17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
“Din hi l-Ewroviżjoni tiegħi”

Karl Stagno-Navarra jintervista lil Robert Abela, Chairperson tal-Maltasong

AnnaBelle, Isabelle, Konrad Pulè, Daniela Delicata. Dawn huma wħud mill-ismijiet minn fost il-lista ta’ 14-il kantant finalist li fi Frar li ġej se jikkompetu biex jaslu sa l-aħħar serata tal-Kanzunetta għall-Ewropa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt.
L-ismijiet huma biss ftit mil-lista ta’ finalisti – kif magħżula ġimgħa ilu – li hi dominata minn “ismijiet sorpriża” jew li huma pjuttost ġodda fix-xena mużikali.
L-uniċi ismijiet ta’ kantanti stabbiliti li rnexxielhom jidħlu bħala finalisti huma Olivia Lewis u William Mangion.
X’ġara? Għaliex dan it-taqlib kollu?
Ir-risposta tinsab fil-metodu ġdid li beda jintuża biex jintgħażlu l-kantanti, u fuq kollox dik il-kanzunetta li tista’ taqla’ lil Malta mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Eurovision ta’ Helsinki f’Mejju li ġej.
Ir-riżultat diżastruż miksub minn Malta aktar kmieni din is-sena f’Ateni bil-kanzunetta ‘I Do’ ta’ Fabrizio Faniello tikseb l-aħħar post fil-klassifika tal-voti finali, iġġiegħel lil Malta li tipparteċipa fi pre-kompetizzjoni li matulha issa teħtieġ li tintgħażel minn fost 10 li jridu jidħlu għall-finali ta’ l-Eurovision f’Helsinki.
B’hekk r-riżultat diżappuntanti miksub minn Malta wassal għal reviżjoni sħiħa fil-metodu ta’ l-għażla tal-kanzunetta li se tirrappreżenta lil Malta.
“Irridu nifhmu li l-kanzunetta ta’ Malta għall-Eurovision mhix se tibqa’ Malta. Se tkun esportata u għalhekk teħtieġ tirrispondi għall-ħtiġiet tal-gosti u s-suq internazzjonali,” sostna ċ-Chairman tal-Maltasong Robert Abela f’intervista ma’ Illum li matulha spjega l-mekkaniżmu li tħaddem biex intgħażlu l-kanżunetti finalisti għall-festival li ġej.
“Din kienet l-ewwel darba li morna għal ġurija totalment barranija magħmula minn esperti fil-qasam mużikali,” spjega Robert Abela li żied fuq kif il-ġurija ma ħarset lejn wiċċ u isem ħadd.
“Il-MaltaSong hi determinata li twassal sa Helsinki dik il-kanzunetta li tista’ tinbiegħ barra u li ma tkunx popolari biss għall-widna Maltija,” insista.
Viżibbilment konvint mill-istrateġija l-ġdida li nsista fuqha kemm ilu fil-kariga bħala Chairman tal-MaltaSong, Robert Abela qed jappella lill-pubbliku Malti biex jifhem l-importanza li tintgħażel kanzunetta li tkun “esportabbli”.
B’kollox kien hemm 228-il kanzunetta li kienu sottomessi għall-konsiderazzjoni. Madankollu fit-tieni fażi ntgħażlu 35 li minnhom intgħażlu 14-il finalista għas-semi-finali f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
“Neħħejna l-ġurija ta’ Maltin apposta. U bl-akbar responsabbiltà ninsisti li għamilna sew għax hekk neħħejna l-piż li wieħed jiffavorixxi aktar lill-kantant milli l-kanzunetta”.
Għal Robbie Abela “ma jfisser xejn jekk int stabbilit jew le. L-importanti li l-kanzunetta tkun tajba għall-barra u mhux staġnata għas-suq lokali biss.”
B’hekk, fi ftit kliem, hu dan il-fattur prinċipali li “heżżeż” l-affarijiet għall-festival li ġej.
Robert Abela hu ċar fi kliemu : “Nappella lill-awturi u lill-kompożituri biex jimirħu u ma jistaġnawx. Neħtieġu ħoss ġdid u mhux aktar dak li nassumu li hu tradizzjonali għall-Eurovision.”
Il-ġurija barranija ma jimpurtahiex min hu jew min hi l-kantanta. Jimpurtaha biss mill-ħoss mużikali, jimpurtaha biss jekk il-kanzunetta hiex kompetittiva, tal-widna u li tappella għall-pubbliku kollu mifrux madwar il-kontinent u mhux f’Malta biss.
“Jien sorpriż ħafna bit-talent il-ġdid li ħiereġ u li jidher fil-lista ta’ finalisti,” spjega Abela li żied kif minn fost il-ġurija kien hemm min diġa’ ħa nota ta’ xi ismijiet ta’ kantanti u dan għax hemm il-possibbiltà li wara l-festival ċerti kantanti jkunu avviċinati għal kuntratti.
“Dan hu li rrid nisma’ u nara li qed jiġri fix-xena mużikali Maltija,” saħaq Robert Abela li żied jikkummenta fuq dak li fisser bħala “bir wiesa’ ta’ talent kbir”.
“B’dan it-talent kollu li għandna kapaċi niksbu s-suċċessi, kemm fuq livell ta’ kantanti individwali kif ukoll bħala pajjiż u dan ovvjament fuq il-palk internazjonali.”
Waqt l-intervista fakkart lil Robert Abela fir-riżultat miksub minn Malta fil-Eurovision li għadda. Hu reġa’ tenna kif bħala chairperson, kif ukoll il-kumitat kollu tal-MaltaSong, m’għandhom iġorru l-ebda ħtija għar-riżultat.
“Għamilna dak kollu li kien meħtieġ li jsir u ma fallejna l-ebda obbligu tagħna. Il-kanzunetta ta’ Fabrizio Faniello ntgħażlet mill-pubbliku Malti u mhux minna l-kumitat,” sostna.
Fi kliem iċ-Chairperson tal-MaltaSong, il-kanzunetta ‘I Do’ ta’ Fabrizio Faniello għamlet suċċess mal-Maltin. Madankollu ma niżlitx tajjeb ħafna mal-pubbliku Ewropew f’dawk it-tliet minuti ta’ wirja fuq il-palk ta’ Ateni.
Fl-istess ħin kien hemm il-fattur tas-sorpriża tal-Finlandiżi ‘Lordi’ li bil-kanzunetta ‘Rock Allelulia’ u l-istil li ħarġu bih kaxkru l-voti mingħand kulħadd u din kompliet titfagħna lura.
Robert Abela jibqa’ sod wara Fabrizio Faniello. “Hu kantant tajjeb, umli u kien raġel biżżejjed li jassumi pubblikament ir-responsabbiltà ta’ dak li seta’ għamel fiċ-ċirkostanżi.”
“Fabrizio ma beżax imur quddiem il-kameras tat-TV, jieħu l-kritika kollha li saritlu u jibqa’ jitkellem mal-pubbliku Malti minkejja l-umiljazzjoni li ġarrab,” sostna.
Filwaqt li żied fuq il-konvinzjoni tiegħu li l-poplu Malti ma ħadhiex lanqas kontra Fabrizio Faniello, Robert Abela sellem l-irġulija tal-kantant li għaraf il-mument li jaffronta lill-pubbliku diżappuntat bir-riżultat.
“Fabrizio għandu karattru sod u hu professjonista u nemmen bis-sħiħ li l-esperjenza ta’ Ateni saħħitu u mmaturatu.”
Imwarrba l-kwistjoni dwar ir-riżultat miksub fl-aħħar edizzjoni ta’ l-Eurovision, jien u Robert Abela nibdew nitkellmu fuq l-agħa kbira li tinqala’ f’Malta kull darba li jasal iż-żmien kemm għall-festival kif ukoll għall-Eurovision.
“Tistenna din l-agħa għax hu l-uniku palk internazzjonali għall-kanzunetta Maltija. It-Taljani għandhom il-vetrina ta’ Sanremo, u għalina l-festival tagħna hi l-vetrina tagħna.”
“Fil-Eurovision ksibna riżultati eċċellenti u sirna poplu li nagħtu l-appoġġ bis-saħħa lil kulmin irrappreżentah,” sostna.
U l-festival li ġej?
“Qed inbiddlu ħafna affarijiet u se nagħmluh isbaħ,” weġibna Robert Abela li għażel li ma jiżvelax dettalji dwar x’inhu ġej fis-serati ta’ l-1 u t-3 ta’ Frar 2007.
“Li nista’ ngħidlek hu li se jkun spettaklu sabiħ u ilna naħdmu għalih għal dawn l-aħħar ġimgħat speċifikament biex il-prodott ikun wieħed tajjeb ħafna u li jirrispondi għaż-żminijiet ta’ llum.”
Allura l-ebda antiċipazzjoni?
“Li nista’ ngħidlek hu li għadni kif ġibt il-konferma li l-kantanta Ruslana ta’ l-Ukrajna, li rebħet il-Eurovision tas-sena l-oħra, se tkun Malta għall-festival fis-serata finali”.
Din se tkun l-ewwel darba li l-festival se jkollu serata għal semi-finali li matulha l-ġurija – li għal darb’oħra se tkun kollha barranija – se jkollha 50 fil-mija tal-vot, filwaqt li l-pubbliku se jkollu 50 fil-mija oħra tal-kelma permezz tat-televoting.
Minn dik is-serata se jgħaddu sitt finalisti biss. Minn fosthom, fis-serata tat-3 ta’ Frar, ikun il-pubbliku stess li jkollu r-responsabbiltà ta’ l-għażla bit-televoting għall-kanzunetta għall-Ewropa.
U l-preżentaturi?
“Tkellimna ma’ diversi nies u wasalna biex identifikajna l-persuni li se jippreżentaw il-festival li ġej. L-ismijiet huma mistennija li jitħabbru aktarx il-ġimgħa d-dieħla.”
Lejn tmiem l-intervista, waqt li Robert Abela kien qed jilgħab bl-ispaga tal-borża tat-tè li niżżel f’kikkra bil-misħun, staqsejtu: Temmen li kapaċi nirbħu l-Eurovision?
“Mela le. Wasalna sat-tieni post ma’ Chiara. Ma naslux l-ewwel xi darba tgħid? Irridu nżommu saqajna ma’ l-art, u nibqgħu ngħarfu li l-kanzunetta li se nibagħtu għall-Eurovision tkun tappella għas-suq Ewropew,” jibqa’ jinsisti.
Allura Robert Abela jixtieq li jkun għadu ċ-Chairperson tal-MaltaSong dakinhar li b’mod ipotetiku Malta tasal biex tirbaħ il-Eurovision?
Iweġibni b’daħka, iżda żamm serju: “Dan hu totalment irrilevanti. L-importanti li t-talent Malti jkun ħa l-premju li jkun jistħoqqlu fuq il-palk internazzjonali.”

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt