17 ta' Diċembru 2006
Investigati lmenti dwar tariffi ogħla tal-HSBC
Julia Farrugia
L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, qed tinvestiga numru ta’ lmenti li rċeviet wara li l-Bank HSBC għolla t-tariffa biex jissarrfu ċ-ċekkijiet tal-pensjoni u
ċ-ċekkijiet oħra maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Fil-jiem li għaddew l-HSBC daħħal sistema li biha eluf ta’ anzjani u persuni oħra li jmorru jsarrfu kull tip ta’ ċekk maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta jkollhom iħallsu Lm2 jekk ma jkollhomx kont ma’ l-istess bank. It-tariffa sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet ta’ 50 ċenteżmu.Minn tagħrif kkonfermat mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali jirriżulta li f’pajjiżna hawn 64,442 persuna li tirċievi flus tal-pensjoni. Dawn ivarjaw minn pensjoni ta’ l-irtirar sa pensjoni tar-romol u pensjonijiet oħra mhux kontributorji.
Huwa konfermat li minn dawn il-benefiċċjarji kollha, 27,680 persuna jirċievu l-pensjoni b’ċekk filwaqt li l-oħrajn jirċievu l-flus b’mod dirett f’kont bankarju. Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta wkoll li 18,600 huma anzjani.
Apparti dan jirriżulta wkoll li ma’ dawn is-27,680 persuna milquta hemm ukoll għadd ta’ nies oħra li jirċievu ċ-ċekkijiet tac-children’s allowance.
Ġimagħtejn wara li din il-gazzetta staqsiet lill-HSBC għadd ta’ mistoqsijiet dwar din il-miżura, il-bank sostna li: “ l-HSBC żied it-tariffa sabiex ikun jista’ joffri servizz aħjar lill-klijenti tal-HSBC għax inkella dawn il-klijenti tagħna jkollhom idumu biex jinqdew minħabba kjuwijiet ta’ nies li m’humiex klijenti tagħna.”
L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji kkonfermat ma’ illum li teknikament m’hemmx bżonn l-approvazzjoni ta’ l-MFSA qabel bank iżid dawn it-tip ta’ tariffi. Madankollu huwa fid-dmir ta’ l-Awtorità li tippromwovi prattiċi ta’ kompetizzjoni ġusta u l-għażla għall-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji. Huwa wkoll f’dan l-ispirtu li l-MFSA tgħid li “hemm banek li ma jiċċarġjaw l-ebda tariffa għat-tisrif taċ-ċekkijiet tal-pensjoni”.
L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji turi dan fuq is-sit elettroniku tagħha b’tabelli komparattivi li bihom il-konsumatur jista’ jqabbel it-tariffi u s-servizzi offruti minn banek differenti.
Fl-2002 l-MFSA kienet investigat ukoll l-atteġġjament tal-HSBC meta dak iż-żmien dan il-bank kien introduċa għall-ewwel darba tariffi ġodda għal numru ta’ servizzi li qabel kienu mogħtija b’xejn. F’dik is-sena l-Awtorità kienet talbet lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta biex jinvestiga fost l-oħrajn it-tariffa ġdida fuq it-tisrif taċ-ċekkijiet.
Dak iż-żmien l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta kien wasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm ksur tal-provvedimenti ta’ l-Att dwar il-Kompetizzjoni.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt