17 ta' Diċembru 2006
Programm imħassar mingħajr spjegazzjoni
Karl Stagno-Navarra
Il-programm Bondiplus li seta’ ttratta r-rapport ivvintat ta’ Joe Zahra fuq il-kuntratt tat-tagħmir mediku għall-isptar Mater Dei mhux se jsir kif ippjanat nhar it-Tlieta li ġej iżda r-raġuni għalfejn kien kanċellat il-programm baqgħet mhux magħrufa.
L-eks ministru John Dalli irrifjuta l-istedina li saritlu minn Bondì biex jattendi għall-programm.
Lou Bondì l-bieraħ irrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta dwar ir-raġuni għalfejn tħassar il-programm Bondiplus li skond ir-riklami li laħqu xxandru fuq TVM kellu jittratta l-każ ta’ Joe Zahra u John Dalli.
“M’għandix xi ngħidlek,” sostna Lou Bondì malli għamilna kuntatt miegħu kmieni l-bieraħ wara nofsinhar. Hu akkuża lil din il-gazzetta li rrekordjatu biex ikkwotatu fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd li għadda.
Din il-gazzetta qatt ma rrekordjat lil Bondì u meta l-bieraħ ippruvat tistaqsih dwar il-programm kanċellat hu sostna li ma kellu xejn xi jgħid filwaqt li qata’ t-telefon.
Il-programm kellu jitratta l-każ ta’ John Dalli fejn Joe Zahra kien allega tixħim fl-għoti ta’ kuntratt multi-miljunarju għall-Isptar Mater Dei u li kien għadda f’idejn il-Prim Ministru Lawrence Gonzi mingħand l-avukati Raphael Fenech Adami u Joe Fenech f’isem il-kumpannija Olandiża Simed.
Ir-rapport ivvintat kien implika lil diversi persuni f’xibka ta’ tixħim u kien twassal għand il-Prim Ministru ġimgħat qabel ir-riżenja ta’ John Dalli mill-kariga ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin fl-2004.
Filwaqt li fl-interrogazzjoni tiegħu fid-Depot tal-Pulizija Joe Zahra ammetta li kien ivvinta l-istorja kollha ta’ tixħim, il-Qorti imponietlu sentenza ta’ sentejn priġunerija u interdizzjoni għal ħames snin.
Zahra, li appella mis-sentenza, kien il-“konsulent investigattiv” tal-programm Bondiplus u bħalissa jmexxi restorant fil-kumpless fejn topera l-kumpanija awdjo-viżiva Where’s Everybody.
F’kummenti li kien ta lill-Istampa, John Dalli ma qagħadx lura milli jikkritika lill-kumpanija Where’s Everybody.
Sadanitant sar magħruf li l-filmati ta’ intervista li saret lil John Dalli waqt il-programm Viċi Versa li xxandar fuq One TV xi ġimgħat ilu intalab mit-tim ta’ produzzjoni ta’ Bondiplus.
Kien nhar il-Ġimgħa li għadda meta deher ċar li Bondiplus dwar il-każ Joe Zahra ma kienx se jixxandar, li r-riklam tal-programm inbidel u beda jippromwovi suġġett ieħor, dak dwar l-Arċisqof il-ġdid.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt