17 ta' Diċembru 2006
It-Tliet Muskettieri + Plus + Plus
Franica Pulis
Bħal kull sena waslet iċ-ċerimonja li fiha r-Reġina tippreżenta l-Ġojjel Imsaħħar lis-sudditi tagħha. Permezz ta’ dan il-ġojjel ir-Reġina għandha s-setgħa tar-renju u għalhekk il-Kardinal Richelieu, megħjun mill-qaddejja tiegħu, jagħmel minn kollox biex jaħtaf dan l-imbierek ġojjell…
Din is-17-il pantomima mtellgħa mill-għalliema tal-Liċeo Carlo Diacono tal-Bniet taż-Żejtun se tkun differenti minħabba li hi iktar kompatta bi skript li faċilment seta’ jittella’ mingħajr diski. It-tim tal-produzzjoni ħass il-bżonn li jqassarha minħabba li sena wara sena bdiet titwal.
Skond Stefan Scerri, attur u direttur tal-pantomima, “L-ikbar sfida bħala attur, li hi sfida ta’ dejjem, hi li nneħħi l-karattri ta’ qabel. Għandhom ħabta dejjem joħorġu traċċi tal-karattri u għalkemm forsi jaħdmu ma’ l-udjenza, jien inħoss il-bżonn li nneħħihom.” Bħala direttur l-itqal biċċa xogħol kienet li jgħin l-għalliema joħorġu karattru ieħor minn dak li kienu mdorrijin jagħmlu s-soltu. Din is-sena speċjalment ingħatulhom karattri totalment differenti mis-soltu biex isservihom ta’ sfida u biex l-udjenza tara xi ħaġa differenti.
L-għan ewlieni tal-pantomima hu li l-għalliema li forsi ma jkollhomx ċans jiltaqgħu waqt il-ħin ta’ l-iskola jkollhom iċ-ċans jingħaqdu għall-istess opportunità teatrali. Dawn l-aħħar snin kienet qed isservi wkoll ta’ esperjenza għall-istudenti ta’ l-iskola stess kif ukoll għal dawk li jkunu spiċċaw. Fil-fatt il-kor u n-nies ta’ wara l-palk huma kollha studenti u wħud mill-atturi huma ex-studenti tal-Liċeo.
Trevor Zahra għas-16-il darba ħa ħsieb il-kitba. Il-kor hu mmexxi minn Mary Sammut, koreografija ta’ Louise Abela u d-direzzjoni hi f’idejn Stefan Scerri. B’kollox hemm mat-30 għalliema li qed jieħdu sehem fil-produzzjoni b’xi mod jew ieħor u mas-70 studenta li jagħmlu parti mill-kor jew li jgħinu minn wara l-kwinti.
L-ispettaklu tistgħu tarawh minn nhar it-Tlieta 19 ta’ Diċembru sal-Ħamis 21 fis-7pm. Il-biljetti jinkisbu mill-iskola billi ċċemplu fuq 21694725 jew 21678188.
L-aħħar kumment ta’ Scerri fuq nota umoristika: “Hemm dak l-element ta’ ġenn ukoll li jgħaqqadna. Li tagħmel tliet xhur għaddej bla waqfien fuq xogħol totalment volontarju u tispiċċa teħodhom minn saħħtek… bilfors li aħna mġienen.”
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt