17 ta' Diċembru 2006
Qed iberraq għall-Holiday Inn
Karl Stagno-Navarra
Il-ħaddiema tal-lukanda Crowne Plaza f’Tignè rċevew il-pagi għal dan ix-xahar, meta matul dawn l-aħħar jiem kienu rappurtati li saru diversi laqgħat bejn il-Gvern u l-imprenditur George Muscat li b’offerta ta’ Lm23 miljun intgħażel biex jixtri, iwaqqa’ u jiżviluppa ż-żona magħrufa bħala l-Holiday Inn u l-Forti Cambridge.
Il-pagi tħallsu nhar il-Ħamis li għadda minkejja li l-istess George Muscat qal lill-gazzetta Business Today nhar l-Erbgħa li għadda li kien waqaf iħallas b’madwar Lm50,000 f’pagi lill-ħaddiema tal-post wara li rreġistra nuqqas ta’ qbil mal-Gvern fuq punti mill-ftehim oriġinali.
Fi kliem George Muscat, “il-ħaddiema qatt ma kienu problema hekk kif l-ispiża tagħhom kienet ilha kalkulata waqt li kienet qed titħejja l-offerta.”
Il-kwistjoni mal-Gvern qamet nhar it-30 ta’ Novembru li għadda meta George Muscat ma resaqx għall-kuntratt finali fuq l-offerta tiegħu ta’ Lm23.3 miljun li wassal biex tilef il-Lm100,000 garanzija li kien rabat magħha.
Filwaqt li George Muscat qal li qed ikollu laqgħat mal-Gvern, il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg, li hu responsabbli mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet, spjega l-bieraħ li hu ma ltaqax ma’ l-iżviluppatur u żied li kif hu mitlub skond ir-regolamenti, “ladarba Muscat ma resaqx għall-kuntratt, dan ifisser li jitlef il-garanzija u l-Gvern jikteb lil min kien it-tieni u t-tielet fil-lista ta’ l-offerti.”
Tonio Borg, li spjega li l-kwistjoni li għandu George Muscat hi marbuta mat-tip ta’ żvilupp li jrid jagħmel f’Tignè flok il-lukanda eżistenti li kienet proprjetà ta’ l-Air Malta, qal iżda li “kollox jinsab f’idejn George Muscat biex jikkonkludi.”
“Il-Gvern jippreferi li jikkonkludi ma’ Muscat li aċċetta l-kundizzjoni importanti li jżomm lill-ħaddiema.”
Sadanittant kull żvilupp qed ikun segwit mill-General Workers’ Union b’riżq l-aħjar interess tal-ħaddiema, li skond il-ftehim oriġinali, l-iżviluppatur għandu jħallas u jieħu miegħu lill-ħaddiema sa l-età ta’ l-irtirar.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt