17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Hawn Malta mara tilgħab il-futbol għax tkun verament tħobbu – Rebecca D’Agostino

Ikolli nammetti, għalkemm jien iffissat fuq il-logħba tal-futbol, il-kampjonat tan-nisa u t-tim Nazzjonali tagħna ftit li xejn jien familjari miegħu. Fejn jidħlu plejers femminili, taqta’ għal xi isem ’l hawn u ’l hemm, qatt ma smajt bihom.
It-tim Nazzjonali tan-nisa segwejtu xi ftit, imma tgħidulix ma’ min tilgħab dik u ma’ min tilgħab l-oħra. Lanqas il-wiċċ tal-persuni nvoluti ma naf ħafna. Plejer femminili trid tieqaf tkellimni hi għax il-bqija nibqa’ għaddej u ma nobsorx li tkun plejer tat-tim Nazzjonali.
Imma fil-ftit drabi li kont xogħol nirrapporta xi logħba tat-tim Nazzjonali bqajt ma nsejt qatt ismijiet bħal Chantal Fenech, Marisa Deguara u Rebecca D’Agostino. S’hemmhekk nasal! Il-bqija naf biss lil Pierre Brincat bħala eks plejer ta’ Floriana u llum il-kowċ tat-tim Nazzjonali li rnexxielu jifforma grupp b’għaqda formidabbli bejn il-plejers kollha.
Lill-captain tat-tim Nazzjonali, Rebecca D’Agostino bqajt niftakarha sew għax il-ftit li segwejtha mpressjonatni bil-kbir. Fir-rwol ta’ libero, Rebecca tispikka bil-kalma tagħha fil-qalba tad-difiża ta’ dan it-tim. Madankollu wieħed jammiraha għas-sens li għandha bil-ballun li fl-opinjoni tiegħi jiddistingwiha bħala l-aqwa plejer femminili li għandna Malta fil-logħba tal-futbol.
Iltqajt magħha m’ilux u meta staqsejtha x’taħseb dwar dan kollu ma qablitx miegħi.
“Jien ma ngħidx bħalek. Għalija l-aqwa plejer ta’ Malta hija Dorianne Theuma tal-Hibs. Niftakar li meta lgħabna Verona riduha tibqa’ hemmhekk u kulmeta nilagħbu mal-barranin dejjem lilha jsemmu. Dorianne tista’ tilgħab f’kull kampjonat ieħor fl-Ewropa fejn trid hi. Hemm plejers oħra li jippromettu ħafna bħal Ylenia Carabott. Kull plejer għandha t-tajjeb u l-ħażin tagħha. Imma ma naħsibx li jien l-aqwa plejer ta’ Malta.”
Rebecca D’Agostino twieldet fil-15 ta’ Ottubru 1982 u hija tewmija ma’ Carlos u r-raba’ jew il-ħames wild ta’ Alfred u Lina. Ħutha l-kbar jisimhom Maronia, Fiona u Erika. Hija wkoll neputija ta’ tnejn, Tristan u Thea.
“Jien persuna sempliċi. Dejjem kont imdawra bl-isport. Bħalissa qed ngħallem il-Malti fl-iskola San Anton. F’ħajti l-familja, l-isport u l-aktar persuni qrib tiegħi jiġu l-ewwel u qabel kollox.”
Mill-ewwel tinduna li Rebecca hija mara mpenjata ħafna f’ħajjitha. Insaqsiha kif jirnexxilha tlaħhaq ma’ dan kollu.
“Ftit ilu kont aktar impenjata mill-preżent għax kont nipprattika l-handball u n-netball ukoll. Qatt ma sibt daqshekk problemi biex inlaħħaq ma’ kollox. Dejjem ippjanajt l-affarijiet minn qabel. Jien nemmen li kull persuna jekk tippjana l-affarijiet tagħha sew tlaħħaq ma’ kulma tkun trid tagħmel f’ħajjitha.”
Hawn ħafna f’pajjiżna li għadhom jemmnu li l-logħba tal-futbol hija waħda maskili u jaraw stramb il-fatt li mara tipprattika dan l-isport.
“Jien ma nagħtix kas li ħafna jgħidu hekk għax la hi xi ħaġa li nħobb nagħmel u għandi l-appoġġ tal-familja tiegħi, se nibqa’ nagħmilha. Fit-tim Nazzjonali tagħna hemm plejers bħal Tessie Muscat li din miżżewġa b’tifla u qatt ma sabitha problema biex tkompli mat-tifla u tiġi għat-taħriġ magħna. L-idea li l-futbol hu sport ta’ l-irġiel inbidlet ħafna maż-żmien. F’Malta għadna xi ftit lura fil-mentalità imma nassigurak li f’pajjiżi oħra l-futbol hi logħba femminili wkoll. Għalija l-futbol hu sport tan-nisa daqs kemm hu ta’ l-irġiel.”
Il-faxxa tal-captain hija responsabbiltà għal kulmin iġorrha fuq idu x-xellugija. Nissoponi li għal Rebecca, dan il-piż jinħass ukoll.
“Irrid inkun sinċiera u ngħid li ma nħossnix differenti minn sħabi. Però huwa vera li nkun minn ta’ l-ewwel biex l-iċken problemi li jkollna nirranġahom bl-għajnuna ta’ kulħadd. Il-faxxa ma tagħmlekx plejer ’il fuq mill-kumplament. Għandi relazzjoni mill-aqwa ma’ Tasha Pace, Dorianne Theuma u Maria Azzopardi.”
Imma fil-verità, fil-futbol femminili, kemm għadna lura bħala nazzjon meta mqabbla mat-timijiet l-oħra? Rebecca tkompli…
“Sa tliet snin ilu kont waħda minn dawk li bdejt ngħid li hemm baħar jaqsam bejna u bejn timijiet oħra. Imma f’dawn l-aħħar tliet snin għamilna pass tajjeb ’il quddiem, anke mil-lat ta’ riżultati. Fl-ewwel kompetizzjoni tagħna konna qlajna `l fuq minn 30 gowl. Is-sena l-oħra naqqasna ħafna minnhom u l-aktar importanti hu li f’dawn l-aħħar sitt logħbiet skurjajna dejjem. Ninsabu fit-triq it-tajba.”
Minn tant partiti li lagħbu s’issa, hemm xi waħda partikolari li għal Rebecca u sħabha ma tintesa qatt?
“Kuntenta ħafna bir-riżultat ta’ l-aħħar logħba kontra l-Litwania li spiċċajniha 0-0. Imma meta niftakar fil-logħbiet kollha, tibqa’ f’moħħi dik ta’ kontra l-Irlanda li tlifna 5-0. Hawn Malta konna qlajna disgħa u morna hemmhekk imbeżzgħin li stajna naqilgħu aktar. Konna lgħabna bħala tim wieħed u rranġajna ħafna żbalji li wettaqnha f’pajjiżna. Inħoss li minkejja t-telfa, morna tajjeb xorta waħda.”
Imma hija aktar minn logħba waħda dik li baqgħet f’moħħha b’mod negattiv.
“Bla dubju kontra l-Irlanda 9-0. Ma qbadniex art. Imma l-aktar li jiddispjaċini kienet kontra l-Lussemburgu 4-2. Sa l-aħħar kwarta konna qed nirbħu 2-0 u f’daqqa waħda qlajna erbgħa. Ma ninsiex anqas ta’ kontra l-Bosnija. Tlifna 1-0 u qlajna l-gowl fl-aħħar 5 minuti. Konna għamilna logħba tajba ħafna u ma kien ħaqqna nitilfu qatt. Għandna plejers li għandhom esperjenza vasta imma esperjenza biżżejjed ta’ livell internazzjonali ma naħsibx li għandna. F’partiti bħal dawn trid tkun konċentrata tul id-90 minuta. L-anqas żball jikkastigak.”
Interessanti li wieħed isir jaf x’relazzjoni hemm bejn il-plejers u l-kowċ Pierre Brincat. Rebecca ma taħbix il-fatt li tara fi Pierre il-kowċ ideali biex ikompli jmexxi t-tim għas-snin li ġejjin.
“Minn dejjem kont ċerta li Pierre għandu l-karatteristiċi ideali biex ikun il-kowċ Nazzjonali tagħna. Bħala kowċ jogħġobni ħafna u hemm relazzjoni ta’ ħbiberija kbira bejnu u bejna l-plejers. Il-mara tiegħu tgħinu ħafna u ġieli kien hemm affarijiet li bejnietna ma qbilniex. Imma dejjem spjegalna l-affarijiet mil-lenti ta’ kowċ. Hu jgħid li aktar għal qalbu jmexxi tim tan-nisa milli ta’ l-irġiel.”
Qatt ma bsart li bejn it-tim Nazzjonali ta’ l-irġiel u tan-nisa m’hemm relazzjoni ta’ xejn.
“Naf ftit lil Gilbert Agius għax jiġi xi ħaġa minn ommi imma m’hemmx dawk il-plejers li niltaqa’ magħhom u nkellimhom jew inkella li noħorġu bħala grupp.”
Indawrilha d-diskors fuq il-kampjonat domestiku. Personalment inħoss li huwa kampjonat falz, fejn Hibernians dejjem jiddominaw u spiss tara riżultati farseski favur tagħhom. Il-għala l-Hibs huma daqshekk superjuri fuq il-kumplament?
“Bla dubju huma l-aktar tim komplut u magħqud. Ma jfissirx li ma jistgħux jitilfu. Għadhom kif tilfu ma’ Birkirkara 3-1. Naħseb bħala livell ta’ plejers iż-żewġ naħat huma ta’ l-istess livell. Hibernians jafu aktar lil xulxin u forsi hawnhekk fejn toħroġ id-differenza bejn it-tnejn.”
Allura x’kienet ir-raġuni li Rebecca kienet ma’ Birkirkara u marret ma’ Melita?
“Ma’ Birkirkara kien hemm in-nuqqasijiet. Kien hemm ċerti problemi li bdew idejquni. Wara kull partita kien qed ikollna laqgħa fuq oħra. Mort ma’ Melita għax Tasha hija ħabiba kbira tiegħi. Il-klabb hu aktar seren u trankwill u ninsab għal qalbi ħafna.”
Tiġini f’moħħi mill-ewwel jekk hux veru dak li nisma’ li hawn Malta fil-futbol tan-nisa l-kelma flus ma teżistix.
“Għandek raġun għax hawn Malta mara tilgħab il-futbol għax tkun verament tħobbu. Anzi, ġieli morna għat-taħriġ waqt il-ħin tal-partiti tal-Premier u jkollna nħallsu talli nipparkjaw il-karozza tagħna.
“Darba ma ninsiha qatt. Konna spiċċajna mit-taħriġ u kien hemm logħba tajba tal-Premier. Kien għad fadal xi 20 minuta biex tintemm u anqas temmen jekk ngħidlek li riduna nħallsu biex nidħlu. Vera li fuqna ma kellniex il-card imma setgħu jarawna li konna bit-tracksuit tat-tim Nazzjonali. Ma dħalniex għax ma kienx konvenjenti.
“Aħna qatt ma tlabna biex nitħallsu imma t-tim ta’ l-irġiel jieħdu bonuses tajbin jekk jieħdu xi draw jew rebħa u aħna l-flokkijiet li nilagħbu bihom nirritornawhom wara kull partita. Nixtieq kieku almenu jkollna nċentiv żgħir fix-xahar li jkopri l-petrol u affarijiet oħra ta’ bilfors bħal żarbun tal-futbol.
“Niftakar darba tlajna Għawdex bħala tim Nazzjonali biex nilagħbu partita ta’ ħbiberija hemmhekk u kellna nħallsu kollox aħna. S’issa minn daqstant logħbiet, darbtejn biss li niftakar li żammejna l-flokk.
“Inħoss li bħala tim Nazzjonali tan-nisa daqsxejn minsijin. Il-logħba tal-Bosnija, li hija waħda storika għax fiha ġibna l-ewwel punt, anqas għandna filmat tagħha biex tibqa’ memorja. Nixtieq ukoll li nilagħbu l-logħbiet tal-kampjonat fuq il-ħaxix u mhux fuq wiċċ sintetiku. Dan jgħin ħafna lill-plejers tat-tim Nazzjonali għax fix-xena internazzjonali dejjem sibna ħaxix u b’hekk inkunu nistgħu nidraw l-art aktar ta’ spiss.”
Huma diversi dixxiplini sportivi li jgergru li ma jingħatawx spazju biżżejjed fil-media. Il-futbol tan-nisa f’pajjiżna bħal donnu qed jiġbed is-simpatija tal-ġurnalisti Maltin aktar ma jgħaddi ż-żmien.
“Fil-bidu tagħna ma naħsibx li l-media kienet tagħtina wisq importanza. Meta konna nitilfu bi skor kbir, l-għada konna nsibu rapporti kbar ta’ kritika qawwija kontrina fil-gazzetti lokali. Imbagħad meta konna tlifna 1-0 biss mal-Bosnija, kulma kien hemm kienet nota żgħira li t-tim Nazzjonali Malti kellu wirja tajba. Tara affarijiet bħal dawn jiddispjaċik. Darba bdejna nsegwu partita tagħna fuq it-televiżjoni u l-kliem li qal ċertu kummentatur fuqna, tant kemm ma flaħnihx, kellna nbaxxu kompletament is-sound.”
Sibna ħin ukoll biex nitkellmu fuq il-gosti tagħha personali fejn jidħlu plejers u timijiet favoriti.
“Insegwi ħafna l-Furjana. Jien minn hemm, u bla dubju huwa t-tim ta’ qalbi. Bħala futbol barrani nħobb ħafna l-Ġermanja u l-Bayern Munich. Tims Taljani inħobb ħafna lil Fiorentina u l-Inter. Żgur li mhux il-Juventus.”
Nagħtiha ħarsa minn taħt il-għajn. Ma bsartx li anke Rebecca taf liema hu t-tim favorit tiegħi.
“Bħala plejer minn dejjem għoġbitni Maia Hamm. U bħalissa l-goalkeeper tal-Ġermanja hija l-favorita tiegħi.
“Bħala plejers Maltin maskili nħobb ħafna lil Mano Micallef, Trevor Cilia, Justin Haber u Gilbert Agius. Il-barrani preferut tiegħi hu Hernan Crespo.”
Kien sar il-ħin. Insaqsiha tħossx li għandha tirringrazzja lil xi ħadd li għenha b’mod partikolari f’ħajjitha.
“Nixtieq nirringrazzja lill-familja kollha tiegħi u lil dawk in-nies l-aktar għal qalbi f’ħajti. Ma nistax ninsa persuni bħal George Micallef il-ġurnalist li bdejt il-karriera tiegħi miegħu. George bniedem serju u għeni ħafna fil-karriera. Ma nistax ninsa lil Pierre Brincat li kompla wera l-fiduċja tiegħu fija.”
mattard@mediatoday.com.mt

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt