17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Hu tajjeb li titwieled f’Malta

Kurt Sansone

Ir-rata ta’ mwiet fost tfal taħt il-ħames snin naqset kważi bin-nofs bejn l-1990 u s-sena li għaddiet, ċifra li tpoġġi lil Malta fost l-aqwa pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa tat-tfal.
In-Nazzjonijiet Uniti din il-ġimgħa ppubblikat ir-rapport annwali tagħha fuq is-saħħa u l-kundizzjonijiet ta’ ħajja tat-tfal madwar id-dinja.
Malta tiġi fil-pożizzjoni 161 jew ir-raba’ post fost il-pajjiżi bl-inqas rata ta’ mwiet għal tfal taħt il-ħames snin.
Fl-istess pożizzjoni ta’ Malta hemm ukoll fost l-oħrajn l-Ingilterra, l-Irlanda, il-Kanada u l-Awstralja.
Il-pajjiżi fejn l-inqas imutu tfal huma s-Singapor, San Marino, l-Islanda u l-Andorra li flimkien jaqsmu l-ewwel post fil-pożizzjoni 190.
L-istatistika turi li fl-1990 Malta kellha rata ta’ mwiet ta’ tfal taħt il-ħames snin li tlaħħaq il-11. Ħmistax-il sena wara r-rata niżlet għal sitta.
Fost tfal taħt is-sena, ir-rata niżlet minn disgħa fl-1990 għal ħamsa fl-2005.
F’dik is-sena f’Malta kien hawn madwar 4,000 wild.
Inqas fortunati huma t-tfal li jitwieldu fi Sierra Leone fl-Afrika. F’dan il-pajjiż li kien mifni bi gwerra ċivili sa ftit taż-żmien ilu kellu rata ta’ mwiet li tlaħħaq il-282. Huwa l-iktar pajjiż fid-dinja li rreġistra mwiet fost tfal taħt il-ħames snin.
Eżatt warajh hemm pajjiż ieħor Afrikan, l-Angola, u warajh l-Afganistan
.

Rata ta’ mwiet taħt il-5 snin*
Pożizzjoni u Pajjiż
1: Sierra Leone
2: Angola
3: Afganistan
4: Niger
5: Liberja
6: Somalja
7: Mali
8: Chad
9: Kongo, Guinea Ekwatorjali

156: Stati Uniti, Polonja, Estonja, Kuba, Kroazja
161: Renju Unit, New Zealand, Malta, Iżrael, Irlanda, Kanada, Awstralja
168: Żvizzera, Spanja, Portugall, Olanda, Monaco, Lussemburgu, Korea t’Isfel, Greċja, Ġermanja, Franza, Danimarka, Ċipru, Belġju, Awstrija
182: Żvezja, Slovenja, Norveġja, Liechtenstein, Ġappun, Italja, Finlandja, Repubblika Ċeka
190: Singapor, San Marino, Islanda, Andorra

* Minn fuq għal isfel: l-iktar disa’ pajjiżi fejn imutu tfal taħt il-ħames snin u l-pajjiżi fejn imutu l-inqas

Storja ta’ żewġ pajjiżi

Ħafna drabi huwa diffiċli li nifhmu għaliex l-immigranti li jaslu fi xtutna fuq xi ċattra jitilqu minn pajjiżhom. Ħarsa lejn l-istatistika tan-NU fuq l-istat tas-saħħa tat-tfal madwar id-dinja malajr tagħtina tweġiba. Din il-gazzetta qed tqabbel ir-riżultati ta’ Malta ma’ dawk tas-Somalja, pajjiż li minnu jitilqu eluf ta’ immigranti u li wħud minnhom jispiċċaw ukoll f’pajjiżna bi żball.

Pożizzjoni
Malta – 161
Somalja – 6

Rata ta’ mwiet
Taħt-il 5 snin
Malta - 6
Somalja - 225

Taħt is-sena
Malta – 5
Somalja – 133

Tat-twelid
Malta – 5
Somalja - 49

Imwiet taħt il-5 snin fl-2005
Malta – 0
Somalja – 82,000

Kemm hi mistennija li tgħix tarbija
Malta – 79 sena
Somalja – 47 sena

Dħul ras għal ras
Malta – Lm4,300
Somalja – Lm42

Opri misruqa minn Malta misjuba fl-Italja

Karl Stagno-Navarra

Wiċċ ta’ l-irħam antik ta’ żmien il-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann li kien insteraq minn Malta nstab f’Ruma nhar l-Erbgħa li għadda waqt operazzjoni tal-Pulizija Taljana li matulha kienu arrestati 35 persuna marbuta ma’ traffikar ta’ opri ta’ l-arti misruqa.
Filwaqt li ma ngħatawx ħafna dettalji dwar l-opri ta’ l-arti misruqa li nstabu l-Pulizija Taljana qalet li kienet l-irħama misruqa minn Malta li nstabet f’ħanut ta’ l-antikwarjat f’Ruma li tat bidu għall-investigazzjonijiet li nfirxu f’Napli u li kixfu xibka ta’ persuni nvoluti fit-traffikar ta’ l-opri ta’ l-arti misruqa.
Jirriżulta li l-organizzazzjoni kollha kienet taħdem minn Arzano fil-provinċja ta’ Napli.
L-inkjesta, immexxija mill-Maġistrat Nunzia D’Elia, wasslet biex instabu ħafna pitturi, statwi u skulturi li jmorru lura għas-sekli 17 u 18.
Il-Pulizija Maltija hi rappurtata li qed tgħin fl-investigazzjonijiet li huma mmexxija mill-Pulizija Taljana.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt