17 ta' Diċembru 2006
Eloġju lill-Arċisqof Pawlu Cremona
Patri Pawl hu l-bniedem ideali għall-kariga ta’ Arċisqof li teħtieġ bniedem tat-talb, qaddis, ta’ spiritwalità profonda, umli u pożittiv. Patri Pawl dejjem bi tbissima fuq xufftejh, mogħti kompletament għas-servizz ta’ l-oħrajn bħall-kotra tad-Dumnikani ħutu.
Imma fl-istess ħin Patri Pawl hu bniedem għaref li jifhem mhux biss dwar temi teoloġiċi, iżda hu wkoll analitiku, prattiku, ta’ prinċipji soċjali qawwija msejsa fuq il-Kelma t’Alla u t-Tagħlim Socjali tal-Knisja. Hu bniedem sod, ma jibżax ma jaqbilx miegħek jekk hu meħtieġ u mogħni mill-Mulej bid-Don tal-Kelma faċli, ħelwa u ta’ tama għal kulħadd.
Ngħid għalija, lilu wkoll kont nagħmel kieku kelli l-opportunità nagħżel l-arċisqof jien.
Niżżiħajr ’l Alla għall-għażla tiegħu.
Kulmin jafu ra fih kandidat qawwi, idoneju u mħejji għal responsabbiltà bħal din.
Meta xi xhur ilu kien ħalla l-Kunvent tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat wara ħafna snin iservi minn hemm, ngħid għalija sewwidt qalbi ħafna. Il-kelma tiegħu, speċjalment fl-omelija, minn dejjem fittixtha. Issa, imma, fraħt ħafna u berikt lil Mulej, għax reġa’ ġie lura lejna lkoll. Sar ir-Ragħaj Spiritwali tagħna l-Maltin kollha.
B’Patri Pawl fit-tmun il-Knisja f’Malta żgur li se tibbenefika. Kulħadd għandu jserraħ moħħu. Imma l-ħidma li għandu quddiemu m’hix żgħira jew ħafifa. Għalhekk irridu nkomplu nitolbu ħafna għalih.
Li tkun Arċisqof fi żminijiet diffiċli bħal dawk tal-lum hu piż enormi.
Il-Mulej u l-Omm Imbierka li tant jgħożż se jkunu dejjem miegħu biex iwettaq ħwejjeġ kbar għall-fejda tal-kotra u għall-Glorja t’Alla.
Joseph Ellul
Rabat
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt