17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Josie b’partit ġdid fil-komma

Karl Stagno-Navarra

Laqgħat għal attivisti f’lukanda f’San Ġiljan, flimkien ma’ ikliet privati ma’ kandidati prospettivi, huma fuq l-aġenda ta’ l-eks Deputat Nazzjonalista Josie Muscat li hu rappurtat li qed jikkunsidra attivament li jwaqqaf partit politiku ġdid.
Hemm għadd ta’ persuni li diġà avviċinawhom biex jimmiltaw f’dan il-partit ġdid fosthom l-eks kandidat Laburista Alfred Mifsud li iżda ma aċċettax. Persuna oħra li esprimiet l-appoġġ għal Josie Muscat hu l-imprenditur Anglu Xuereb.
L-ekonomista u eks kandidat Laburista Alfred Mifsud ikkonferma ma’ din il-gazzetta li ntalab minn Josie Muscat biex jimmilita fi ħdan il-partit politiku ġdid li beħsiebu jwaqqaf.
“Iva, ġejt avviċinat iżda ma stajtx naċċetta għall-fatt li diġà għamiltha ċara pubblikament li ma kontx se ninvolvi ruħi aktar fil-politika, għajr li nikteb fil-gazzetti fuq dak li nħoss,” ikkummenta Alfred Mifsud.
Iżda filwaqt li Josie Muscat għażel li jwieġeb biss “la niċħad u lanqas nikkonferma” dwar il-ħsieb tiegħu għat-twaqqif ta’ partit politiku ġdid, żied jgħidilna li “xejn m’hu konkret”.
Josie Muscat, li jibqa’ magħruf għar-rwol militanti tiegħu fis-Snin 80 permezz tal-Front Freedom Fighters (FFF) meta kien Deputat tal-PN, ma ċaħadx lanqas li diġà saru laqgħat għal “attivisti” li ddikjaraw li huma lesti li jgħinuh fil-proġett politiku l-ġdid tiegħu.Għalkemm sostna li ma kienx għadu jaf bil-ħsieb ta’ Josie Muscat, l-imprenditur Anġlu Xuereb, li f’Marzu li għadda ddikjara l-appoġġ tiegħu lil Josie Muscat li kkontesta bħala kunsillier indipendenti fuq Wied il-Għajn, ikkummenta ma’ Illum:
“Il-pajjiż jeħtieġ partit ieħor. Nappoġġja l-iniżjattiva għal partit indipendenti fejn naraw persuni b’mentalità ġdid,” qal Anġlu Xuereb.
Mistoqsi speċifikament għall-opinjoni tiegħu fuq Josie Muscat sostna, “jogħġobni ħafna. Jogħġobni kif jaħseb u nemmen li ħaqqu kull appoġġ għal dak kollu li għamel u li għadu qed jagħmel” temm jgħid Anġlu Xuereb.
Josie Muscat hu tabib popolari, sid ta’ sptarijiet privati u fundatur tal-Fondazzjoni Eden. Fl-elezzjoni lokali ta’ Marzu li għadda, Muscat kien ukoll ikkontesta f’Wied il-Għajn flimkien mal-Grupp Indipendenti Marsaskala. Muscat kien elett f’dik l-elezzjoni u ġab 465 vot fl-ewwel għadd.
Matul dawn l-aħħar xhur Josie Muscat hu rappurtat li diġà għamel il-kalkoli elettorali tiegħu, jekk fl-aħħar jasal biex iħabbar id-deċizjoni li jwaqqaf b’mod formali partit politiku ġdid .
Nies viċin tiegħu spjegaw li fost l-affarijiet li qed ikunu kalkulati hemm stħarriġ fost l-opinjoni pubblika li juri li bħalissa f’Malta hemm 17 fil-mija ta’ l-elettorat li hu mdejjaq kemm mill-PN kif ukoll mill-MLP.
Josie Muscat innifsu nstema’ jgħid li f’elezzjoni ġenerali partit ġdid b’politika alternattiva għaż-żewġ partiti, “kapaċi jikseb bejn ħamsa u tmienja fil-mija tal-voti”.
Aktar minn hekk, il-parti l-kbira tal-voti mistennija jiġu minn fost il-votanti tradizzjonali Nazzjonalisti.
Fost dawk rappurtati li qed ikollu rwol importanti wara l-kwinti fil-ħolqien tal-partit il-ġdid ta’ Josie Muscat hemm George Tabone, il-preżentatur tal-programm fuq Smash TV ‘B’Kull Dritt’.
“Josie hu bniedem serju, rett u ta’ l-affari tiegħu. Hu liberali aktar milli konservattiv, u jemmen bis-sħiħ li quddiem id-dekadenza fil-prinċipji taż-żewġ partiti ewlenin, jista’ jagħmel id-differenza billi jreġġa’ l-arloġġ lura għal dak li huma t-tradizzjonijiet magħrufa mal-Maltin,” sostna George Tabone fil-kummenti tiegħu ma’ din il-gazzetta.
Filwaqt li George Tabone baqa’ fommu sieket dwar ir-rwol tiegħu fil-proġett ta’ Josie Muscat, sostna “jien issibni fejn ikun hemm minn joffrili kenn politiku għall-ideali tal-lemin tiegħi.”
Fi kliem George Tabone, “jien Nazzjonalist iżda fil-verità ma nagħrafx aktar il-politika tal-PN bħala tiegħi għall-fatt li matul is-snin rajt xaqliba lejn iċ-centru lemin”.
Sadattant, b’rabta mal-ħsieb ta’ Josie Muscat li jwaqqaf partit politiku ġdid, bħalissa hemm diversi fora fuq l-internet li qed jesponu opinjonijiet u kummenti ta’ appoġġ favur Josie Muscat.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt