Milied ieħor ma’ l-MADC fit-Teatru Manoel. Mid-dehra l-MADC ħadu spunt mill-mitoloġija Griega, bagħbsu ftit magħha, żiedu ftit elementi pantomimeski u ħolqu l-istorja ta’ Erkole. L-istorja did-darba tmur hekk:
Iben Zeus u Ħera jinħataf meta jkun għadu tifel mill-Medusa u Phobia, imqabbdin minn Ħades, li hu l-alla tad-dinja ta’ taħt l-art. Erkole jinbidel f’nofs alla u nofs bniedem wara li jġagħluh jixrob taħlita msaħħra.
Id-dama Olympia tieħu ’l Erkole fi ħdanha biex trabbih hi u bis-saħħa tagħha t-tifel jirnexxielu jżomm is-setgħat li kellu bħala alla għalkemm jibqa’ maqbud f’ġisem uman.
Erkole, biex juri li hu tassew eroj, jispiċċa jdur id-dinja li permezz t’hekk ikollu ħafna avventuri farseski.
Permezz ta’ din il-pantomima Alan Montanaro u Edward Mercieca reġgħu ingħaqdu fuq il-palk flimkien. Magħhom hemm ukoll Edward Degaetano, Jo Caruana, Ralph Mangion, Jane Pillow, Adrian Gatt, Simon de Marco, Marika Mizzi u Jean Pierre Agius. Il-kitba hi ta’ Alan Montanaro, id-direzzjoni ta’ Frederick Testa u l-koreografija ta’ Kristina Schranz.
L-ewwel spettaklu hu fis-26 ta’ Diċembru sat-30 u mit-2 ta’ Jannar sa l-14, ħlief fit-8 ta’ Jannar. Il-biljetti jinkisbu mit-Teatru Manoel bookings@teatrumanoel.com.mt jew 21246389.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt