar il-pajjiż teżisti apatija fost l-elettorat lejn iż-żewġ partiti l-kbar.
Min hu midħla tat-tabib jafu bħala viżjonarju li bis-saħħa ta’ l-influwenza tiegħu wara tant snin ta’ ħidma f’kull qasam, kapaċi jkun hu għal darb’oħra l-kenn għall-ħafna votanti mkidda u mxebbgħa.
L-aħbar li Josie Muscat beħsiebu jwaqqaf partit politiku ġdid għandha taħsad l-aktar lill-PN, tant li minn stħarriġ fost l-opinjoni pubblika li diġà għamel Josie stess, il-kalkoli juru li kapaċi jisraq medja ta’ bejn tlieta u ħamsa fil-mija tal-voti.
Għal darb’ oħra Josie kapaċi jkun ix-xewka għall-PN!

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt