17 ta' Diċembru 2006
Ivan Filletti mil-lenti ta’ oħtu Maronna
Ivan Filletti, magħruf fix-xena lokali għall-vuċi tiegħu kif ukoll għal improvisazzjonijiet li jħobb jagħmel waqt il-kunċerti. Is-sena l’għaddiet ħareġ l-album Somedays, bid-diski Fly u Who’s to Blame li nħarġu wkoll weħidhom. Fl-istess sena ħa l-premju ta’ l-aħjar solista fil-Bay Music Awards. Din is-sena kien support singer għal Marco Masini u Amadeo Minghi.
Maronna Filletti, oħt Ivan b’disa’ snin differenza. Bħalissa hi direttur tar-risorsi umani. Iddedikat ħafna żmien għal volontarjat f’pajjiżi tat-Tielet Dinja bħal Tijuana fi New Mexico, il-Kajr u l-Kenja. Bħalissa moħħha fix-xogħol, l-ivvjaġġar u li tieħu gost bil-ħajja.
Kif tħares lejn ħuk? Nammirah. M’aħniex familja ta’ kantanti u Ivan kien l-ewwel wieħed li ħadem u rnexxa fil-mużika. Anki l-fatt li mhux figlio d’arte, hu self-made u irnexxielu jżomm xogħol full-time apparti l-mużika. Qed iwettaq l-ambizzjoni tiegħu. Bħala familja jżommna żgħar. Il-ġenituri huma fit-tmeninijiet u għadhom iħobbu jmorru l-kunċerti tiegħu.
Idur lejk għal kritika fuq xogħlu? Iva, ħafna. Isaqsini għall-feedback ta’ xi diski. Ma jibżax mill-kritika basta tkun kostruttiva.
Xi bawxata li għamel meta kien għadu żgħir. Għamel żmien ried isir ġurnalist. Darba tela’ fuq il-bejt u beda jieħu xi ritratti ta’ nies li kienu sejrin għal meeting. Dawn ma tantx apprezzaw. Ġew iħabbtu d-dar tagħna jsaqsu għala kienu qed jinġibdu r-ritratti u saħansitra riedu jeħdulu l-kamera. Kienu żminijiet politikament jaħarqu u ma basrux li kien tifel ta’ 10 snin li qed jiġbed ir-ritratti.
X’kienet il-mużika li kien iħalli tidwi mad-dar kollha? Naħseb tal-Led Zeppelin kienet.
Għandu xi fissazzjoni? Iħobb ħafna kotba relatati ma’ mużika, storja ta’ Malta, marketing… Iħossu mitluf jekk ma jaqrax. Minbarra t-tfajla u l-mużika, il-kotba huma l-imħabba l-oħra ta’ ħajtu.
Qatt kien ikanta f’dawn il-ħafna festivals Maltin li jsiru biex it-tfal jikkompetu għal trofew? Qatt. Ommi u missieri qatt ma sfurzawna nagħmlu xi ħaġa.
Hemm xi ħaġ’oħra li tiġbdu apparti l-mużika? Ivan bniedem li jesperimenta ħafna. Sakemm ikkonċentra fuq il-mużika kellu xi ideat li jsir goalkeeper u anki kien iħobb juża ħafna t-2-way radio.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt