17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Cars ta’ Disney għal taħt is-siġra tal-Milied

Il-film animat ta’ Disney, Cars, seraq il-qlub tas-subien u l-bniet tant li taħt is-siġra tal-Milied din is-sena ħafna qed jistennew li jsibu xi mudell ta’ dawn il-karozzi ħelwin li fil-cartoon jgħixu f’dinja mmexxija mill-karozzi.
Madankollu jista’ jagħti
l-każ li wħud mit-tfal joħorġu diżappuntati għax
l-ammont ta’ ġugarelli relatati mal-cartoon Cars li tqassmu fil-ħwienet kien ftit wisq u l-ħażna nħatfet mill-ewwel.
Sid il-Kingsway Store qal li għalkemm it-talba għall-affarijiet tal-Cars kienet kbira, il-ħażna li tqassmet fil-ħwienet kienet żgħira. Iżda lil hinn minn dan l-argument, żied jgħid li bil-kontra ta’ dak li kien jiġri qabel illum il-bejgħ tal-ġugarelli sar jieqaf ma’ l-età ta’10 snin.
“L-età tal-ġugarelli naqset. Illum tifel ta’10 snin ikun irid mobile mhux ġugarell,” sostna s-sid tal-Kingsway Store, wieħed mill-ħwienet antiki tal-ġugarelli fil-Belt.
Kelliem għall-ħanut K Hobbies ukoll kien ta’ l-istess fehma. Però żied jgħid li meta t-tfal jibdew jitfarfru t-tip ta’ bejgħ jinbidel mhux jieqaf. Jinxtraw iktar board games bħal Monopoly.
Mat-tfal iż-żgħar, ta’ bejn is-sentejn u l-erba’ snin, għadhom popolari il-karattri ta’ Barney u Winnie the Pooh.
Kelliem għall-Pedigree Toy Shops tenna li apparti l-karozzi Cars, “li diġà spiċċaw” minn fuq l-ixkafef qed jinbiegħu wkoll il-pupi Bratz u ġugarelli oħra klassiċi bħal Barbie, Playmobil u Lego.
U biex iżommu l-pass mal-bdil fis-suq dawn il-ġugarelli klassiċi saru joħorġu verżjonijiet moderni bħall-Bionicles tal-Lego u edizzjonijiet limitati ta’ aċċessorji ta’ Barbie biex iktar iħajru lit-tfal.
Min-naħa tagħhom il-Junior’s Toy Shop raw bejgħ għoli fil-Lego u l-V-Smile li hi logħba edukattiva tal-kompjuter li mid-dehra jimxu ħafna għax huma jolqtu l-gosti tal-bniet u s-subien.
Jekk qatt ma kien hemm dubju dwar l-influwenza tat-televixin fuq it-tfal dan jista’ jindifen. Il-karattri televiżivi tar-Wrestling qajmu interess kbir fit-tfal b’mod partikolari fis-subien f’din l-aħħar sena u nofs li l-ġugarelli tagħhom inbiegħu bħal pastizzi.
Minn dak li qalulna l-bejjiegħa tal-ħwienet uħud mill-ġenituri jieħdu ’l uliedhom magħhom biex jaraw x’jixtiequ ħalli mbagħad ‘iġibilhom ir-rigal’ Father Christmas. Però n-norma hi li l-ġenituri jixtru mingħajr il-preżenza tat-tfal għax xorta waħda jkunu jafu xi jridu. Xewqat it-tfal spiss huma influwenzati minn karattri jew films tat-televiżjoni, inkluż ir-riklami.
Fil-fatt il-bqija tal-ġugarelli li ssemmew bħal Bob the Builder, Spongebob Squarepants, Baby Anabelle, Dora the Explorer u Cicciobello huma kollha ġugarelli li spiss narawhom fir-riklami jew huma karattri minn programmi tat-televixin.

fpulis@mediatoday.com.mt

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt