17 ta' Diċembru 2006 • Nr 7

Arkivji




 

17 ta' Diċembru 2006
Ragħaj spiritwali mhux direttur

Bla dubju l-għażla ta’ l-Arċisqof il-ġdid qajmet diskussjoni sħiħa fil-pajjiż u b’mod partikolari fi ħdan il-Knisja.
Dan mhux għax il-kariga ta’ l-Isqof mhix waħda li tiġri ta’ spiss u hija l-aktar kariga importanti fil-Knisja lokali, imma għax f’Malta, b’differenza għal kważi l-pajjiżi Ewropej l-oħrajn, il-Knisja għad għandha preżenza qawwija fis-soċjetà tagħna. Dak li jgħidu u jagħmlu l-Isqfijiet għadu jinteressa lill-poplu, anki dawk li m’għadhomx iqisu ruħhom bħala Kattoliċi prattikanti.
U għalhekk l-għażla ta’ l-Arċisqof hija waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti li tolqot b’xi mod jew ieħor lilna lkoll. Għall-Knisja hija mument kritiku għax tiddetermina d-direzzjoni li l-Knisja se tieħu għal numru mdaqqas ta’ snin.
Il-komunità nisranija tiddependi fuq il-ministeru ta’ l-Isqof tagħha biex jipprovdiha bit-tmexxija, bil-viżjoni, bl-għerf, bid-direzzjoni, bix-xhieda pubblika u bil-kura pastorali.
Irridu niftakru li s-sitwazzjoni ta’ Malta hija tipika, għax b’differenza għal pajjiżi kbar fejn Isqof jista’ jiġi trasferit għal djoċesi oħra, f’Malta għandna biss żewġ djoċesijiet u għalhekk l-Isqof normalment idum imexxi għal numru mdaqqas ta’ snin. Tant hu hekk li fl-aħħar seklu kellna biss tliet Isqfijiet. Fil-każ ta’ Mons. Paul Cremona, l-Isqof il-ġdid, nistennew li dan se jdum imexxi l-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-15 il sena li ġejjin.
Jingħad li meta jkun se jintgħażel papa ġdid, min jidħol għall-konklavi bħala papa joħroġ minnu bħala kardinal. Fi kliem ieħor, min l-aktar li jissemma huwa l-aktar li jonqoslu ċ-ċans li jintgħażel. U fil-każ ta’ l-isqfijiet, il-każ mhux tant differenti.
Xi nies, b’mod partikolari ġurnalisti, kienu ilhom is-snin jispekulaw fuq li jispekulaw min kien fuq quddiem fit-“tiġrija”. Il-qlajjiet ma naqsux. Kien hemm min saħansitra kiteb li xi sezzjoni tal-Knisja kienet kontra li jinħatar patri bħala Arċisqof! L-isem tad-Dumnikan Patri Pawl ftit li xejn issemma. U għalhekk l-aħbar tal-ħatra tiegħu, għal ħafna, ġiet bħala sorpiża.
Min jafu ma skantax! Min hu qrib tiegħu u jaf il-kwalitajiet sbieħ tiegħu jaf li hija għażla providenzjali. Patri Pawl ma waqax mis-sema. Hu magħruf sewwa bħala predikatur fin, għalliem kolt, qrib in-nies, ma jibżax jieħu deċiżjoni, għandu viżjoni ċara ta’ Knisja li għalkemm ma tibdilx it-tagħlim fundamentali tagħha, qed tgħix u taħdem f’dinja li kontinwament qed tinbidel.
L-għażla ta’ l-Isqof mhix sempliċiment waħda amministrattiva, politika jew maniġerjali, imma fuq kollox hija waħda spiritwali.
Għax fuq kollox l-Isqof huwa ragħaj spiritwali u mhux direttur hu mexxej tal-poplu ta’ Alla u mhux ta’ korporazzjoni, hu rappreżentant tar-ras tal-Knisja li huwa Kristu.
Persważ li l-Arċisqof Cremona se jkun dan kollu. Il-fatt li kien kappillan se jgħinu jifhem u jgħin aħjar lil dawk li fl-opinjoni tiegħi huma l-“muturi” tal-ħidma pastorali u spiritwali. Se jifhem aktar, per eżempju, l-uġigħ kbir li l-festi parrokkjali jikkawżaw lill-kappillani u xi sfida għandha l-Knisja biex issafihom mill-elementi folklorisitiċi, kont se ngħid pagani, li tgħabbew bihom.
L-Isqof Pawl se jifhem u jkun qrib aktar il-movimenti ekkleżjali ġodda li feġġew fil-Knisja f’dawn l-aħħar snin. Dawn huma forza ġdida fil-Knisja – forza ta’ impenn, dedikazzjoni, mibnija l-aktar fuq it-talb, l-ispirtu komunitarju, u l-ħeġġa għall-evanġelizzazzjoni. Konvint li se jisfrutta aħjar dawn il-movimenti, li minkejja li ftit jingħataw spazju fil-media, huma element li qed iħalli bidla sostanzjali fil-grass roots.
Waħda mill-għażliet frontali li ħadet il-Knisja permezz tas-Sinodu Djoċesan hija dik li trid tidher u tinħass li hija komunjoni. Irid jgħaddi ż-żmien biex jibda jinħass il-frott tas-Sinodu. Għax is-Sinodu indirizza l-mentalitajiet. U biex dawn jinbidlu jieħdu ż-żmien. Patri Pawl kien fuq quddiem nett fis-Sinodu. Diġà qal li s-Sinodu huwa wieħed mil-legati li se jiret mingħand il-predeċessur tiegħu.
Persważ li se jaħdem bil-qawwa tiegħu kollha biex jarah implimentat.
Bħala bniedem li huwa frott ta’ komunità reliġjuża, li jaf bis-sabiħ u l-iebes tagħha, nemmen li se jgħin biex il-Knisja tkun u tidher li tkun il-komunità ta’ dawk li jemmnu fil-Fundatur tagħha.

Nikol Baldacchino huwa editur ta’ Il-Ġens

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt