17 ta' Diċembru 2006
Aladin u t-Tifla tal-Granmastru fl-Istitut Kattoliku
It-Teatru Rjal għas-sitt darba tagħhom, wara sena preparamenti, bdew bil-pantomimi tagħhom ġo l-Istitut Kattoliku, din is-sena b’Aladin u t-Tifla tal-Granmastru. Ilbieraħ beda l-ewwel spettaklu b’Hector Bruno fil-parti prinċipali bħala d-dama Jasmine, bint il-Granmastru.
Din is-sena x-xenarju se jkun spettakolari aktar mis-snin ta’ qablu. Fil-fatt din is-sena żdied il-mekkaniżmu u għalhekk ix-xeni setgħu jkunu ikbar. Marco Bartolo ħadem ukoll b’kuluri jgħajtu fuq xeni tipiċi Maltin bħall-gardjola ta’ l-Isla u l-Waterfront.
Il-kostumi huma kollha ġodda u meħjutin minn Lily Meli u l-mużika hi live b’direzzjoni ta’ Neville Gatt u kor taħt id-direzzjoni ta’ Abigail Brown. Il-kitba hi ta’ Josè Micallef li hu parti min-novità tal-pantomima għal din is-sena. Il-koreografija hi ta’ Michelle Zerafa u d-direzzjoni ta’ Bryan Muscat. Il-produzzjoni eżekuttiva hi ta’ Pawlu Testa.
L-atturi huma Ronald Briffa bħala Aladin, Tereża Gauci, Ina Robinich, Ludwig Galea, Pamela, Debbie Scerri, Anthony Ellul, Manuel Cutajar, Laura Bruno, Mario Camilleri, Louis Gatt, Eileen Micallef, Sarah Camilleri, Rodney Gauci, Frankie Borg, Dominic Cini u ħafna oħrajn.
Għal aktar informazzjoni żuru www.teatrurjal.com fejn issibu informazzjoni fuq il-pantomima stess kif ukoll fuq il-kumpanija Teatru Rjal u x-xogħol tagħhom li sar matul dawn l-aħħar 15-il sena. L-ibbukkjar tal-biljetti jista’ jsir kuljum mid-9am sas-1pm u mill-4.30pm sat-8pm fuq 21238429. Il-ħinijiet tal-wirjiet huma llum fl-4pm; 26 ta’ Diċembru fis-2.30pm u s-7.30pm; mis-27 sad-29 ta’ Diċembru fis-7pm; is-Sibt 30 ta’ Diċembru fis-7.30pm u fl-aħħar tas-sena fis-2.30pm. F’Jannar il-ħinijiet huma: l-ewwel tas-sena fis-2.30pm; fil-5 ta’ Jannar fis-7.30pm; l-għada fis-7pm u l-Ħadd fis-2.30pm u s-6.30pm.
Fi kliem Pawlu Testa l-pantomima hi “pakkett komplut. Hemm spettaklu sħiħ ta’ kustumi, żfin u kant li n-nies żgur li tieħu pjaċir tara.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt