William Sydney Porter kien kittieb Amerikan li għex bejn l-1862 u l-1910. L-istejjer qosra tiegħu, li tant kien magħruf għalihom, u l-artikli li kien jikteb f’diversi ġurnali kienu jġibu l-firma ta’ O. Henry. Dan O. Henry biddel bosta postijiet tax-xogħol u wara li darba nqabad ibagħbas xi flus meta kien jaħdem f’bank kellu joqgħod idur minn post għall-ieħor biex jevita l-ġustizzja u spiċċa proprju fil-Honduras. Kien f’dan iż-żmien li O. Henry ivvinta ż-żewġ kelmiet ‘Banana Republic’. Ħafna drabi b’Repubblika tal-Banana nifhmu pajjiż żgħir (x’aktarx fl-Amerika t’Isfel) fejn hemm instabbiltà politika u liema pajjiż ħafna drabi jkun jiddependi minn riżorsi agrikoli limitati u li jkun immexxi minn klikka ta’ sinjuri korrotti li jirnexxilhom jiksbu l-poter bl-għajnuna u l-interventi diretti ta’ gvernijiet Amerikani u l-involviment tas-servizz sigriet Amerikan. Għal O. Henry il-kelma repubblika kienet kelma oħra li tfisser dittatorjat, filwaqt li banana kienet tirreferi għad-dipendenza fuq l-agrikultura u ż-żamma ta’ progress lejn l-iżvilupp tat-teknoloġija industrijali moderna.
Iż-żminijiet jinbidlu u jbiddlu; iżda minkejja li t-tifsira ta’ dawn iż-żewġ kelmiet illum m’għadhiex strettament dik li kienet, xorta waħda għad baqgħalha post fil-vokabolarju tal-lum.
Pajjiżi żgħar għadhom suġġetti għall-indħil u influwenzi ta’ pajjiżi ikbar minnhom. Is-sistemi politiċi – fosthom dawk imsejħa demokratiċi – ukoll huma manipulati minn gruppi żgħar ta’ nies li għandhom is-saħħa tal-flus u allura effettivament ikollhom il-kontroll tal-pajjiż f’idejhom għalkemm fid-deher jidhru n-nies li qegħdin fil-politika li qed imexxu l-pajjiż.
Nhar l-Erbgħa li għaddew fakkarna l-jum storiku meta 32 sena ilu pajjiżna sar repubblika ‘mibnija fuq ix-xogħol’. Jiġifieri sirna pajjiż rajh f’idejh mingħajr indħil ta’ ħadd u li jħares ’il quddiem biex ikompli jinbena bil-bżulija u l-għaqal tal-Maltin infushom.
Is-sinifikat ta’ dan il-jum kompla jintilef maż-żmien, l-aktar minħabba l-pika żejda li għandhom iż-żewġ partiti dwar liema avveniment nazzjonali għandu jkun il-Jum Nazzjonali. Kulma jsir huma ftit ċerimonji ta’ parati u saluti fil-Belt u tqegħid ta’ fjuri f’ħoġor il-bustijiet ta’ l-eks presidenti tar-repubblika. Taparsi jsiru kelmtejn ta’ l-okkażjoni u nispiċċaw nagħtu l-midalji ta’ Ġieħ ir-Repubblika lill-magħżulin. Min jaf kemm hawn min ħaqqu ġieħ ikbar u jibqa’ qatt ma jissejjaħ biex ixiddulu l-midalja fuq il-pavru!
Iżda l-ipokresija toħroġ mill-fatt li din l-imħabba kollha li għandhom il-partiti għal din ir-repubblika rriduċewha f’kompetizzjoni bejniethom ta’ maratona ta’ ġbir ta’ fondi. Il-festi pubbliċi jew il-Jiem Nazzjonali għalhekk saru jiġu: biex noqogħdu niġbru “il-ftit mingħand il-ħafna” ħalli nużawhom għall-propaganda waqt l-elezzjoni jew biex inlestu l-proġetti ta’ bini li dħalna għalihom mingħajr ma qisna safejn nistgħu mmiddu saqajna.
L-ipokresija toħroġ mill-fatt kif in-Nazzjonalisti jippruvaw inaqqsu mill-mertu u l-importanza ta’ din il-ġrajja għaliex seħħet fi żmien Mintoff, waqt li l-Laburisti jkollhom ibaxxu rashom għax jekk jonfħu din il-ġrajja jerġgħu jqajmu lil Mintoff mill-“qabar politiku” li difnuh fih. L-aqwa li l-partiti ġabru b’nofs miljun liri Maltin minn fuq dahar il-poplu f’Jum ir-Repubblika!
Jien, bħal ħafna oħrajn, ma tinżillix illi dawn l-eluf ta’ liri għall-partiti qegħdin jinġabru bil-ftit tal-ħafna. Naqta’ rasi taħt mannara li l-biċċa l-kbira tal-ġabra tiġi bil-ħafna tal-ftit. Żgur li hemm nies tan-negozju, kuntratturi u benefatturi oħra illi jiffirmaw ċekkijiet bl-eluf tal-liri għall-partiti. Fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jagħmlux dan biex jistqarru b’mod konkret it-twemmin politiku tagħhom iżda jagħmlu dan biex jidhru sbieħ mal-partit biex jinvestu f’ġejjieni sod!
Uħud minnhom ma jkollhomx triq oħra għax ikollhom iċedu quddiem il-pressjoni li ssirilhom biex ipattu għall-obbligazzjonijiet li għandhom lejn il-partit fil-Gvern jew għall-obbligazzjonijiet li jista’ jkollhom jekk jinbidel il-partit fil-Gvern. Naturalment, Malta qatt ma rrifjutat qamħ u mhux qed nistennew li l-partiti jilagħbuha tal-verġni u ma jilqgħux b’idejhom miftuħin l-eluf tal-liri li jippumpjawlhom dawn it-talin ġenerużi. Bid-djun li għandhom u bl-ispejjeż dejjem jiżdiedu l-partiti ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, jgħidu x’jgħidu. U b’hekk nibża’ li nistgħu nispiċċaw ngħixu f’Repubblika tal-Banana!
Sa ftit taż-żmien ilu konna nisimgħu ħafna ftaħir dwar it-trasparenza u l-moralità fiskali. Imma fejn jirrigwardja l-finanzjament tal-partiti skiet perfett. Kollox bil-ħabi u sodisfazzjon lill-pubbliku jew ta’ lanqas lill-imsieħbin, ftit li xejn. Mela fejn jolqot il-gvern nippriedkaw l-iskrutinju u t-trasparenza u fejn jidħol il-partit indoqqu mużika totalment differenti.
Nammetti li kont sorpriż dan l-aħħar meta rajt ippubblikat fuq gazzetta rendikont tal-PN dwar il-proġett tad-Dar Ċentrali. U kont sorpriż iktar meta taħt “spejjeż ġenerali” (jew affarijiet oħra) rajt l-ammont ta’ madwar mitt elf lira! Sabiħa t-trasparenza, basta għand ħaddieħor!
F’ġieħ is-sewwa u l-integrità l-politiċi tagħna huma obbligati li jiddikjaraw il-ġid kollu li għandhom sa l-anqas ċenteżmu. Jagħmlu hekk biex inserrħu rasna li dawn ma japprofittawx mill-pożizzjoni tagħhom għall-gwadann personali u biex jevitaw il-konflitt ta’ interess li jista’ jkollhom. Għalhekk ma nistax nifhem kif l-istess raġunament ma japplikax fil-każ tal-partiti politiċi tagħna.
Il-Partit ukoll irid jassumi r-responsabiltà ta’ għemilu u jibża’ għall-integrità (kollettiva) tiegħu. Jekk ma jsirx dan, il-kuntratturi se jibqgħu jiġru wara l-partiti, u l-istess jagħmlu l-partiti mal-kuntratturi, speċjalment meta r-riħ ikun jonfoħ bil-kontra. Kif imbagħad triduna nemmnu li t-taħlit tal-politiċi man-negozjanti jew kuntratturi huwa purament koinċidentali?
Dan it-tħabbib, fid-deher u fil-magħluq, ta’ nies fil-politika ma’ ċerti nies fin-negozju huwa perikoluż għad-demokrazija. Ma jistax ikun li pajjiżna effettivament ikun qed jitmexxa minn erbgħa minn nies li jkun irnexxielhom jitħabbu mal-politiċi biex litteralment jakkwistaw il-poter li jagħmlu l-ilma jiżfen! Ma jistax ikun lanqas li l-politiċi tagħna jispiċċaw pupazzi f’idejn erbgħa minn nies li jiftaħru li jkunu huma li “għamluhom nies”!
Kif jista’ jkun li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun effettivament tiddependi minn erba’ individwi li sabu ruħhom fil-kamra tal-bord ta’ bank privat u saħansitra l-Gvern iħossu magħfus f’morsa meta jikkonfrontahom? Ma jistax ikun, li erba’ kuntratturi jibilgħu d-dinja f’ħakka t’għajn waqt li ħaddieħor jibqa’ jittewweb. Saħansitra s-suq tax-xogħol ikun jiddependi mid-deċiżjonijiet li jieħdu huma, kif indirettament jiddeterminaw huma wkoll is-sostenibbiltà tas-servizzi soċjali!
O. Henry kiteb għal żmienu fil-Honduras. Iżda kien jaf x’inhu jgħid! Min jaf aħna għadx inżidu festa pubblika oħra biex niċċelebraw Jum ir-Repubblika tal-Banana?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt