17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Ħtieġa ta’ għarfien xieraq

Riżors mill-aktar importanti tal-qasam tas-saħħa hu r-riżors uman, il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-servizz. Illum se nirreferi għall-ħaddiema Paramediċi u għall-Ispetturi tas-Saħħa. Ħafna minn dawn il-ħaddiema narawhom jagħtu sehemhom filwaqt li oħrajn jagħtu s-sehem tagħhom ’il bogħod mill-għajn tal-pubbliku.
Il-ħaddiema Paramediċi jagħtu s-sehem tagħhom fil-qasam dijanjosi bħala radjografi u teknoloġisti tal-Laboratorju Mediku u li permezz tagħhom isir magħruf x’tip ta’ mard hu biex wara tingħata l-kura meħtieġa. Narawhom fil-qasam tal-Kura u r-rijabilitazzjoni bħala fiżjoterapisti, occupational therapists, podoloġisti, dental technologists u hygienists. Ukoll l-Ispetturi tas-Saħha jħarsu s-saħħa pubblika billi jaraw li l-iġjene tinżamm fl-istabbilimenti ta’ l-ikel u irziezet fost l-oħrajn. Jaraw ukoll li jkollna ilma baħar mhux imniġġes, sistema ta’ drenaġġ kif suppost u li ma jkunx hawn inħawi bi skart.
Kelli nsemmi dan ix-xogħol utli minn dawn il-professjonisti għaliex hu ferm importanti li l-ħaddiema fil-qasam tas-Saħħa: u f’dan il-każ partikolari l-ħaddiema Paramediċi u Spetturi tas-Saħha, jingħataw għarfien xieraq mill-awtoritajiet konċernati. Fost oħrajn dan ir-rikonoxximent irid jingħata billi dawn il-ħaddiema jkollhom avvanz reali fil-karriera tagħhom billi jkollhom struttura ta’ gradi li realment toffri dan l-avvanz.
Hu ferm sfortunat li fid-diskussjonijiet li qed isiru bejn il-Gvern u l-UHM dwar l-istruttura tal-gradi Paramediċi u Spetturi tas-Saħha, filwaqt li l-awtoritajiet tas-Saħha issottomettew proposti lill-UHM li wrew li jixtiequ jimxu lejn triq li toffri avvanz ta’ karriera ta’ dawn il-ħaddiema, l-awtoritajiet għolja f’Kastilja qed jiċħdu dan. Din is-sitwazzjoni qed iġgib tħassib ukoll għaliex hi verament tal-mistħija li l-UHM tingħata l-impressjoni li qed tiddiskuti fuq proposti sottomessi biex imbagħad l-awtoritajiet f’Kastilja jirtirawhom. Dawn huma fares fir-relazzjonijiet industrijali.
Il-ħaddiema Paramediċi u l-Ispetturi tas-Saħha żġur li jistħoqqilhom trattament aħjar f’dak li hu avvanz fil-karriera u serjetà fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali. Triq oħra tkun sfiduċja mill-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam.
John M. Briffa
Rappreżentant UHM
Floriana

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt