Ftit titwemmen min-nies tat-triq li l-partiti politiċi m’għandhomx flus biex imexxu l-istrutturi tagħhom u għalhekk ikollhom bżonn jirrikorru għal maratoni ta’ ġbir. Sfortunatament illum il-partiti politiċi ewlenin saru magni kummerċjali, b’mezzi televiżivi li jixorbu l-eluf tal-liri. Is-segretarji ġenerali taż-żewġ partiti sfortunatament aktar saru qishom maniġers ta’ xi kumpanija milli muturi ta’ ħsieb politiku li jixprunaw l-ideoloġija u l-proposti tal-partit.
Dan bilfors iwassal lill-partiti jirrikorru għand il-pubbliku b’saħħa biex jiġbru l-eluf tal-liri. M’hemm xejn ħażin li partit politiku jitlob lin-nies għad-donazzjonijiet.
Il-busillis hi li l-partiti qatt ma jagħtu rendikont sħiħ u awditjat ta’ kemm inġabru flus u mingħand min u kif eventwalment intefqu dawk il-flus.
Jekk trid temmen, f’temp ta’ sena, iż-żewġ partiti ewlenin bejniethom ġabru iktar minn nofs miljun lira. Somma kbira wisq biex titwemmen li l-flus kollha nġabru mid-donazzjonijiet li jagħtu n-nies tat-triq. Sakemm il-ġbir ma jkunx awditjat b’mod indipendenti bilfors ikollok temmen li l-partiti rċevew donazzjonijiet ġenerużi minn nies fin-negozju.
Dan huwa nuqqas kbir għax jagħti lok għal ħafna spekulazzjoni u, agħar minn hekk, jista’ jkun sors ta’ korruzzjoni li jhedded is-sisien demokratiċi.
Il-finanzjament tal-partiti jeħtieġ li jkun regolat bil-Liġi. F’ġieħ is-serjetà u d-demokrazija l-partiti politiċi jmisshom ipoġġu bil-qegħda, jiftehmu fuq qafas legali bbażat fuq trasparenza sħiħa u llum qabel għada jdaħħlu din il-Liġi fis-seħħ.
Pajjiżna jrid ikun Ewropew ukoll f’dawk l-oqsma li jaffettwaw it-tħaddim tad-demokrazija u mhux biss fuq livell kummerċjali.
Jekk dan jibqa’ ma jseħħx il-poplu jkun iktar minn ġustifikat li jaħseb ħażin fil-partiti politiċi. Il-ħbiberiji li jeżistu bejn nies fin-negozju u l-politiċi għandhom ikunu ddikjarati għax b’hekk biss tista’ tinqata’ l-ispekulazzjoni dwar tixħim, korruzzjoni u nepotiżmu fl-ogħti ta’ kuntratti pubbliċi u offerti oħra.
Il-finanzjament tal-partiti hija kwistjoni importanti anki biex terġa’ xxettel fin-nies il-kredibbiltà fil-politika u l-politiċi.
Tfal Maltin
L-istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istat tas-saħħa tat-tfal fid-dinja toffri stampa sabiħa tas-sitwazzjoni f’Malta. Jidher li l-kura tat-tfal mit-twelid sakemm jagħlqu ħames snin hi waħda tajba ħafna f’pajjiżna. Għal dan għandna nkunu kburin.
Iżda fl-istess ġimgħa li n-NU ħarġet bir-rapport tagħha, il-Kummissarju tat-Tfal ukoll ippubblikat stħarriġ dwar ir-rikreazzjoni tat-tfal Maltin. L-istudju juri xejriet inkwetanti.
Fil-pajjiż hawn nuqqas ta’ spazji miftuħa tajbin għat-tfal u fejn ikunu mħarsa minn kull periklu. F’ħafna mill-ibliet m’hemmx żoni ta’ rikreazzjoni u f’oħrajn hemm żoni li mhumiex addattati. Il-miġja tal-kunsilli lokali għenet biex l-ispazji miftuħa f’xi lokalitajiet ikunu ndukrati kif suppost iżda jeħtieġ li jsir ħafna iktar.
Apparti dan, fl-iskejjel tagħna, il-ħin ħieles mhuwiex adegwat biżżejjed. Break ta’ kwarta jew nofs siegħa, li fih iridu wkoll jieklu, żgur li ma jagħtix lit-tfal ħin biżżejjed biex jeżerċitaw lilhom infushom. U sfortunatament għadha teżisti wkoll il-mentalità fost ħafna ġenituri li l-edukazzjoni fiżika huwa ħela ta’ ħin.
Iżda forsi l-ikbar għawġ ġej mid-dar. Wisq tfal qed iqattgħu ħafna ħin quddiem it-televixin u l-kompjuter u jidraw il-ħajja sedentarja li ma tagħmlilhomx ġid għal saħħithom.
Dak li pajjiżna qed jirnexxilu jakkwista fil-bidu tat-trobbija ta’ l-ulied fejn is-saħħa tat-tfal qed tkun indukrata sew għandu jkompli jagħmlu anki f’etajiet ikbar.
It-tfal għandhom bżonn l-ispazju biex jimirħu, jiġru u jgawdu l-ambjent ta’ madwarhom. Dan huwa d-dritt tagħhom.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt